Lezzjoni II: San Pawl tas-Salib


Fl-istess jum 19 ta’ Ottubru – SAN PAWL TAS-SALIB, SAĊERDOT

TIFKIRA

Pawlu Franġisku Danei twieled f’Ovada, l-Italja, fl-1694; f’żgħożitu li kien merkant. Fix-xewqa tiegħu għal ħajja perfetta, ħalla kollox, u ta ruħu għall-għajnuna tal-foqra u l-morda, u ħajjar oħrajn biex jingħaqdu miegħu f’dan l-appostolat. Wara li ġie ordnat saċerdot fl-1727, inxteħet wisq iżjed biex iħabrek għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Fl-1737 waqqaf l-ewwel dar tal-Kjeriċi Regolari tas-Salib u l-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu, imsejħin il-Passjonisti. Ipprietka fl-Italja kollha u għamel appostolat kbir. Wara ħajja ta’ tagħkis aħrax, miet f’Ruma fit-18 ta’ Ottubru l775.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mill-Ittri ta’ San Pawl tas-Salib, saċerdot

(Epist. 1:43; 2:440. 825)

Aħna nxandru Kristu msallab

Hija ħaġa tajba u qaddisa tiftakar fil-passjoni tal-Mulej u timmedita fuqha, għaliex din hi t-triq li twassal għall-għaqda qaddisa ma’ Alla. F’din l-iskola tassew qaddisa wieħed jitgħallem il-veru għerf: hawn tgħallmuh il-qaddisin kollha. Meta mbagħad is-salib tal-ħelu Ġesù tagħna jkun niżżżel l-għeruq tiegħu aktar fil-fond f’qalbkom, intom tkunu tistgħu tkantaw: ‘’Inbati u ma mmutx ‘’ u ‘’Jew inbati jew mmut’’, jew aħjar: ‘’La nbati u lanqas immut imma biss nagħmel ir-rieda ta’ Alla għalkollox.’’

L-imħabba hi virtù li tgħaqqadna flimkien; l-imħabba hi virtù li tagħmel tagħha t-tbatijiet ta’ Ġesù, maħbub bħala l-aqwa ġid tagħha. In-nar ta’ din l-imħabba jasal sal-fond tal-qalb, u jbiddel lil min iħobb fil-maħbub tiegħu; anzi, b’mod aktar tal-għaġeb, l-imħabba titħallat mat-tbatija u t-tbatija mal-imħabba; u l-imħabba u t-tbatija tant jitħalltu u jingħaqdu flimkien li ma tkunx tista’ tifred l-imħabba mit-tbatija u t-tbatija mill-imħabba; b’hekk ir-ruħ li tħobb tifraħ bit-tbatija u r-ruħ li tbati tithenna bl-imħabba.

Żommu mela sħiħ fil-ħarsien ta’ kull virtù; u l-aktar fix-xebh mal-ħelu Ġesù fit-tbatijiet tiegħu,  għax dan hu l-qofol tal-imħabba safja. Ġibu ruħkom b’mod li kulħadd jara li intom mhux biss f’qalbkom imma wkoll fl-imġiba tagħkom intom xebh ma’ Kristu msallab, li hu xempju ta’ tjieba u ħlewwa għalina  lkoll. Min hu qalbu magħquda ma’ Iben Alla l-ħaj, fl-imġiba tiegħu wkoll juri xebh miegħu, għaliex iħares bla heda kull virtù bi qlubija liema bħalha, u l-aktar għaliex iġarrab kollox b’qawwa hekk kbira ta’ sabar mingħajr qatt ma jgerger la f’qalbu u lanqas ma’ xi ħadd. Staħbew mela fi Kristu msallab, u tixtiequx ħaġ’oħra ħlief li kulħadd jasal biex jagħmel dejjem ir-rieda tiegħu.

Meta taslu biex tħobbu tassew lil Kristu msallab, tibdew tagħmlu dejjem il-festa tas-salib fit-tempju ta’ qalbkom, billi ġġarrbu kollox fis-skiet mingħajr ma’ tafdaw f’ebda ħaġa maħluqa. U għaliex il-festi kollha għandna niċċelebrawhom bil-ferħ, dawk li jħobbu lil Kristu msallab jagħmlu l-festa tas-salib billi jġarrbu kollox fis-skiet  waqt li quddiem in-nies jidhru ferħana u hienja, u b’hekk it-tiġrib tagħhom jibqa’ mistur għall-bnedmin u magħruf biss minn Dak li huma jħobbu bħala l-aqwa ġid tagħhom. Fil-festi dejjem issir ukoll ikla kbira, u fl-ikla ta’ din il-festa l-ikel ikun ir-rieda ta’ Alla, fuq l-eżempju ta’ mħabba li jagħtina Kristu msallab.

RESPONSORJU                                                                                                                            Gal 6:14; Ħab 3:18

1 Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu. * Li bih id-dinja hi msallba għalija u jiena għad-dinja.

2 Nifraħ fil-Mulej, nihenna f’Alla , is-salvazzjoni tiegħi. * Li bih id-dinja hi msallba għalija u jiena għad-dinja.

Talba

Nitolbuk, Mulej, li s-saċerdot San Pawl tas-Salib , jaqlgħalna minn għandek il-grazzja tiegħek, biex hu, li ħabb is-salib b’imħabba tal-għaġeb, iħeġġiġna dejjem bl-eżempju tiegħu ħalli nilqgħu bil-kuraġġ is-salib tagħna. B’Ibnek.