Qari tal-quddies tal-Anniversarju tat-Twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex (1864)


Stampa t-test tal-qari …

L-Anniversarju tat-Twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex (1864)

QARI I
Tifħir lill-Mulej, għax kbira l-ħniena tiegħu ma’ Iżrael.
Iż 63:7-9

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Irrid infakkar il-grazzji tal-Mulej,
insamma’ għanja ta’ tifħir lill-Mulej,għal dak kollu li għamel magħna,
għax kbira kienet il-ħnientu ma’ dar Iżrael;
mexa magħna skont l-imħabba tiegħu,
skont it-tjieba kbira tiegħu.
Hu qal: “Iva, huma l-poplu tiegħi,
uliedi li ma jimxux wiċċ b’ieħor”.
U hu sar għalihom is-Salvatur fid-dwejjaq kollha tagħhom.
Ma kienx xi messaġġier jew xi anġlu,
imma hu stess salvahom għall-imħabba u l-ħniena tiegħu.
Hu ħelishom, refagħhom, u ġarrhom dejjem fl-imgħoddi.

Il-Kelma tal-Mulej
℟. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 144(145):1b-11

℟.: Inbierek ismek, Mulej, għal dejjem.

Kuljum irrid inbierkek,
u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru wisq,
u l-kobor tiegħu ma jistax jitqies. ℟.

Nisel lil nisel isebbaħ għemilek,
u s-setgħa tiegħek ixandru.
Il-ġmiel u l-kobor tas-sebħ tiegħek iħabbru,
u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu. ℟.

Il-qawwa tal-għemejjel tiegħek tal-biża’ jxandru;
u jien fuq l-għemejjel kbar tiegħek nitħaddet.
It-tjubija tiegħek bla qies ifakkru,
jgħajtu bil-ferħ minħabba l-ġustizzja tiegħek. ℟.

Il-Mulej tajjeb u ħanin,
idum biex jagħdab u kollu tjieba.
Twajjeb il-Mulej ma’ kulħadd,
u ħnientu akbar minn kulma għamel. ℟.

QARI II
Niżżi ħajr dejjem lil Alla tiegħi minħabba fikom.
1 Kor 1:3-9

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, grazzja u sliem minn Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu. Jiena niżżi ħajr dejjem lil Alla tiegħi minħabba fikom għall-grazzja ta’ Alla li ngħatat lilkom fi Kristu Ġesù, li fih intom stagħnejtu f’kollox, f’kull kelma u f’kull għerf, skont ma x-xhieda ta’ Kristu kienet imwettqa fikom. Għalhekk m’intom nieqsa minn ebda don, intom u tistennew id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu. Huwa hu li jwettaqkom sal-aħħar biex tkunu bla ħtija fil-jum ta’ Sidna Ġesù Kristu. Alla jżomm kelmtu’ minnu kontu msejħin biex tidħlu fix-xirka ta’ Ibnu Sidna Ġesù Kristu

Il-Kelma tal-Mulej
℟. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. ℟. Hallelujah.
Is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar
qaddis hu l-isem tiegħu.
℟. Hallelujah.

EVANĠELJU
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej.
Lq 1:39-55

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fi ħdanha, u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet u tqanqlet bil-ferħ fi ħdani. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma ntqalilha min-naħa tal-Mulej!”.

Imbagħad qalet Marija:

“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,
għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien
fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,
għax ftakar fil-ħniena tiegħu,
bħalma wiegħed lil missirijietna,
b’risq Abraham u nislu għal dejjem”.

Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Tifħir lilek, Kristu.