Qari tal-Quddies ta’ San Lawrenz, Djaknu u Martri. (F)


Stampa t-test tal-qari …

10 ta’ Awwissu
San Lawrenz, Djaknu u Martri
Festa

QARI I
2 Kor 9: 6-10

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti: Jien dan ingħid: min jiżra’ ftit, jaħsad ftit; u min jiżra’ ħafna, jaħsad ħafna. Kull wieħed għandu jagħti skont ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb li min jagħti bil-ferħ. Alla mbagħad għandu l-ħila jfawwarkom b’kull xorta ta’ barka, hekk li dejjem u f’kollox ikollkom kulma hu biżżejjed għalikom, u jibqgħalkom ukoll għal kull opra tajba. Bħalma hu miktub, ‘Huwa qassam bil-kotra u ta lill-foqra il-ġustizzja tiegħu tibqa’ għal dejjem.’ Dak li lil min jiżra’ jagħtih iż-żerriegħa u l-ħobż għall-ikel, jagħti u jkattar iż-żerriegħa lilkom ukoll, u jżid il-frott tal-ġustizzja tagħkom.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
111: 1-2.5-9

R/. Hieni l-bniedem li jħenn u jislef!

Hieni l-bniedem li jibża’ mill-Mulej,
li jitgħaxxaq sħiħ bil-kmandamenti tiegħu!
Kbir fuq l-art ikun in-nisel tiegħu;
in-nisel tat-tajbin ikun imbierek. R/.

Hieni l-bniedem li jħenn u jislef,
li jmexxi ħwejġu bir-reqqa.
Għax il-ġust qatt ma jintemm,
it-tifkira tiegħu tibqa’ għal dejjem. R/.

Xejn ma jibża’ minn aħbar ħażina,
qalbu qawwija bit-tama fil-Mulej.
Qalbu sħiħa, ma jibżax,
sa ma jara mxejjen il-għadu tiegħu. R/.

Iqassam u jagħti lill-foqra;
il-ġustizzja tiegħu tibqa’ għal dejjem,
is-saħħa tiegħu tikber fil-ġieħ. R/.

AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU
ara Ġw 8:26

R/. Hallelujah
Min jimxi warajja ma jimxix fid-dlam, imma jkollu d-dawl tal-ħajja, jgħid il-Mulej.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ġw 12: 24-26

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb ’il ħajtu jitlifha; imma min jobgħod ’il ħajtu f’did-dinja iżommha sħiħa għall-ħajja ta’ dejjem. Jekk xi ħadd irid jaqdini, dan għandu jimxi warajja, u fejn inkun jien, hemm ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, lilu Missieri jweġġaħ.”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.