Qari tal-Quddies tat-Tlieta tat-XVIII-il ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tmintax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta

QARI I
Mosè hu l-bniedem li fdajtlu dari. Kif, mela, ma bżajtux titkellmu kontra tiegħu?
Num 12, 1-13

Qari mill-Ktieb tan-Numri

F’dak iż-żmien, Mirjam u Aron gergru kontra Mosè minħabba l-mara minn Kus, għax kien ħa b’martu waħda minn Kus. U huma qalu: “Jaqaw il-Mulej lil Mosè biss kellem? Ma kellimx lilna wkoll?”. U l-Mulej semagħhom. Mosè kien bniedem umli, l-aktar umli fost ilbnedmin li hawn fuq wiċċ l-art.

U l-Mulej minnufih qal lil Mosè, lil Aron u lil Mirjam: “Oħorġu t-tlieta li intom lejn it-tinda tal-laqgħa”. U ħarġu t-tlieta li kienu. U niżel il-Mulej fil-kolonna tas-sħab, u qagħad fil-bieb tat-tinda u sejjaħ lil Aron u lil Mirjam, u resqu t-tnejn, u qalilhom:
“Isimgħu kliemi:
Jekk xi ħadd minnkom ikun profeta,
jiena l-Mulej nidhirlu f’viżjoni,
u nkellmu fil-ħolm.
Mhux hekk ma’ Mosè il-qaddej tiegħi,
il-bniedem li fdajtlu dari.
Jien inkellmu wiċċ imb wiċċ;
inkellmu mhux bix-xbihat imma bid-dieher;
u jara s-sura tal-Mulej.
Kif, mela, ma bżajtux titkellmu kontra Mosè, il-qaddej tiegħi?”

U l-Mulej xegħel bil-qilla għalihom, u telaq. Kienet għadha anqas biss telgħet is-sħaba minn fuq it-tinda, meta Mirjam inksiet bil-ġdiem, bajda bħas-silġ. Aron ħares lejn Mirjam, u raha kollha ġdiem.

U Aron qal lil Mosè: “Nitolbok, ja sidi, la tħalliniex nitgħabbew bil-piż tad-dnub, li aħna tbellahna biex għamilna. Tħallihiex qisha xi ħaġa mwielda mejta minn ġuf ommha, b’ġisimha nofsu mittiekel”.

U Mosè għajjat quddiem il-Mulej u qal: “O Alla nitolbok, fejjaqha!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 50 (51), 3-4.5-6a.6bċ-7.12-13

R/. (ara 3a): Mulej, ħassar ħtijietna għaliex dnibna

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;
fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;
naddafni mid-dnub tiegħi. R/.

Għax jien nagħrafhom ħtijieti;
id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.
Kontrik biss jiena dnibt,
u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt. R/.

Hekk jingħaraf is-sewwa tal-kelma tiegħek,
u bla tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek.
Ara, jiena ssawwart fil-ħtija,
u fid-dnub nisslitni ommi. R/.

Oħloq fija qalb safja, o Alla,
u spirtu qawwi ġedded fija.
La twarrabnix minn quddiemek;
tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 1, 49b

Hallelujah. R/. Hallelujah
Rabbi, int l-Iben ta’ Alla,
inti s-sultan ta’ Iżrael!
R/. Hallelujah

Jew meta taħbat is-sena A

ara Atti 16, 14b

Hallelujah. R/. Hallelujah
Iftħilna qalbna Mulej,
biex nifhmu dak li jgħidilna Ibnek.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.
Mt 14, 22-36

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Wara li l-folla kielet, Ġesù minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu.

Id-dgħajsa kienet diġà f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!” qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!”.

Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma”. “Ejja!”, qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!”. Malajr Ġesù medd idu, qabdu, u qallu: “Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?”.

Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”.

Qasmu għan-naħa l-oħra u marru fl-art ta’ Ġennesaret. In-nies ta’ hemm għarfuh, u xerrdu l-aħbar ma’ dawk l-inħawi kollha. Bdew iressqulu quddiemu l-morda kollha u jitolbuh iħallihom imissulu mqar tarf il-libsa; u dawk kollha li messewh fiequ.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Jew meta taħbat is-sena A

EVANĠELJU
Kull siġra li ma ħawwilhiex Missieri li hu fis-smewwiet tinqala’.
Mt 15, 1-2.10-14

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, xi Fariżej u kittieba minn Ġerusalemm resqu fuq Ġesù u qalulu: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek jiksru t-tradizzjonijiet ta’ missirijietna? Għax huma ma jaħslux idejhom qabel ma jieklu!”.

Imbagħad sejjaħ lill-folla lejh u qalilhom: “Isimgħuni u ifhmuni! Mhux dak li jidħol mill-fomm itebba’ lill-bniedem, imma dak li joħroġ mill-fomm, dan hu li jtebba’ lill-bniedem!”.

Resqu lejh imbagħad id-dixxipli u qalulu: “Taf li l-Fariżej skandalizzaw ruħhom meta semgħu din il-kelma?”. Iżda hu weġibhom: “Kull siġra li ma ħawwilhiex Missieri li hu fis-smewwiet tinqala’ mill-għeruq. Ħalluhom: dawk għomja mexxejja tal-għomja; jekk agħma jmexxi lil agħma ieħor, it-tnejn jaqgħu ġol-ħofra!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu