IL-WIĊĊ DIĠITALI TAL-MULEJ
Programm ta’ implimentazzjoni ta’ proposti tas-Sinodu Djoċesan fil-qasam tal-pastorali tal-media. 10 ta’ Frar 2008
Ara kopja tad-dokument format pdf …
Werrej
ġabra fil-qosor tad-dokument 5
Introduzzjoni 11
L-ewwel taqsima: Il-media fis-soċjetà Maltija 15
1.1 Il-mediascape Maltija fi kliem is-Sinodu 17
1.2 Il-karatterisitiċi ewlenin u implikazzjonijiet pastorali 18
It-tieni taqsima: Il-viżjoni tal-Knisja għall-media 25
2.1 Il-viżjoni tal-Knisja għall-media 27
2.2 Il-missjoni tal-Knisja b’risq il-media 28
It-tielet taqsima: Proġetti u proposti 31
3.1 Sinerġija u koordinament 33
3.2 Pjan Pastorali u kooperazzjoni bejn iż-żewġ djoċesijiet 35 3.3 Is-Segretarjat ghall-Komunikazzjoni Soċjali 36 3.4 Communications Office 40 3.5 Proposti għall-qasam tar-radju 42 3.6 Proposti għall-qasam tat-TV u l-produtturi indipendenti 45 3.7 Proposti għall-qasam tal-media stampata 47 3.8 Media Education 48
Ir-raba’ taqsima: Ħarsa ’l quddiem 53
Il-ħames taqsima: Riferenzi 57
Ġabra fil-qosor
tad-Dokument
Introduzzjoni
- Dan id- dokument jipproponi kif jistgħu jitqiegħdu fil-prattika diversi proposti u proġetti mitluba mis-Sinodu fil-qasam tal-pastorali tal-media
- Sekondarjament id-dokument jipproponi proposti u proġetti li jistgħu jitqiesu bħala żvilupp fuq dak li hemm fid-dokumenti tas-Sinodu.
- Għalhekk id-dokument huwa pass ieħor fl-implimentazzjoni ta’ dak mitlub mis-Sinodu. F’ċertu sens dan huwa dokument ta’ tranżizzjoni bejn dak li talab is-Sinodu Djoċesan u dak li għad irid jintalab fi Pjan Pastorali għas-settur kif mitlub fid-dokument Xandir tal-Kelma (2003).
- Hemm, iżda, diversi proposti li saru mis-Sinodu li ma ġewx trattati hawn jew ma ġewx trattati bi profondità li jixirqilhom. Insemmu, bħala eżempju, l-Media Centre , il-websajt ta’ l-Arċidjocesi u l-użu tal-group media. Teknikament dan mhux Pjan Pastorali dwar l-użu tal-media tant li jipproponi passi konkreti biex dan il-Pjan jitwettaq.
1. L-Ewwel Taqsima. Il-media fis-soċjetà Maltija
- Il-mediascape Maltija fi kliem is-Sinodu
Diversi dokumenti tas-Sinodu jittrattaw il-kontenut, l-użu, l-influwenza u l-istrutturi tal-media fis-soċjetà Maltija.
Il-media ġabu bidla “rivoluzzjonarja”. Din il-bidla għandha aspett ekonomiku. Dan l-aspett qed jieħu s-sopravvent tant li l-kunċett ta’ “media għas-servizz” qiegħed jinbidel f’“media għan-negozju.” Hemm ukoll aspetti kulturali u ta’ valuri għax “il-kriterji morali proposti l-ħin kollu jikkuntrastaw ma’ dawk li l-kultura tagħna nbniet fuqhom sa llum.”
Is-Sinodu, barra li jħares lejn l-effetti tal-media fuq is-soċjetà, jara wkoll l-effetti diretti fuq il-Knisja bħala istituzzjoni.
- 1.2 Il-karatteristiċi ewlenin u implikazzjonijiet pastorali
Il-mediascape ta’ pajjiżna hija karatterizzata minn:
- Pajjiż b’saturazzjoni tal-media
- Mudell b’taħlita ta’ proprjetà minn istituzzjonijiet u oħrajn minn organizzazzjonijiet kummerċjali
- Tkabbir ta’ l-industrija tal-produtturi indipendenti
- Għadd kbir ta’ stazzjonijiet tal-komunità
- L-espansjoni tat-teknoloġija diġitali, il-broadband u l-media l-ġdida
- Kontenut b’text dejjem iżjed b’valuri varji.
Kull waħda minn dawn il-karatteristiċi għandha implikazzjonijiet pastorali
2. It-tieni Taqsima. Il-viżjoni tal-Knisja għall-media
2.1 Il-viżjoni tal-Knisja għall-media
Meta tħares lejn il-media, il-Knisja universali tara “mezzi teknoloġiċi tal-għaġeb” u “rigali ta’ Alla”. Il-Knisja tagħraf li l-media “għandhom l-awtonomija tagħhom” u li “is-siwi tagħhom jitkejjel daqskemm huma mezz ta’ għaqda fost l-ulied ta’ Alla mxerrda ma’ l-erbat irjieħ tad-dinja.”
Fid-dawl tal-Vanġelu, il-Knisja tressaq sitt sfidi quddiem il-media. Iżda l-Knisja tagħraf li, bħall-bqija tar-realtà umana, il-media huma feruti mid-dnub.
2.2 Il-missjoni tal-Knisja b’risq il-media
Il-Knisja tara li l-missjoni tagħha ta’ oħt u qaddejja taqdiha f’dan il-qasam billi tgħin lill-media f’Malta jwettqu sitt ħidmiet fosthom li iwasslu aħjar il-valuri tal-Vanġelu.
Din il-missjoni ta’ servizz il-Knisja taqdiha b’diversi forom u manjieri:
- Tipprovdi leħen u kuxjenza kritika.
- Tikkoopera ma’ dawk kollha li jfittxu biex il-media jwettqu l-missjoni tagħhom b’risq il-bniedem.
- Tmexxi organizzazzjonijiet tal-media li jqiegħdu s-servizz tal-bniedem qabel kollox. Il-Knisja taħdem biex il-media tagħha ma jinbidlux f’siti ta’ poter għall-istituzzjoni iżda f’siti ġodda ta’ servizz għall-bnedmin.
- Tagħmel ħidma biex l-udjenzi ikunu empowered.
3. It-tielet taqsima. Proġetti u proposti
- Sinerġija u koordinament
- X’jgħid is-Sinodu
Is-Sinodu jitlob għall-koordinament “f’kull livell tal-komunità ekkleżjali tagħna” saħansitra bħala parti mill-ispiritwalità tal-komunjoni. Is-Sinodu jilmenta li dan mhux dejjem isir.
3.1.2 Ħidma proposta li ssir
- Koordinament: Id-dokument jiddiskuti d-diversi elementi stutturali li jtellfu li jsir il-koordinament.
- Koordinament: strateġija proposta
- Fit-tfassil ta’ l-istrategija tal-koordinament għandhom ikunu involuti l-gruppi u l-organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam.
- Il-karatteristiċi tal-koordinament
- Ir-rwol tas-Segretarjat għall-Mezzi tal-Komunikazzjoni Soċjali f’dan il-koordinament
- Timeframe li fih isir dak propost.
- Koperazzjoni bejn iż-żewġ Djoċesijiet
i. Proposta
Is-Sinodu Djoċesan jgħid li s-Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali għandu jagħmel pjan għall-użu pastorali tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali. Issir diskussjoni mad-djoċesi ta’ Għawdex biex jinstab l-aħjar mod ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ djoċesijiet.
ii. Timeframe li fih isir dak propost.
- Is- Segretarjat għall-Komunikazzjoni SoċjaliX’jgħid is-Sinodu
Għandu jerga’ jinbena s-Segretarjat u jinħatar Delegat li jikkoordina, janima u jistimola l-ħidma f’dan il-qasam. Is-Segretarjat, barra l-ħidma strateġika, għandu jagħmel ħidma oħra. Isemmi wkoll distinzjoni bejn is-Segretarjat u l-Media Centre;[1] li jqabbilha ma’ dik bejn regolatur (Segretarjat) u operatur (Media Centre).
- Ħidma proposta li ssir
- Jitwaqqaf is-Segretarjat: il-ħidma tiegħu. Dan ir-rapport isemmi 15-il ħidma li għandu jwettaq is-Segretarjat.
- Segretarjat: Tmexxija
Is-Segretarjat ikun immexxi mid-Delegat flimkien ma’ Kunsill, għadd ta’ sotto kumitati jew gruppi ad hoc li jmexxu ħidmiet partikolari tiegħu; u għadd ta’ kumitati konġunti magħmula minn diversi organizzazzjonijiet tal-Knisja li jaħdmu fl-istess qasam tal-media.
iii. Timeframe li fih isir dak propost
- Communications OfficeX’jgħid is-Sinodu
Is-Sinodu jinnota li qed jiżdiedu l-attakki kontinwi u l-kritika distruttiva bil-ħsieb li tiġi fix-xejn il-kredibbiltà tal-Knisja u jissuġġerixxi l-bini ta’ Communications Office.
- Ħidma proposta li ssir
i. Bini ta’ Communications Office. Id-dokument jipproponi l-ħidma li għandu jagħmel dan l-uffiċċju.
ii. Tmexxija u kompożizzjoni
Il-Communications Office għandu jkun parti mis-Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali.
- Pjan Pastorali u koperazzjoni bejn iż-żewġ djoċesijiet.
- Proposti għall-qasam tar-radju
3.5.1 X’jgħid is-Sinodu
Dwar il-qasam tar-radju, id-dokumenti tas-Sinodu jsemmu li l-RTK qabad sew u l-ħtieġa tal-preżenza ta’ l-insara f’dan il-qasam.
Mill-promulgazzjoni tad-dokumenti tas-Sinodu sa llum kien hemm diversi żviluppi fil-qasam tar-radju li rridu nindirizzaw.
3.5.2 Ħidma proposta li ssir
- L-istazzjonijiet bi frekwenza nazzjonali
L-RTK u Radju Maria huma żewġ stazzjonijiet differenti u jibqgħu jagħmlu suċċess jekk jenfasizzaw fil-kontenut tagħhom il-missjoni differenti li għandhom.
Id-dokument jitlob tmien ħidmiet konkreti mill-RTK u Radju Marija.
- L-istazzjonijiet tal-komunità. Għadd ta’ proposti ta’ ħidma.
- L-istazzjonijiet mhux tal-Knisja. Is-Segretarjat joffri s-servizzi tiegħu f’rispett sħiħ lejn in-natura u l-awtonomija tagħhom.
- L-isfida tad-diġitali
Jissemmew għadd ta’ sfidi fosthom il-possibiltà li jinfetaħ stazzjon ġdid tar-radju li jkun immirat għaż-żgħażagħ.
- Proposti għall-qasam tat-TV u tal-produtturi indipendenti
3.6.1 X’jgħid is-Sinodu
Ħtieġa ta’ “preżenza aktar qawwija fuq stazzjonijiet eżistenti tar-radju u t-televiżjoni.” Isemmi ċentri ta’ produzzjoni Kattoliċi.
3.6.2 Ħidma proposta li ssir
Ma tiftaħx stazzjon tat-TV. Tennija ta’ dan l-impenn
- Djar ta’ produzzjoni fi ħdan il-Knisja
Is-Segretarjat għandu jlaqqa’ lil produtturi oħra fi ħdan il-Knisja biex ifasslu pjan stateġiku li jindika l-koperazzjoni bejniethom.
- Produtturi indipendenti u stazzjonijiet TV
Permezz tal-produtturi Kattoliċi jew inkella direttament, is-Segretarjat ifassal stateġija ta’ ħidma magħhom.
- Proposti għall-qasam tal- media stampata
- X’qal is-Sinodu
Is-Sinodu jgħid li “ il-gazzetta Il-Ġensillum ma qabditx art.” Ma hemmx riferenza għal forom oħra ta’ stampa. Jgħid ukoll li “huwa dmir tal-Kattoliċi li jkunu preżenti f’dawn l-oqsma – radju, televiżjoni, gazzetti, internet – sabiex jaħdmu bħal ħmira fis-soċjeta’.”
3.7.2 Ħidma proposta li ssir
- Deċiżjoni dwar Il-Ġensillum
- Strateġija mill-Pjan Pastorali
Il-Pjan Pastorali għandu jfassal l-istrateġija tal-Knisja rigward il-media stampata tal-Knisja u dik li mhix tal-Knisja.
- Media education
- X’jgħid is-Sinodu
Il-Knisja f’Malta kienet pijunier tal-media education f’pajjiżna. Is-Sinodu jagħraf din il-ħidma u jitlob li tkun parti integrali mit-tagħlim bażiku fil-livelli kollha ta’ l-iskejjel tal-Knisja.
- Ħidma proposta li ssir
- Programm fl-iskejjel
Id-dokument jipproponi diversi ħidmiet għal dan il-qasam biex tiġi żblukkata s-sitwazzjoni preżenti.
- Programm barra l-iskejjel
Id-dokument jipproponi ħidma mill-parroċċi, l-għaqdiet tal-lajċi u l-media tal-Knisja bħala servizz għall-ġenituri, għall-edukaturi, għall-komunikaturi u għaż-żgħażagħ. Jagħmel ukoll proposta biex tingħeleb il-qasma diġitali.
4. Ir-raba taqsima. Ħarsa ’l Quddiem
Il-Knisja għalhekk taħdem bla heda biex il-wiċċ tal-Mulej ikun proġettat b’mod sħiħ u ċar fl-isfera diġitali b’mod li l-bnedmin ikunu jistgħu jiddistingwuh mill-uċuħ l-oħra kollha li din id-dinja tipproġetta.
5. Il-ħames taqsima. Riferenzi
Introduzzjoni
Dan huwa dokument li joħroġ minn diversi dokumenti tas-Sinodu Djoċesan.[2] Hu jipproponi kif jistgħu jitqiegħdu fil-prattika diversi proposti u proġetti mitluba mis-Sinodu fil-qasam tal-pastorali tal-media. Id-dokument iqis wkoll il-proċess ta’ implimentazzjoni li diġà beda bid-dokumenti Nimxu Flimkien fid-Dawl tal-Mulej. Pjan Pastorali 2005 – 2006[3] u Flimkien fi Kristu għas-Servizz tal-Bniedem. Pjan Pastorali 2007 – 2008.[4]
Prinċipalment dan huwa dokument li jippjana l-attwazzjoni ta’ diversi proposti mitluba mis-Sinodu. Hemm, iżda, diversi proposti li saru mis-Sinodu li ma ġewx trattati hawn jew ma ġewx trattati bi profondità li jixirqilhom. Insemmu bħala eżempju il-Media Centre,[5] il-websajt ta’ l-Arċidjocesi[6] u l-użu tal-group media.[7] Dawn l-oqsma u possibilment oqsma oħra żgur li għandhom jiġu ttrattati bis-serjetà li jixirqilhom fit-tfassil ta’ Pjan Pastorali, kif spjegat aktar ’il quddiem.
Dan id-dokument huwa wkoll sekondarjament dokument li jipproponi proposti u proġetti li jistgħu jitqiesu bħala żvilupp fuq dak li hemm fid-dokumenti tas-Sinodu. Huwa naturali li erba’ snin wara l-pubblikazzjoni tad-dokumenti tas-Sinodu jkunu meħtieġa xi żviluppi u tibdil, aktar u aktar f’qasam li jiżviluppa b’rata tant mgħaġġla.
Kull fejn jissemma proġett li jrid isir, x’aktarx li hemm wkoll imsemmija data sa meta dan il-proġett għandu jitlesta. Jekk il-proġetti ma jintrabtux b’data ta’ tlestija wisq nibżgħu li jkun hemm il-periklu serju li l-affarijiet ma jimxux biżżejjed jew li ma jimxux fid-direzzjoni li tkun ippjanata.
B’mod parallel mal-ħidma fuq dan id-dokument għandha ssir ħidma oħra fuq l-aspetti finanzjarji tal-proposti imressqa. Huwa importanti li nkunu nafu għal xiex deħlin anke bħala piż finanzjarju. Għalhekk, wara l-proċess ta’ konsultazzjoni, dan id-dokument għandu jkollu fih biss dawk il-proposti li għandna l-finanzi biex insostnuhom u għandna riżorsi umani li jistgħu jlestuhom fil-ħin.
Teknikament dan mhux Pjan Pastorali dwar l-użu tal-media għax ma jwettaqx il-kriterji kollha mitluba mid-dokument Aetatis Novae (1992). Dan id-dokument fil-fatt jipproponi passi konkreti biex Pjan bħal dan jitwettaq (ara taqsima 2.3.2 ).
Dan id-dokument, flimkien mal-Pjan Pastorali 2005-6 u l-Pjan Pastorali 2007-8, huwa pass ieħor fl-implimentazzjoni ta’ dak mitlub mis-Sinodu. F’ċertu sens dan huwa dokument ta’ tranżizzjoni bejn dak li talab is-Sinodu Djoċesaan u dak li għad irid jintalab fi Pjan Pastorali għas-settur kif mixtieq kemm mill-Aetatis Novae (1992)[8] u kif anke mitlub fid-dokument Xandir tal-Kelma (2003).[9]
Aktar minn hekk, dan id-dokument u l-implimentazzjoni tal-proposti u l-proġetti li fih iħaffef il-proċess biex il-Pjan Pastorali jitfassal peress illi l-proposti magħmula għandhom jgħinu fil-bini ta’ l-istruttura li eventwalment trid tfassal il-Pjan.
1. L-ewwel taqsima:
Il-media fis-soċjetà Maltija
1.1 Il-mediascape Maltija fi kliem is-Sinodu
Diversi dokumenti tas-Sinodu jittrattaw il-kontenut, l-użu, l-influwenza u l-istrutturi tal-media fis-soċjetà Maltija.
Il-Kuntest Malti (2003), l-aktar f’paragrafu 8, jagħti sintesi tajba b’riferenza għall-produtturi indipendenti, ir-rwol tal-partiti politiċi, l-aċċess għall-kompjuter u l-istutturi li bniet il-Knisja. Il-bidla hija msejħa bħala “rivoluzzjonarja”.[10]
Din il-bidla għandha aspett ekonomiku għax fil-media hemm “possibbiltà ta’ qligħ ġdid – għajn ġdid ta’ ġid – tant li qed tinħoloq tip ta’ ekonomija ġdida”.[11] Dan l-aspett qed jieħu s-sopravvent tant li “l-kunċett ta’ ‘media għas-servizz’ qiegħed jinbidel f’‘media għan-negozju’.”[12]
Hemm ukoll aspetti kulturali u ta’ valuri għax “il-kriterji morali proposti l-ħin kollu jikkuntrastaw ma’ dawk li l-kultura tagħna nbniet fuqhom sa llum.”[13] Dan id-dokument iqis il-pluraliżmu fix-xandir bħala “katalizzatur determinanti biex mentalità pluralista u aktarx materjalista tiġi propagata”.[14]
Jingħataw diversi eżempji ta’ din il-mentalità. Żwieġ u Familja (2003) jħoss li l-media qed ixerrdu l-edoniżmu u l-mentalità divorzista.[15] “M’hemmx dubju li l-proposta ta’ stili differenti ta’ ħajja u ta’ mudelli differenti ta’ familja li daħlu fid-djar tal-Maltin permezz tal-Cable TV u tas-satellita ħallew l-effett tagħhom.”[16] Djakonija u Ġustizzja ( 2003) jagħmel riferenza għall-problema li teżisti f’pajjiżna meta jqis li l-media ġieli jintużaw biex tinġieb firda “għal skopijiet purament partiġġjani u elettorali.”[17]
Is-Sinodu, barra li jħares lejn l-effetti tal-media fuq is-soċjetà, jara wkoll l-effetti diretti fuq il-Knisja bħala istituzzjoni. “F’dawn l-aħħar snin, qed jiżdiedu l-attakki kontinwi u l-kritika distruttiva f’ċerti programmi fuq il-mezzi tax-xandir kif ukoll fil-gazzetti bil-ħsieb li tiġi fix-xejn il-kredibbiltà tal-Knisja u biex jirrendu l-preżenza u l-influss tagħha fis-soċjetà Maltija bħala waħda għal kollox irrilevanti”.[18]
Mhux kollox huwa daqstant negattiv tant li s-Sinodu jagħraf li l-media qed jgħinu lill-Knisja tifhem “ħafna li l-poplu hu sajjem kultant anke mill-elementi u n-nozzjonijiet l-iktar bażiċi tad-duttrina Nisranija u l-messaġġ evanġeliku”.[19]
- 1.2 Il-karatteristiċi ewlenin u implikazzjonijiet pastorali
F’din it-taqsima nħarsu lejn il-karatteristiċi ewlenin tal-mediascape Maltija fid-dawl tad-dokumenti tas-Sinodu, ta’ analiżi mil-lenti ta’ l-istudju tal-komunikazzjoni u ta’ żviluppi riċenti fil-qasam tal-komunikazzjoni soċjali f’pajjiżna. Insemmu wkoll għadd ta’ implikazzjonijiet pastorali li għandhom dawn l-iżviluppi u r-realtajiet.
Il-mediascape ta’ pajjiżna hija karatterizzata minn:[20]
- Pajjiż b’saturazzjoni tal-media
- Mudell b’taħlita ta’ proprjetà minn istituzzjonijiet u oħrajn minn organizzazzjonijiet kummerċjali
- Tkabbir ta’ l-industrija tal-produtturi indipendenti
- Għadd kbir ta’ stazzjonijiet tal-komunità
- L-espansjoni tat-teknoloġija diġitali, il-broadband u l-media l-ġdida
- Kontenut b’text dejjem iżjed b’valuri varji.
- l-media
Pajjiżna huwa saturat bil-media u bl-organizzazzjonijiet li jmexxuhom. Biżżejjed ngħidu li sa issa għandna 12-il stazzjon tar-radju bi frekwenza nazzjonali, 52 stazzjon tar-radju tal-komunità[21] u 7 stazzjonijiet tat-TV. Dawn iċ-ċifri flimkien jittraduċu fi stazzjon għal kull 4.5 kilometru kwadru jew għal anqas minn 6,000 ruħ. L-għadd ta’ l-istazzjonijiet mistenni jiżdied b’riżultat ta’ l-introduzzjoni tat-teknoloġija diġitali.
Il-media stampata hija abbundanti: 4 gazzetti ta’ kull jum u 12 ta’ darba fil-ġimgħa. Il-gazzetti jirriflettu l-kultura bilingwa tagħna tant li huma kważi maqsuma min-nofs bejn gazzetti bl-Ingliż u oħrajn bil-Malti. Ma’ ħafna minnhom qed jiġu ppubblikati u mqassma b’xejn magazines ġeneralment glossy li huma finanzjati mill-għadd kbir ta’ reklami li jkollhom. Dawn, flimkien ma’ l-għadd ta’ magazines oħra lokali u dawk impurtati, iwassal għal ċifra li taqbeż l-elf.
Jekk inqabblu ċ-ċifri tas-sena 2000 ma’ dawk tas-sena 2006[22] nagħrfu t-tibdil li kien hemm fil-mediscape Maltija. L-Internet u l-media l-ġodda elettroniċi u l-użu tagħhom sploda f’dawn is-sitt snin (ara Taqsima 1.2.5).
Ma kellniex l-istess żjieda fl-għadd ta’ djar bit-TV – xi 99% fiż-żewġ snin – għax konna ilna li lħaqna s-saturazzjoni f’dan il-qasam. Iżda żdiedu l-għadd ta’ djar li għandhom żewġ settijiet tat-TV u aktar.[23] Inbidel ukoll il-mod kif in-nies jirċevu t-televiżjoni. Fl-2000 l-aktar mod komuni – 72% tad-djar – kien dak terrestri analogue.[24] Illum l-aktar mod komuni huwa l-cable – 67.5% tad-djar – waqt li t-terrestri analogue niżel għal 20.5%.[25] Hawn aktar djar li għandhom mill-anqas sett wieħed tat-TV minn djar li għandhom washing machine jew fridge freezer.[26]
Il-bidla fil-media, l-għadd tagħhom, il-mod kif nirċevuhom u nużawhom jittraduċu ruħhom f’influwenza fuqna, per eżempju fuq il-ħin disponibbli għal dak li mhux media, fuq ix-xejriet tar-relazzjonijiet fil-familji, fuq it-tkabbir fl-istatus tal-media fuq l-istituzzjonijiet l-oħra u fuq tant oqsma oħra tal-ħajja. Jiġri li l-ilħna fuq il-media jitqiesu fuq kull leħen ieħor u x’aktarx jiġri wkoll li fuq il-media ma jkollokx l-ilħna kollha.
Il-mudell Malti huwa pjuttost uniku. L-istituzzjonijiet – l-Istat, il-partiti politiċi, unjin minnhom u l-Knisja – għandhom post qawwi fil-media. Huma jiddominaw il-qasam tat-TV u tal-gazzetti bil-Malti waqt li għandhom ukoll il-maġġoranza tas-semmiegħa tar-radju. Dan il-post sostanzjali jirrifletti r-rwol ta’ l-istituzzjonijiet fil-pajjiż. Iżda aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jinbidel dan ir-rwol u, konsegwentement, il-preżenza tal-qasam kummerċjali qed tinħass aktar fil-proprjetà ta’ media differenti. Illum il-qasam kummerċjali jiddomina bil-gazzetti bl-Ingliż u bil-magazines, u għandu preżenza tajba fix-xandir bir-radju.
Waqt li sa issa l-istazzjonijiet televiżivi kummerċjali ma rnexxilhomx jippenetraw is-suq, hemm preżenza qawwija tas-settur minħabba l-produtturi indipendenti. Barra minn hekk, minħabba l-ispejjeż involuti fit-tħaddim ta’ l-istazzjonijiet tat-TV, qed jiġri li l-ethos kummerċjali qed jinfluwenza kemm lill-istazzjonijiet tal-partiti politiċi kif ukoll dawk l-istazzjonijiet ta’ servizz pubbliku.[27]
Il-preżenza qawwija tal-partiti politiċi fix-xena tal-media ġġib magħha, fost l-oħrajn, il-problema marbuta ma’ tagħrif, l-aktar aħbarijiet. Dawn huma konsistentement mgħoddija b’mod parzjali għall-aħħar u kemm-il darba b’mod manipulat. L-aħbarijiet manipulati jistgħu jkattru l-firda fil-pajjiż. Jista’ jiġri wkoll li minħabba nuqqas ta’ aħbarijiet bilanċjati u b’firxa wiesgħa, in-nies ma jkollhomx it-tagħrif li għandhom bżonn biex jaġixxu ta’ ċittadini maturi. Mill-banda l-oħra, il-qasam kummerċjali jdaħħal il-mentalità li l-media ma teżistix biex tkattar il-komunikazzjoni iżda biex tkattar il-flus tas-sidien. F’din il-mentalità l-kontenut huwa sekondarju għall-profitt li quddiemu jmil kollox. Dan iġib miegħu forma oħra ta’ manipulazzjoni billi jtendi li jippromwovi kontenut li jbaxxi l-livelli ħalli jissodisfa l-istinti mhux tant għolja ta’ l-udjenzi. Riżultat ta’ dan tista’ tkun l-aljenazzjoni bil-konsegwenzi negattivi li din iġġib magħha.
Din is-sitwazzjoni jista’ jkollha wkoll effetti pożittivi. Jista’ jiġri li media politiċi jkollhom aktar kuraġġ biex jikxfu nuqqasijiet “ta’ l-oħrajn”; u dan jista’ jgħin lid-demokrazija. Mill-banda l-oħra l-media kummerċjali jistgħu iġibu magħhom sens ta’ effiċjenza u professjonalità li jista’ jtejjeb il-kwalità. Iżda f’pajjiżna s’issa ma tantx gawdejna minn dawn il-vantaġġi.
Kull organizzazzjoni tal-media – marbuta ma’ istituzzjoni jew ma’ organizzazjoni kummerċjali – għandha aġenda li tinfluwenza l-kontenut.[28] L-aġenda tal-media ta’ l-istituzzjonijiet hija ġeneralment dikjarata u magħrufa waqt li l-media kummerċjali għandhom aġenda li ħafna drabi la tkun dikjarata u l-anqas tkun ċara. Il-Knisja, per eżempju, kemm-il darba ilmentat li hawn min għandu aġenda kritika għall-Knisja.[29]
Il-pluraliżmu fil-qasam televiżiv welled miegħu l-industrija tal-produtturi indipendenti. Din ingħatat spinta wara li b’deċiżjoni tal-Politika Nazzjonali dwar ix-Xandir, ġiet adottata “politika aggressiva ta’ outsourcing” mill-PBS Ltd.[31] Pubblikazzjoni tal-Ministeru għall-Kultura maħruġa fl-2006 tagħmel lista ta’ 19-il kumpanija jew grupp f’dan il-qasam.[32] Dawn ivarjaw minn organizzazzjonijiet jew individwi li jipproduċu xi programm wieħed għal organizzazjonijiet kbar li saru business. Bejniethom jimpjegaw għexieren ta’ nies u jipproduċu l-biċċa l-kbira tal-programmi li jidhru fuq l-istazzjonijiet televiżivi Maltin.
Din il-preżenza tipprovdi opportunità ta’ impjieg u sfog għall-kreattività. Barra minn hekk qed jitkattru l-aġendi li jistgħu jsibu post fuq ix-xandir bil-vantaġġi u l-iżvantaġġi li dan iġib miegħu. Tant produtturi indipendenti jistgħu jsaħħu l-pluraliżmu billi jżidu l-ilħna u l-ilwien fix-xenarju tal-media, iżda jistgħu wkoll idgħajfuh jekk jitwieldu konċentrazzjonijiet ġodda fejn, minħabba l-pressjoni tas-suq, il-kbar jibilgħu liż-żgħar.
Qed jiġri wkoll li l-istampa kummerċjali qed tifforma production houses u permezz tagħhom tipprova ddaħħal sieq fuq l-istazzjonijiet televiżivi. Għad irridu naraw jekk dan l-iżvilupp joħloqx konċentrazzjonijiet ġodda ta’ poter u, jekk dan jiġri, x’effett dan iħalli fuq id-dritt tan-nies għal pluraliżmu veru fil-qasam ta’ l-informazzjoni.
Minħabba l-penetrazzjoni tal-produtturi indipendenti fis-suq televiżiv u minħabba li l-Maltin l-aktar li issa saru jaraw huma programmi Maltin fuq l-istazzjonijiet Maltin, jista’ jkun hemm min jaħseb li l-Maltin mhumiex tant esposti għall-prodotti televiżivi barrarin. Dan mhux għal kollox korrett billi l-produtturi Maltin jikkupjaw formati, stili u kontenuti ta’ programmi barranin u billi ukoll hemm għadd mhux ħażin ta’ nies li minn żmien għal żmien jaraw programmi barranin. Minħabba dawn iż-żewġ raġunijiet, il-mudelli ta’ ħajja “barranija” huma preżenti fostna.
It-52 stazzjon tal-komunità li hawn f’pajjiżna jagħtuna firxa wiesgħa ta’ sidien: il-Knisja, individwi bi spirtu ċiviku jew b’tendenza imprenditorjali, każini u anki x-Xhieda ta’ Ġehovah. Hemm wkoll varjetà kbira fil-kontenut imxandar – minn mużika għal programmi reliġjużi. Kien hemm tnejn minnhom – Radju Maria u Calypso – li “ggradwaw” b’suċċess għall-frekwenza nazzjonali u hemm uħud minnhom li jridu jemigraw lejn il-pjattaforma diġitali. Mhux l-istazzjonijiet kollha kellhom suċċess u wħud għalqu. B’mod ġenerali jista’ jingħad li, kif juru diversi stħarriġ, l-istazzjonijiet tal-komunità għandhom udjenzi żgħar.[33]
Sakemm l-istazzjonijiet tal-komunità jkunu tassew qrib il-komunità u jipprovdu leħen lill-komunitajiet rispettivi li jservu, ikunu qegħdin iwettqu rwol importanti li jgħin fl-integrazzjoni u fl-awto-espressjoni tal-membri tal-komunità. Jekk dawn jintużaw biex iħeġġu xi forma ta’ pika, allura jaqsmu, mhux jgħaqqdu, lill-komunità.
Diversi stazzjonijiet tal-komunità huma f’idejn il-Knisja, l-aktar fid-djoċesi ta’ Għawdex. Dawn x’aktarx li jintużaw bħala estensjoni tal-ħidma tal-parroċċa; speċi ta’ leħen estiż tal-kappillan. Dan fih il-vantaġġ tiegħu, iżda l-Knisja għandha tipprova tmur lilhinn minn dan billi tuża l-istazzjonijiet tagħha biex tgħin fil-bini tal-komunitajiet rispettivi billi tagħti leħen fuq dawn l-istazzjonijiet anki lill-organizzazjonijiet u individwi li mhux parti mill-istrutturi tal-parroċċa.
Fl-2006 żewġ terzi tad-djar kellhom kompjuter u aktar minn nofs kienu mqabbdin ma’ l-Internet, waqt li 87% kellhom telefon ċellulari.[34] Dan jirrappreżenta qabża fuq sitt snin qabel meta terz tad-djar biss kellhom kompjuter[35], 9% kellhom l-Internet u 29% mobile[36]. Iċ-ċifri dejjem jiżdiedu.
Sa Mejju 2006 madwar terz tad-djar diġà kienu mqabbdin mas-sistema televiżiva diġitali[37] provduta minn żewġ operaturi. Sa l-aħħar ta’ l-2010 kulħadd irid jkun mas-sistema għax ix-xandir analogue se jieqaf. Erbgħin fil-mija ta’ dawk li għandhom l-Internet għandhom konnessjoni broadband.[38] Sa l-ewwel nofs ta’ l-2008 huwa mistenni li jibda x-xandir tar-radju bis-sistema diġitali fuq pjattaforma li potenzjalment għandha post għal 160 stazzjon.
It-teknoloġija diġitali u dik tal-broadband qegħdin jirrivoluzzjonaw ix-xenarju kemm tal-media “tradizzjonali” kif ukoll tal-media l-ġodda.[39] F’pajjiżna din ir-rivoluzzjoni dieħla ġmielha. Din it-teknoloġija integrattiva u interattiva se żżid l-għadd ta’ stazzjonijiet li jxandru u qed tbiddel in-natura tat-teknoloġija tal-media.
B’iPAQ illum iċċempel, tieħu r-ritratti u l-video u tittrasmettihom, tara t-TV, tibgħat l-SMS, tidħol fl-Internet u jkollok kompjuter f’idejk. Qed jinbidel, per eżempju, il-mod kif isiru l-programmi televiżivi. Se ngħaddu minn sistema televiżiva tiddependi fuq programmi mxandra mill-istazzjonijiet għal sistema fejn in-nies jistgħu “joħolqu” l-istazzjon televiżiv tagħhom mill-ħafna servizzi on demand u b’hekk jaraw li jridu u x’ħin iridu.
Ir-rivoluzzjoni teknoloġika ġġib magħha rivoluzzjoni ekonomika, soċjali u kulturali. Iqumu ħafna mistoqsijiet u konsiderazzjonijiet: Il-fatt li se jkollna aktar media jfisser li qed ikollna media aħjar u qed nikkomunikaw aktar minn qabel? L-għadd enormi ta’ media li hawn qed jagħmel ir-regolamentazzjoni u ċ-ċensura aktar diffiċli u l-edukazzjoni fil-media aktar importanti. Irridu għalhekk nibnu fuq il-maturità u mhux fuq il-protezzjoni. Illum kulħadd irid li jkun in touch il-ħin kollu u jikseb l-informazzjoni li għandu bżonn jew jikkuntattja lil min irid f’ħakka ta’ għajn. Donnu ħadd ma għadu jaf jistenna. Ħafna qed jibnu relazzjonijiet fil-komunitajiet virtwali. X’effett se jkollhom fuq ir-relazzjonijiet fid-dinja reali? Il-miżura tar-realtà dejjem u dejjem aktar qed isiru l-media. Hemm possibiltajiet kbar ta’ tkattir fil-komunikazzjoni bejn il-bnedmin iżda hemm ukoll il-periklu ta’ firda diġitali. Sinjali tagħha jinsabu anki f’pajjiżna. Per eżempju l-familji bi dħul kbir għandhom aktar media mill-familji bi dħul żgħir.[40] It-tfal fl-iskejjel indipendenti għandhom ħafna aktar aċċess għall-kompjuters u l-Internet mid-dar milli għandhom it-tfal fl-iskejjel l-oħrajn.[41] L-Istat Malti huwa attiv ħafna biex il-firda diġitali tintrebaħ.
Is-supermarket tal-media joffri lill-udjenzi varjetà kbira ta’ opinjonijiet, “stejjer” u personalitajiet li jperrċu stili ta’ ħajja u valuri differenti.
Hemm ħafna li huwa tajjeb, sabiħ u jseddaq lid-dinjità tal-bniedem. Fil-media Maltija l-Knisja u l-valuri Nsara għadhom isibu post ġeneralment tajjeb. Ir-rappurtaġġ tant estensiv li ngħataw il-ħatriet ta’ l-Isqof Mons Mario Grech u l-Arċisqof Pawlu Cremona OP, flimkien mal-kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ Preca, juru dan. Hemm wkoll għadd ta’ programmi reliġjużi fuq diversi stazzjonijiet tat-TV u tar-radju. Anki l-gazzetti ġeneralment ma jkunux iebsa wisq mal-Knisja.
Mill-banda l-oħra, ħafna fil-Knisja, bħal ħafna f’diversi istituzzjonijiet oħra, iħossu li daħlet wkoll kritika kultant inġusta tal-Knisja, dak li tagħmel u l-valuri li tħaddan u tippriedka. Il-Knisja hija istituzzjoni kbira u l-operat tagħha naturalment huwa miftuħ għall-kritika. Dan lill-Knisja ma tantx jinkwitaha għax il-kritika, anke meta meqjusa bħala goffa, hija ħaġa mistennija u meħtieġa f’soċjetà pluralista. Quddiem dan kollu l-Knisja, bħal kull individwu jew istituzzjoni oħra, tistenna biss li meta tqum kontroversja jew argument fil-media dejjem tingħata ċ-ċans li leħinha u l-pożizzjonijiet tagħha jinstemgħu wkoll. Biex taghmel dan, irid ikollha nies ippreparati ghal fuq il-media u strateġija preċiża dwar kif jitwassal il-messaġġ tagħha.
Li jħasseb lill-Knisja mhux il-kritika lill-istituzzjoni, iżda t-tixrid ta’ valuri li ma jseddqux id-dinjità tal-bniedem. Ħafna drabi l-istili ta’ ħajja murija bħala l-aħjar mis-sensiliet, soap operas, films eċċ jipproġettaw bħala l-ideali l-valuri ta’ l-individwaliżmu, l-edoniżmu u l-gratifikazzjoni immedjata. Il-konsumiżmu u l-ġid materjali huma murija bħala t-triq lejn l-hena vera. L-adulterju u s-sess qabel iż-żwieġ huma murija bħala n-normalità. L-oppost tagħhom huwa muri bħala stramberija. Il-bniedem ħafna drabi hu muri bħala li għandu valur minħabba dak li jippossedi u mhux għax għandu dinjità intrinsika.
Din il-viżjoni riduzzjonista tal-bniedem tipprovdi sfida serja mhux biss għal-Knisja iżda għal dawk kollha li għandhom viżjoni tal-bniedem li tinkludi iżda tmur lilhinn mid-dimensjoni purament materjali.
Ma għandniex ninħakmu mill-paniku u naħsbu li għax it-text ta’ ħafna mill-programmi tat-televiżjoni – nistgħu ngħidu l-istess għal media oħra – huwa text miftuħ għal interpretazzjoni u jvarja mill-valuri Insara, allura l-udjenzi kollha u dejjem jibilgħuh kif ikun. Ir-relazzjoni bejn l-udjenzi u t-texts tal-media hija kumplessa ħafna, iżda b’mod ġenerali nistgħu ngħidu li l-udjenzi jaslu għall-interpretazzjoni tagħhom wara proċess ta’ negozjar fid-dawl tal-valuri, edukazzjoni, attitudnijiet u grupp soċjali li jħaddnu, fost l-oħrajn.[42] L-udjenzi, għalhekk, mhumiex karta xuga li tibla’ kollox. Per eżempju, f’pajjiżna qed jidhru sinjali li l-udjenzi mhux dejjem jinterpretaw it-text tal-media skond id-daqqa tal-bakketta ta’ l-istituzzjonijiet.[43] Iżda mill-banda l-oħra niżbaljaw jekk innaqqsu mill-qawwa kbira tal-media li tinfluwenza u tbiddel attitudnijiet u azzjonijiet.
Il-pluraliżmu qawwi muri fit-texts imxandra mill-media u l-possibiltà li min irid ixandar l-opinjonijiet tiegħu – eżempju programmi phone-ins[44], talk shows, siti ta’ l-Internet bħal Youtube – kattru (flimkien ma’ prodotti oħra tal-media) il-mentalità li tista’ u għandek tiċċalinġja kollox għax donnu li ma hemm xejn tajjeb jew ħażin fih innifsu. Din l-attitudni ta’ relativiżmu u soġġettiviżmu morali hija fl-għerq tal-konfużjoni morali li naraw fostna u li diversi fil-media jippropagaw attivament anke jekk mhux direttament.
Irridu nagħafu li fil-kultura tagħna x-xandir ta’ mudelli differenti ta’ stili tal-ħajja u sistemi ta’ valuri u twemmin – anki dawk ostili għalina – se jkompli. Għalhekk l-istrateġija tal-Knisja jeħtieġ li titfassal bl-għaqal, skond il-ħila u l-kreattività mitluba mil-lingwaġġ ta’ media differenti, il-gosti ta’ l-udjenzi u l-ħtiġijiet tal-messaġġ tagħna. Il-taqsima li jmiss tagħti l-vizjoni li mbagħad tanima l-proposti li nressqu fit-tielet taqsima biex inwieġbu għar-realtà deskritta hawn.
2. It-tieni taqsima:
Il-viżjoni tal-Knisja
għall-media
2.1 Il-viżjoni tal-Knisja għall-media
Il-Knisja li qiegħda f’Malta tanalizza l-karatteristiċi u r-rwol tal-media fis-soċjetà tagħna bl-għajnuna ta’ dixxiplini akkademiċi differenti biex imbagħad tirrifletti fuqhom fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla u t-tagħlim li kien żviluppat fi ħdanha matul iż-żminijiet.
Din ir-riflessjoni, flimkien ma’ l-esperjenza mgħixa, għenet lill-Knisja universali timxi lil hinn minn attitudni fejn il-media jitqiesu prinċipalment bħala oġġett ta’ suspett, biża’ u theddida.[45] Il-Knisja għarfet wkoll li lanqas għandha tħares lejhom bħala sempliċi estensjoni tal-pulptu[46] jew li jeżistu għas-servizz ta’ l-istituzzjoni tal-Knisja jew xi istituzzjoni oħra politika, kummerċjali jew ta’ xort’oħra.
Meta tħares lejn il-media, il-Knisja universali tara “mezzi teknoloġiċi tal-għaġeb.”[47] Il-Knisja tqishom bħala “rigali ta’ Alla.”[48] Il-Knisja tagħraf li l-media “għandhom l-awtonomija tagħhom” u li “is-siwi tagħhom jitkejjel daqskemm huma mezz ta’ għaqda fost l-ulied ta’ Alla mxerrda ma’ l-erbat irjieħ tad-dinja.”[49]
Għalhekk il-Knisja ispirata mill-valuri tal-Vangelu tqiegħed quddiem il-media din l-isfida:
Il-media għandhom ikunu:
- mezz li jġibu l-għaqda billi jgħinu fil-ħolqien ta’ komunità fir-rispett sħiħ tad-differenzi fi ħdanha;
- mezz biex il-bnedmin ta’ razez, ilwien u twemmin differenti joqorbu lejn xulxin bħall-aħwa;
- mezz biex fuq id-dinja tinfirex nisġa ta’ komunikazzjoni li sseddaq l-għaqda bejn il-bnedmin, tirrispetta l-kulturi differenti u tħares id-dinjità tal-bniedem;
- mezz biex is-sewwa u s-sabiħ ikunu magħrufa aħjar anke permezz tat-tħabbit flimkien ta’ ideat u teoriji differenti u kuntrastanti;
- mezz biex ħadd ma jibqa’ lura jew barra mill-progress mifhum b’mod sħiħ u mhux dak ekonomiku biss;
- mezz biex kulħadd ikollu leħen.
Iżda l-Knisja tagħraf li bħall-bqija tar-realtà umana, il-media huma feruti mid-dnub. Għalhekk:
- flok għaqda ġieli jġibu l-firda;
- flok nisġa ta’ komunikazzjoni ġieli jfasslu nisġa ta’ aljenazzjoni;
- flok is-sewwa u s-sabiħ ġieli jxerrdu l-imgħawweġ u dak li jesplojtja;
- flok għodda ta’ servizz ġieli jsiru siti ta’ poter u qligħ tal-flus bi skapitu ta’ kollox;
- flok ixierku lil kulħadd fil-progress ġieli jaqtgħu ħafna minnu.
2.2 Il-missjoni tal-Knisja b’risq il-media
Il-Knisja tara li l-missjoni tagħha ta’ “oħt u qaddejja”[50] taqdiha f’dan il-qasam billi tgħin lill-media f’Malta:
- isseddqu l-għaqda, is-sliem u l-ġustizzja fost il-poplu tagħna f’rispett sħiħ għad-diversità li teżisti fi ħdanu;
- ixxerrdu s-sewwa u jkattru s-sabiħ waqt li jinformaw u jiddevertu;
- jippromwovu d-dinjità tal-bniedem u ma jxerrdux sterjotipi dwar ġens, orjentamenti sesswali, età, razza u reliġjon;
- iħarsu b’mod partikolari id-drittijiet tat-tfal u ta’ dawk li b’xi mod jew ieħor ikunu f’xi sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà;
- iwasslu aħjar il-valuri tal-Vanġelu li sawru l-kultura u l-identità tagħna matul is-sekli;
- jaraw li l-ilħna kollha jkunu rappreżentati u rispettati.
Din il-missjoni ta’ servizz il-Knisja taqdiha b’diversi forom u manjieri:
i. Tipprovdi leħen u kuxjenza kritika
It-tendenza llum hija li kulħadd ibaxxi rasu quddiem il-media li llum aktar saru siti ta’ poter politiku u kummerċjali minflok mezzi ta’ komunikazzjoni, informazzjoni u divertiment. Ħafna jibżgħu jikkontestaw dawn is-siti ta’ poter waqt li oħrajn jaċċettawhom bħala “allat” ġodda li fuq kliemhom ifasslu ħajjithom. Il-lum il-media jistgħu jibnu jew ifarrku individwi u organizzazzjonijiet. B’hekk jistgħu jinħolqu tiranniji ġodda għax ir-realtà issa titkejjel minn dak li hemm fuq il-media u mhux bil-maqlub. F’dan ix-xenarju, il-bniedem minflok sid jista’ jsir seftur.
Permezz ta’ l-għodod provduti mix-xjenzi tal-komunikazzjoni, il-Knisja trid tistudja sew ir-rwol tal-media f’pajjiżna u kif dan ikun qed jiżviluppa, u tiddixxernih fid-dawl tal-Vanġelu. Fejn il-Knisja tara t-tajjeb għandha tfaħħru, tinkuraġġih u, fejn tista’, tgħin biex jikber. Fejn il-Knisja tara żviluppi li ma jixirqux lill-bniedem allura għandha twettaq il-ħidma tagħha ta’ denunzja profetika.
Dan jimplika li l-Knisja titkellem ċar u bla kantunieri. Jeħtieġ li f’dokumenti futuri r-riferenzi għal kliem bħal “firda”, “aljenazzjoni” u “esplojtazzjoni”, li f’dan id-dokument neċessarjament jissemmew b’mod ġenerali, jiġu applikati b’mod konkret għar-realtajiet tal-media f’pajjiżna u għal kif dawn jaffettwaw il-ħajja tan-nies. Jekk ma nagħmlux hekk, in-nies ma jirrelatawx dak li ngħidu u nagħmlu ma’ ħajjithom, u allura s-servizz li rridu nagħtu jkun fil-vojt.
Il-Knisja fil-media trid tidher li hi kontra ċerti messaġġi u stili ta’ ħajja preċizi u identifikabbli u mhux tidher li hija konfuża u beżgħana jew li hi kontra kull forma ta’ tibdil soċjali.
Barra d-diskors ċar, id-denunzja profetika timplika azzjonijiet konkreti u simboliċi li jwasslu aħjar il-messaġġ.
ii. Taħdem flimkien ma’ dawk kollha li jfittxu biex il-media jwettqu l-missjoni tagħhom b’risq il-bniedem
Il-Knisja tagħraf li l-ħerqa tagħha li l-media jkunu ta’ servizz għall-bniedem sħiħ u għall-bnedmin kollha mhix ħerqa tagħha biss. Hawn oħrajn fis-soċjetà tagħna, anke fost dawk li forsi mhumiex Insara, li għandhom l-istess ħerqa.
Il-Knisja taħdem fi spirtu ta’ kooperazzjoni ma’ dawn ukoll biex flimkien jintlaħaq l-għan aħħari li l-media jkunu tassew għas-servizz tal-bniedem sħiħ u tal-bnedmin kollha. Din il-ħidma titlob minna l-kuraġġ li nixxierku ma’ oħrajn li mhux f’kollox jaqblu magħna u titlob sforz biex insibu l-mod kif. Iżda hu importanti ħafna li dan il-kuraġġ jinstab u l-isforz isir.
iii. Tmexxi organizzazzjonijiet tal-media li jqiegħdu s-servizz tal-bniedem qabel kollox.
Il-Knisja għandha dritt li tifforma u tmexxi organizzazzjonijiet tal-media. Il-Knisja f’pajjiżna eżerċitat dan id-dritt u se tkompli teżerċitah f’diversi media. Iżda l-Knisja jeħtiġilha li tirreżisti t-tentazzjoni li fiha jaqgħu l-istituzzjonijet li jmexxu xi organizzazzjoni tal-media. Din it-tentazzjoni hija li l-ewwel għan li jfasslu għall-media rispettivi tagħhom ikun it-tħaris tad-drittijiet u l-ħtiġijiet ta’ l-istituzzjonijiet li jkunu s-sidien. Il-Knisja m’għandiex iġġib ruħha hekk. Il-media tal-Knisja m’għandiex titħalla ssir sit li fuqu jiġu amplifikati jew rispekkjati kwadri ta’ poter istituzzjonali ta’ l-istituzzjoni nnifisha. Il-Knisja għandha tħabrek biex l-ewwel għan ta’ l-organizzazzjonijiet tal-media tagħha jkun it-tixrid ta’ l-Ahbar it-Tajba fis-servizz tal-bniedem; imbagħad il-ħtiġijiet ta’ l-istituzzjoni.
B’hekk il-Knisja tkun qed taħdem biex il-media tagħha ma jinbidlux f’siti ta’ poter għall-istituzzjoni iżda f’siti ġodda ta’ servizz għall-bnedmin.
iv. Tagħmel ħidma biex l-udjenzi ikunu empowered
Fis-soċjetajiet tagħna hemm żbilanċ bejn is-setgħa tas-semmiegħa, tat-telespettaturi, tal-qarrejja u ta’ dawk li jużaw xi medium partikolari, u s-setgħa tal-media u l-mexxejja tagħhom. Sfortunatament is-setgħa vera qiegħda f’idejn tat-tieni u mhux f’idejn ta’ l-ewwel. Is-setgħa kbira tal-media – li kif diġà ktibna – fil-fatt jeżistu għas-servizz ta’ dawk li għandhom is-setgħa politika jew kummerċjali qed joħloq deficit demokratiku kullimkien.
Il-Knisja trid taħdem b’kull mezz biex dan l-iżbilanċ jonqos sakemm naslu f’sitwazzjoni bil-maqlub ta’ dik preżenti. Id-denunzja profetika u l-media education (Ara Taqsima 3.8) huma żewġ eżempji biss ta’ ħidma f’dan ir-rigward.
Il-ħidmiet u l-proġetti li huma suġġeriti fit-tielet taqsima ta’ dan id-dokument jispiraw ruħhom minn din il-viżjoni u jippruvaw ipoġġuha fil-prattika.
- It-tielet taqsima:
Proġetti u proposti
- Sinerġija u kordinament
- X’jgħid is-Sinodu
Il-koordinament bejn il-forzi pastorali differenti u l-bini ta’ strategija komuni huma meqjusa bħala ta’ importanza kbira ħafna. Fil-Pjan Pastorali 1986-1991[51] u Lejn is-Sena 2000 bħala Familja (1998)[52] saret enfasi fuq il-koordinament bejn il-forzi differenti fi ħdan il-Knisja.
Id-dokumenti tas-Sinodu Djoċesan jagħmlu l-istess enfasi. Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni (2003) jitlob għall-koordinament “f’kull livell tal-komunità ekkleżjali tagħna”[53] saħansitra bħala parti mill-ispiritwalità tal-komunjoni. Dan mhux dejjem isir tant li s-Sinodu jilminta li “hija ħasra li minkejja diversi programmi u pjani pastorali għadek tara u tisma’ bi sparpaljar ta’ talenti u riżorsi.”[54]
- Ħidma proposta li ssir
i. Koordinament: elementi stutturali li jtellfu
Forsi ta’ min jara xi elementi strutturali li jagħmlu it-twettiq ta’ dan il- koordinament tant diffiċli.
- Hemm differenza kbira bejn dak meħtieġ biex tikkordina l-forzi f’organizzazzjoni monolitika – eż. kumpanija kummerċjali – u dak meħtieġ biex tikkoordina organizzazzjoni bħall-Knisja li fil-konkret għandha fiha elementi differenti ħafna minn xulxin.
L-organizzazzjonijiet tal-media fi ħdan il-Knisja jvarjaw ħafna fl- għamla, fil-missjoni u fil-personalità guridika tas-sidien. Insemmu xi eżempji. Hemm organizzazzjonijiet interdjoċesani (eż. Radju RTK), oħrajn ta’ l-Arċidjoċesi (eż. Media Centre); ta’ għaqdiet tal-lajċi (eż. Leħen is-Sewwa, Librerija Preċa, Rivista Kana, Veritas Press), jew ta’ individwi (eż. Christian Light Radio), jew tar-religjuzi (eż. CAM, Salesian Press, iċ-Ċentru tal-Frangiskani). Hemm organizzazzjonijiet prinċipalment kummerċjali (eż.: l-istamperiji), oħrajn prinċipalment marbuta mat-twassil tal-messaġġ (ezempju: il-gazzetti ta’ kull ġimgħa jew id-diversi magazines) u oħrajn imħallta bejn kummerċjali u twassil tal-messaġġ (eż. il-ħwienet li jbigħu l-kotba u oġġetti oħra).
- Dawn l-elementi strutturali jagħmlu l-koordinament u s-sinerġija diffiċli. Meta magħhom iżżid, ġieli, problemi marbuta ma’ personalitajiet, allura d-diffikultà tikber u timmanifesta ruħha f’ħela ta’ riżorsi u, f’xi każi, rivalità u kompetizzjoni ingusta.
- Matul is-snin mhux dejjem kien hemm fiduċja daqs kemm xtaqna bejn dawk kollha mdaħħla fil-ħidma f’dan il-qasam. Il-fiduċja trid tinbena u tinkiseb biex din is-sitwazzjoni ma tibqax sejra hekk.
- Fil-qasam sekulari u kummerċjali, insibu kuntrast qawwi ma’ dan l-ambjent ekkleżjastiku ta’ frammentazzjoni. Illum ix-xenarju tal-media kummerċjali huwa karatterizzat minn sinerġiji u kordinamenti mitluba mir-realtajiet finanzjarji. Il-konglomerazzjoni bejn gruppi li kienu kompetituri qed issir l-ordni tal-ġurnata. Fil-kaz tal-Knisja, il-kordinazzjoni ta’ l-elementi differenti mhix biss mixtieqa minħabba raġunijiet ta’ strateġija iżda hija neċessità li toħroġ min-natura tal-Knisja li trid tagħti xhieda ta’ unità.
ii. Ko-ordinament: strateġija proposta
- Fit-tfassil ta’ l-istrategija tal-koordinament, għandhom ikunu involuti l-gruppi u l-organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam. Din l-istrateġija għandha tirrispetta l-kompetenzi differenti, basta dawn ikunu suġġetti għall-ħtiġijiet komuni.
Per eżempju, jista’ jkun hemm qbil li xi entijiet ikunu afdati b’ħidmiet partikolari u allura ħaddieħor ma jidħolx għalihom mingħajr qbil; jew inkella jista’ jkun hemm proġetti komuni jew ikun hemm bdil ta’ tagħrif u esperjenzi.
- F’dan ix-xenarju, il-koordinament ikollu dawn il-karatteristiċi:
- Ikun voluntarju (għax joħrog minn strateġija maqbula b’mod komuni).
- Ikun bejn ugwali – għarfien sħiħ ta’ l-awtonomija ta’ l-entitajiet differenti. Allura forsi jingħeleb il-biża’ li xi ħadd irid jibla’ lil xi ħadd ieħor.
- Jirrispetta n-natura ta’ l-entitajiet, p.e. kummerċjali jew message centred jew imħalltin. L-ogħla forma ta’ koordinament għandu jkun bejn dawk l-entitajiet jew ħidmiet jew inizjattivi li huma message centred. Bejn l-entitajiet kummerċjali huwa naturali li tħalli livell għoli ta’ kompetizzjoni. F’dan il-kaz il-koordinament ikun jixbah dak li qiegħed ġieli jintlaħaq bejn kumpaniji kummerċjali għax iħossu li jkun jaqblilhom jikkoordinaw.
- F’din l-ipotesi, is-Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali (li dwaru niktbu f’taqsima 2.2.3) ikollu:
- awtorità diretta fuq l-entitajiet li huma propjetà ta’ l-Arċidjoċesi u
jmexxi koordinament volontarju fid-dawl ta’ l-istrateġija maqbula bejn l-entitajiet li jaħdmu fi ħdan il-Knisja iżda li s-sid tagħhom mhix l-Arċidjoċesi. Fejn ikun hemm strateġija li toħroġ minn deċiżjonijiet meħuda fl-ogħla livelli tal-Knisja f’Malta, allura l-koordinament ma jsirx biex tiġi stabbilita l-istrateġija iżda biex jinstab mezz kif din titpoġġa fil-prattika minn kull grupp.[55]
- Timeframe
Is-Segretarjat, fi żmien “x” minn mindu jibda jiffunzjona[56] u wara konsultazzjoni ma’ kull min hu mdaħħal fil-qasam, għandu jagħti lill-Arċisqof proposta konkreta dwar kif tfassal u se jaħdem il-koordinament.
3.2 Pjan Pastorali u kooperazzjoni bejn iż-żewġ djoċesijiet
- Proposta
L-Istruzzjoni Pastorali Aetatis Novae (1992) tirrakkomanda mhux biss li kull Pjan Pastorali jkollu taqsima dwar il-media (communications compenent) iżda wkoll li jkun hemm Pjan Pastorali għall-qasam tal-komunikazzjoni soċjali.[57] Fl-appendiċi ta’ l-istess dokument jingħataw linji gwida pjuttost dettaljati dwar kif dan il-pjan jitfassal u x’għandu jinkludi.[58]
Is-Sinodu Djoċesan jgħid li s-Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali għandu jagħmel pjan għall-użu pastorali tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali.[59] Jgħid wkoll li “biex jitwettaq pjan sħiħ fil-qasam tal-media, jeħtieġ li jkun effettiv is-Segretarjat għall-Komunikazzjoni Soċjali b’għanijiet ċari u strateġija ta’ twettiq ta’ pjan imfassal skond il-ħtiġijiet tas-soċjetà Maltija llum.”[60]
Barra li tagħmel dan il-Pjan Pastorali, l-Arċidjoċesi tagħmel kuntatti mad-Djoċesi ta’ Għawdex biex tesplora l-aħjar modi ta’ kooperazzjoni bejniethom f’dan il-qasam. Fost il-modi ta’ kooperazzjoni li jiġu esplorati, ikun hemm il-possibiltà li jkun hemm pjan ta’ ħidma pastorali magħmul bejniethom. Iż-żewġ djoċesijiet flimkien jistgħu jesploraw ukoll ir-reviżjoni tan-Normi tal-Konferenza Episkopali dwar il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali.
Dawn il-proposti qed isiru fl-ispirtu ta’ dak li jgħid is-Sinodu Djoċesan li jipprevedi li mad-Djoċesi ta’ Għawdex ikun hemm “djalogu kontinwu fuq il-livelli kollha, ibda mill-Konferenza Episkopali, kif ukoll fi strutturi oħra fi ħdan iż-żewġ djoċesijiet li jkunu jfasslu policies maġġuri ta’ pastorali.”[61]
- Timeframe
Għalhekk, minnufih kif jiġi ppubblikat dan id-dokument, is-Segretarjat jibda’ l-ħidma fuq it-tfassil ta’ Pjan Pastorali għall-Arċidjoċesi u jibda’ taħditiet mad-Djoċesi ta’ Għawdex biex jiġu identifikati l-oqsma fejn tista’ tisseddaq il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ djoċesijiet u biex ikunu stabbiliti l-istrutturi meħtieġa inkluż il-possibiltà ta’ Pjan Pastorali konġunt.
3.3 Is- Segretarjat għall-Komunikazzjoni Soċjali
3.3.1 X’jgħid is-Sinodu
Huwa ċar li d-dokumenti tas-Sinodu jieħdu perspettiva ħolistika fejn tidħol l-istrateġija li għandha taddotta l-Arċidjoċesi ta’ Malta fil-qasam tal-media u li biex din titwettaq għandu jkun hemm Segretarjat. “Biex jitwettaq pjan sħiħ fil-qasam tal-media, jeħtieġ li jkun effettiv is-Segretarjat għall-Komunikazzjoni Soċjali b’għanijiet ċari u strateġija ta’ twettiq ta’ pjan imfassal skond il-ħtiġijiet tas-soċjetà Maltija llum.”[62]
Mid-dokumenti tas-Sinodu jirriżulta li:
- għandu jerga’ jinbena s-Segretarjat għall-Mezzi tal-Komunikazzjoni Soċjali;[63]
- għandu jinħatar Delegat li jikkoordina, janima u jistimola l-ħidma f’dan il-qasam;[64]
- dan is-Segretarjat ikollu bħala l-ħidmiet prinċipali tiegħu:
- il-ħidma strategika biex ix-xandir tal-Kelma fuq il-mezzi tax-xandir isir b’mod koordinat;
- biex issir ħidma pastorali fost ix-xandara;[65]
- jagħmel pjan għall-użu pastorali tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali.[66]
- għandha toħrog ċara d-distinzjoni bejn is-Segretarjat u l-Media Centre;[67] distinzjoni li d-dokumenti tas-Sinodu jqabbluha ma’ dik bejn regolatur (Segretarjat) u operatur (Media Centre). Fit-tfassil ta’ din id-distinzjoni, irridu nagħtu kaz ir-realtajiet li joħorġu minn riżorsi limitati li jeżistu. Realtà oħra toħroġ mill-fatt li l-Arċidjoċesi hija s-sid ta’ ċerti organizzazzjonijiet, eżempju l-Media Centre. F’arja ta’ suspett li ġieli teżisti, dan jista’ jqajjem il-biża’ li allura s-Segretarjat ikun żbilanċjat favur entijiet li tagħhom l-Arċidjoċesi hija s-sid. Dan jista’ jintrebaħ billi jkun ċar illi s-Segretarjat huwa regolatur fejn jidħol il-Media Centre biss. Fejn jidħlu relazzjonijiet ma’ entijiet oħrajn, is-Segretarjat ifittex li jikkoordina u mhux li jirregola.
- Ħidma proposta li ssir
i. Jitwaqqaf is-Segretarjat: il-ħidma tiegħu
Is-Segretarjat għall-Mezzi tal-Komunikazzjoni Soċjali għandu jkun stabbilit bħala l-organizzazzjoni fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta li tieħu ħsieb il-ħidma pastorali tal-Knisja permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali.
Fil-konkret, is-Segretarjat għandu jwettaq dawn il-ħidmiet:
- Jieħu responsabbiltà għat-tfassil, għall-aġġornament kontinwu u għat-twettiq ta’ l-istrateġija tal-Knisja fl-Arċidjoċesi ta’ Malta fil-qasam tax-xandir tal-Kelma permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali kemm dawk tal-massa, dawk tal-gruppi u l-media l-ġdida.
- Jieħu responsabbiltà għall-Media Centre u għas-sehem li l-Arċidjoċesi għandha fl-RTK. Ir-responsabbiltà tas-Segretarjat tinfirex fuq l-aspetti kollha ta’ dawn l-organizzazzjonijiet skond is-sehem ta’ l-Arċidjoċesi, iżda tagħti importanza partikolari lill-messaġġ komunikat.
- B’rabta stretta mal-Media Centre,imexxi l-Klabb Qari Nistani, it-TV unit, il-websajt, grupp ghall-preżentazzjonijiet multimedia u kumitati oħrajn skond il-ħtieġa.[68] Is-Segretarjat ikun responsabbli tal-kontenut u l-messaġġ li joħroġ minn dawn l-inizjattivi, waqt li l-Media Centre ikun responsabbli mill-amministrazzjoni tagħhom.
- Jindika l-policy editorjali li għandu jkollhom il-media stampata maħruġa mill-Arċidjoċesi u jara li din tkun qed titqiegħed fil-prattika. Is-Segretarjat joħloq sinerġija bejn il-policy editorjali tar-radju, tal-gazzetta/magazine, ix-xandir religjuż u mezzi oħra għad-dispożizzjoni tiegħu. Naturalment fejn jidħol l-RTK, kollox isir bi qbil mad-Djoċesi ta’ Għawdex.
- Iwettaq ħidma strategika biex ix-xandir tal-Kelma permezz tal-group u n-new media u permezz tal-mezzi tax-xandir isir b’mod koordinat. Din il-ħidma jwettaqha:
- b’mod dirett ma’ l-entitajiet li s-sid tagħhom hija l-Arċidjoċesi, u
- b’laqgħat regolari ma’ entitajiet oħra fi ħdan il-Knisja biex flimkien ifasslu kif għandu jitwettaq il-koordinament.
- Imexxi, flimkien tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni, il-programm ta’ media education fl-iskejjel u barra l-iskejjel u anki ma’ l-adulti. Il-media nfushom għandhom ikunu fost l-għodod użati għal dan il-għan. Is-Segretarjat jibni librerija ta’ kotba u materjal edukattiv dwar is-suġġett (ara taqsima 3.8).
- Ifassal u jmexxi programmi ta’ taħriġ għall-operaturi pastorali li jaħdmu b’mod regolari fl-oqsma tal-mezzi tax-xandir, tal-kitba u tal-group u new media.
- Jibni team ta’ nies li jkunu mħarrgin biex iwasslu l-messaġġ ta’ Kristu u tal-Knisja b’mod effettiv fil-media u fl-oqsma kulturali lokali bħal letteratura, teatru, arti, mużika.[69] F’dan il-qasam, jaħdem mill-qrib mal-Kummissjoni Kultura ta’ l-Arċidjoċesi.
- Jieħu ħsieb li joffri s-servizzi fil-qasam tax-xandir religjuż lill-istazzjonijiet tar-radju u tat-TV. Jirrappreżenta lill-Arċidjoċesi f’dawn il-kuntatti (ara taqsimiet 3.5 u 3.6).
- Jaħdem biex is-servizz tal-Knisja lill-qasam tax-xandir imur lil hinn mix-xandir formalment religjuż iżda jinfirex ukoll f’ġeneri oħra ta’ xandir.
- Jaħdem ma’ organizzazzjonijiet – edukattivi, professjonali u regolatorji – li jeżistu fil-pajjiż biex flimkien magħhom joħloq okkażjonijiet ta’ taħriġ u studju f’diversi oqsma u għall-operaturi differenti tal-media. Din il-ħidma tista’ tinkludi wkoll taħriġ fl-etika professjonali. Fejn possibbli, din il-ħidma u taħriġ għandhom isiru ma’ l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali u/jew mal-Fakultà tat-Teoloġija.
- Jieħu ħsieb li ssir pastorali fost il-persuni li jaħdmu fid-diversi oqsma tal-media.
- Jagħmel riċerka dwar oqsma differenti tal-media f’pajjiżna. Fejn possibbli, din ir-riċerka għandha ssir flimkien ma’ l-Istitut Discern.
- Ikun responsabbli mill-Communications Office ta’ Arċidjoċesi (ara Taqsima 3.4 għal aktar dettalji u tagħrif dwar dan il-punt).
ii. Segretarjat: Tmexxija
- Is-Segretarjat ikun immexxi mid-Delegat flimkien ma’ Kunsill. Dan ikun jinkludi għadd ta’ persuni b’expertise f’oqsma differenti tal-media u l-ħidma li ssir bihom. Dawn il-persuni ma jkunux rappreżentanti ta’ xi grupp jew organizzazzjoni partikolari iżda jkunu fis-Segretarjat biex ifittxu u jirrappreżentaw l-interessi tal-policies ta’ l-Arċidjoċesi. Mill-banda l-oħra jintgħażlu b’mod li jkunu rappreżentati interessi differenti f’dan il-qasam pastorali partikolari u fil-Knisja f’Malta b’mod ġenerali.[70]
- Is-Segretarjat ikollu għadd ta’ sotto kumitati jew gruppi ad hoc li jmexxu ħidmiet partikolari tiegħu. Irid jinstab mod kif dawn il-kumitati jkunu tassew koordinati u jimxu fuq il-policies imfassla mill-Kunsill tas-Segretarjat. Forsi l-aħjar mod ikun li id-Delegat ikun iċ-chairperson tal-kumitati.
- Ikun hemm għadd ta’ kumitati konġunti magħmula minn diversi organizzazzjonijiet tal-Knisja li jaħdmu fl-istess qasam tal-media.[71] L-għan ta’ dawn il-kumitati konġunti jkun li jfasslu bi qbil bejniethom l-istrateġija tal-koordinament.
iii. Timeframe
Sa “x” jiġi identifikat id-Delegat u u, f’diskussjoni miegħu, jigu identifikati l-persuni li se jkunu impjegati full time jew part time; jintgħażel il-post fejn isiru l-uffiċċji, jinkiteb statut eċċ.
Is-Segretarjat jibda jaħdem minn “x”.
- Communications Office
3.4.1 X’jgħid is-Sinodu
Is-Sinodu kien ta’ l-opinjoni li “f’dawn l-aħħar snin, qed jiżdiedu l-attakki kontinwi u l-kritika distruttiva f’ċerti programmi fuq il-mezzi tax-xandir kif ukoll fil-gazzetti bil-ħsieb li tiġi fix-xejn il-kredibbiltà tal-Knisja u biex jirrendu l-preżenza u l-influss tagħha fis-soċjetà Maltija bħala waħda għal kollox irrilevanti.”[72]
Id-dokumenti tas-Sinodu jipproponu din l-istrateġija bi tweġiba għas-sitwazzjoni analizzata:
“Il-Knisja għandha tagħmel ċara l-pożizzjoni tagħha bla biża’ u bla tlaqliq, ‘tisħaq f’waqtu u barra minn waqtu’ (2 Tim 4,2), kemm uffiċjalment u kemm permezz ta’ individwi sew membri tal-kleru u sew lajċi impenjati u ppreparati li lesti jagħtu xiehda fil-beraħ ta’ twemminhom.
Huwa dmir tal-Kattoliċi li jkunu preżenti f’dawn l-oqsma – radju, televiżjoni, gazzetti, internet – sabiex jaħdmu bħal ħmira fis-soċjetà. Il-kitba fil-gazzetti ma tistax tkun limitata għall-media tal-Knisja iżda trid toħroġ u tidher fil-gazzetti stess li fihom issir il-kritika.”[73]
Struttura importanti fit-twettiq ta’ din il-ħidma hija dik tal-Communications Office. Is-Sinodu jistqarr li: “Dwar marketing irid jingħad li fis-soċjetà ta’ llum PRO għandu ħidma ċentrali x’iwettaq. Il-Knisja għandha bżonn ta’ Communications Office b’numru adegwat ta’ nies imħarrġa professjonalment u speċjalizzati fil-qasam. Tajjeb li l-funzjoni ta’ dan il-Communications Office tkun waħda proattiva.”[74]
3.4.2 Ħidma proposta li ssir
i. Bini ta’ Communications Office
Minflok l-Uffiċċju għar-Relazzjonijiet Pubbliċi, magħruf wkoll bħala l-Uffiċċju Stampa, jinbeda Communications Office.
Dan l-Uffiċċju jara li jkun hemm kommunikazzjoni kredibbli bejn l-Arċidjoċesi u l-komunità u viċi versa.
L-Uffiċċju jkollu, fost l-oħrajn, ir-rwol li:
- jidentifika l-issues li dwarhom isiru kampanji ta’ komunikazzjoni mill-Arċidjoċesi.
- Jikkummissjona riċerka regolari li tgħinu fl-identifikazzjoni ta’ l-issues li dwarhom isiru l-kampanji.
- Jgħin fl-iddisinjar u t-tmexxija ta’ dawn il-kampanji flimkien mal-gruppi, organizzazzjonijiet, uffiċċji jew segretarjati milquta mis-suġġett tal-kampanja in kwistjoni; u li, fl-aħħar mill-aħħar, diversi drabi ikunu se jmexxu l-kampanji.
- Jara li jinżamm kuntatt regolari prinċipalment mal-media ġurnalistika u ma’ opinion leaders fil-pajjiż u jfassal stuttura li tgħin biex dawn ikunu qegħdin jiġu pprovduti regolarment b’materjal dwar il-pożizzjoni nisranija fuq diversi issues.
- Jipprovdi tagħrif dwar l-Arċidjoċesi ta’ Malta jew il-Knisja b’mod ġenerali lil kull min jitlob għalih.
ii. Tmexxija u kompożizzjoni
- Il-Communications Office ikun parti mis-Segretarjat għall-Mezzi tal-Komunikazzjoni Soċjali u t-tmexxija tiegħu tkun accountable lejn id-Delegat.[75] Din it-tip ta’ tmexxija tqiegħed lill-Uffiċċju fl-ambjent naturali tiegħu u tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi limitati li jeżistu.
- L-Uffiċċju għandu jkun attrezzat tajjeb b’nies professjonali fil-materja.
iii. Relazzjoni ma’ Għawdex u oħrajn[76]
Għandu jigi eżaminat x’tip ta’ relazzjoni għandu jkollu l-Communications Office mad-Djoċesi ta’ Għawdex, mar-reliġjuzi, mal-għaqdiet tal-lajċi nsara u ma’ NGOs li jkunu jaqsmu l-istess ħsibijiet u aspirazzjonijiet li tkun trid ixxerred il-Knisja.
- Proposti għall-qasam tar-radju
3.5.1 X’jgħid is-Sinodu
Dwar il-qasam tar-radju, id-dokumenti tas-Sinodu jgħidu kważi biss li r-radju RTK “qabad sew u ġibed udjenza qawwija, speċjalment fost dawk ’il fuq minn 40 sena.”[77] Is-Sinodu jikteb wkoll dwar il-ħtieġa tal-preżenza ta’ l-insara f’dan il-qasam.[78]
Mill-promulgazzjoni tad-dokumenti tas-Sinodu sa llum kien hemm diversi żviluppi fil-qasam tar-radju li rridu nindirizzawhom.
Il-preżenza tal-Knisja fil-qasam tax-xandir bir-radju illum hija magħmula b’dan il-mod.
- Radju RTK. Stazzjon ġeneralist li jxandar fuq frekwenza nazzjonali. L-RTK għad għandu udjenzi qawwija. F’dawn l-aħħar snin, kompla kabbar il-kontenut strettament reliġjuż. Jappella aktar għan-nisa milli għall-irġiel u għal udjenza fuq it-tletin sena.[79]
- Radju Maria. Stazzjon reliġjuż fis-sens strett tal-kelma li jxandar fuq frekwenza nazzjonali. Fiż-żmien li ilu jxandar, bena udjenza leali, l-aktar ma’ dawk ta’ età pjuttost avvanzata.[80]
- Għadd kbir ta’ stazzjonijiet tal-komunità l-aktar fid-djoċesi ta’ Għawdex. Dawn huma stazzjonijiet strettament reliġjużi.
- Preżenza “reliġjuża” fuq diversi stazzjonijiet nazzjonali “tal-kelma” u tal-komunità.
- Ħidma proposta li ssir
i. L-istazzjonijiet bi frekwenza nazzjonali
Il-ħidma f’dan il-qasam trid tkun mibnija fuq il-fatt li l-RTK u Radju Marija huma żewġ stazzjonijiet differenti, b’kunċett ta’ xandir differenti u li joperaw fuq mudelli teoloġiċi differenti. Iż-żewġ stazzjonijiet fi ħdan il-Knisja jibqgħu jagħmlu suċċess jekk jenfasizzaw fil-kontenut tagħhom il-missjoni differenti li għandhom. Ma jaqbel lil ħadd jekk dawn bil-mod il-mod jibdew isiru stazzjonijiet li jixtiebhu.
Għalhekk sa “x” mill-ħruġ ta’ dan id-dokument:
- Radju RTK ifassal, għall-approvazzjoni tas-Segretarjat, pjan stateġiku ta’ tliet snin:
- biex isaħħaħ l-identità tiegħu ta’ stazzjon ġeneralist b’enfasi fuq it-tfigħ tad-dawl nisrani fuq il-ġrajja. Meta l-Isqfijiet Maltin kienu varaw l-istazzjon, l-Arċisqof Mercieca kien qal ċar u tond li “jkun għajb għall-Knisja jekk ma titfax dawl fuq il-ġrajja.”
- jersaq lejn skeda li fiha l-element strettament reliġjuż ma jkunx aktar minn 10%.[81] Bħala stazzjon ġeneralist, Radju RTK irid jagħti firxa wiesgħa ħafna ta’ programmi biex ikun dak li huwa teknikament magħruf bħala “an all format station”. Id-direzzjoni ta’ l-istazzjon trid tinseġ il-perspettiva nisranija b’mod intelliġenti f’firxa wiesgħa ta’ programmi.
- jimmira biex ikabbar l-udjenzi bejn il-25 u l-50 sena kemm fost in-nisa kif wkoll fost l-irġiel. Il-mira għandha tkun illi mill-anqas 55% ta’ l-udjenza tkun taħt il-50 sena.
- jipproġetta l-ħtiġijiet finanzjarji u jistudja modi oħra ta’ finanzjament, fosthom somma ta’ flus annwali mill-Knisja li tingħata mhux bħala sussidju iżda bħala “kumpens” għall-programmi ta’ kontenut direttament jew indirettament nisrani li l-Knisja, permezz tas-Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali, turi li tkun trid li jkunu imxandra, anki jekk is-suq ma jiffinanzjahomx.
- Radju Marija jfassal għall-konsiderazzjoni tas-Segretarjat, pjan strategiku biex:
- isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala stazzjon strettament reliġjuż.
- jgħolli l-kwalità tal-programmi indirizzati lejn il-massa, fosthom billi jagħmel taħriġ kontinwu fis-sengħa tax-xandir bir-radju għal dawk li jippreżentaw fuq l-istazzjon.
- jeżamina l-possibiltà li jorganizza korsijiet ta’ teoloġija fuq il-metodu użat permezz tad-distance learning. F’dan, l-istazzjon jaħdem mill-qrib mal-Fakultà tat-Teoloġija.
- Radju RTK u Radju Marija flimkien ifasslu, għall-approvazzjoni tas-Segretarjat, programm ta’ koperazzjoni bejniethom li jirrispetta l-identità rispettiva tagħhom. L-RTK iwassal il-messaġġ prinċipalment b’mod pjuttost informali waqt li Radju Marija jevanġelizza b’mod aktar dirett u formali. L-oqsma tal-koperazzjoni għandhom ikunu ħafna u varji u jkopru l-aspetti tekniċi, ta’ kontenut, ta’ taħriġ lil min jippreżenta u ta’ tagħrif dwar udjenzi, fost l-oħrajn.
ii. L-istazzjonijiet tal-komunità
Bla dubju ta’ xejn, l-istazzjonijiet tal-komunità għandhom iservu l-ħtiġijiet tal-komunitajiet rispettivi li lejhom ixandru. Waqt li napprezzaw dan, xorta nagħrfu l-ħtieġa ta’ koordinament u koperazzjoni bejn dawn l-istazzjonijiet infushom u bejnhom u bejn l-istazzjonijiet nazzjonali fi ħdan il-Knisja.
Din il-koperazzjoni għandha tkun programmata u preżentata fi pjan maħdum apposta.
Fl-ispirtu ta’ para. 1.2.4, il-Knisja għandha, fil-limitu tal-possibbli, toffri faċilitajiet fuq dawn l-istazzjonijiet anke lill-organizzazzjonijiet mhux tal-Knisja u lil individwi li jaħdmu fil-komunitajiet milħuqa minn dawn l-istazzjonijiet.
iii. L-istazzjonijiet mhux tal-Knisja
Dawn l-istazzjonijiet joffru possibbiltajiet utli u interessanti lill-Knisja. F’dan il-qasam ukoll insibu ħafna frammentazzjoni u sparpaljar min-naħa ta’ l-użu minn dawk fi ħdan il-Knisja. Nifmhu li stazzjonijiet differenti għandhom fiżjonomija u ħtiġijiet differenti u li huma għandhom il-libertà sħiħa li javviċinaw persuni li jidhrilhom li huma tajba għall-programmi reliġjużi.
Is-Segretarjat, waqt li jirrispetta b’mod sħiħ l-awtonomija ta’ dawn l-istazzjonijiet, għandu jiltaqa’ mat-tmexxija tagħhom u joffri s-servizzi tiegħu biex ix-xandir reliġjuż fuqhom ikun ta’ l-aqwa kwalità. Din tista’ ssir, per eżempju, billi jitfassal ftehim li bih is-Segretarjat jipprovdi nies u ideat u jkun jista’ jiġġarantixxi li x-xandir reliġjuż jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ l-udjenzi għal xandir ta’ kwalità u li l-kontenut tiegħu ikun kontenut awtentikament Kattoliku.
Arranġament simili għandu jsir ma’ l-istazzjonijiet televiżivi.
iv. L-isfida tad-diġitali
L-ambjent diġitali li semmejna (ara taqsima 1.2.5) jipprovdi ħafna possibbiltajiet ġodda li għandhom jiġu esplorati mill-Knisja. Dawn il-possibbiltajiet kollha għandhom jiġu esplorati mis-Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali bl-għajnuna ta’ esperti fil-qasam.
Is-Segretarjat jista’, per eżempju, jistudja l-possibbiltà li jinfetaħ stazzjon ġdid tar-radju li jkun immirat għaż-żgħażagħ. Dan ikun jikkonsisti prinċipalment f’mużika immirata għaż-żgħażagħ u spots ta’ informazzjoni u formazzjoni reliġjuża u umana.
3.6 Proposti għall-qasam tat-TV u tal-produtturi indipendenti
3.6.1 X’jgħid is-Sinodu
“Minħabba l-importanza tal-media fil-formazzjoni permanenti tal-poplu”, is-Sinodu jara l-ħtieġa ta’ “preżenza aktar qawwija fuq stazzjonijiet eżistenti tar-radju u t-televiżjoni, bi produzzjoni ta’ programmi mħejjija bl-involviment ta’ lajċi li huma esperti fil-materja, u bil-possibbiltà li, fuq l-istazzjonijiet kollha, fl-aħjar ħin possibbli, jixxandru programmi ta’ formazzjoni reliġjuża.”[82]
Issir riferenza partikolari għat-TV Unit tal-Media Centre “li twaqqaf dan l-aħħar mill-Knisja f’Malta”[83] bħala “grupp ta’ produzzjoni ta’ video.”[84] “Din trid tibni strateġija ta’ ħidma fid-dawl ta’ dak li qed jingħad. Taqsima bħal din għandha sservi kemm għall-produzzjoni kif ukoll għall-għajnuna u t-taħriġ għall-operaturi pastorali.”[85]
Is-Sinodu jagħraf wkoll li barra t-TV Unit “fil-Knisja nibtu wkoll individwi u gruppi li għandhom ċentri ta’ produzzjoni tagħhom.”[86]
3.6.2 Ħidma proposta li ssir
Kif spjegat aktar ’il fuq (ara Taqsima 1.2), fil-qasam tat-TV kien hemm diversi żviluppi li joffru opportunitajiet u sfidi lill-Knisja li trid li dejjem tkun għas-servizz tal-bniedem sħiħ u tal-bnedmin kollha.
Ma tiftaħx stazzjon tat-TV
F’dan il-kuntest, l-Arċidjoċesi ittenni d-deċiżjoni li ma tiftaħx stazzjon tat-TV iżda tagħraf li għandha tkun preżenti f’dan il-qasam kemm permezz ta’ relazzjoni ma’ produtturi indipendenti kif wkoll ma’ l-istazzjonijiet tat-TV infushom.
i. Djar ta’ produzzjoni fi ħdan il-Knisja
Is-Sinodu jagħmel riferenza għall-produtturi tat-TV li nibtu fi ħdan il-Knisja. Il-lum insibu, fost l-oħrajn, it-TV Unit tal-Media Centre, CAM Productions u U TV – li minn dar ta’ produzzjoni żviluppa fi stazzjon televiżiv.
Sa “x” mill-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument, is-Segrerarjat għandu jlaqqa’ lil dawn u lil produtturi oħra fi ħdan il-Knisja biex ifasslu pjan stateġiku illi:
- jindika l-oqsma partikolari fejn kull produttur ikun se jispeċjalizza u fejn l-aktar se jinvesti r-riżorsi tiegħu;
- jfassal l-aħjar mod kif il-produtturi fi ħdan il-Knisja – flimkien jew b’mod singolu jew ma’ oħrajn – jidħlu f’oqsma oħra barra dawk tax-xandir reliġjuż fis-sens strett tal-kelma. Id-djar ta’ produtturi Kattoliċi jeħtieġ li jagħrfu li dan huwa l-qasam li jeħtieġ li jiġi żviluppat jekk irridu npoġġu fil-prattika dak li jitlob is-Sinodu, jiġifieri li nkunu preżenti “fl-aħjar ħin possibbli.”[87]
Dawn il-produtturi għandhom jesploraw ġeneri bħal drama, game shows u formati oħra ta’ programmi mhux normalment inklużi bħala xandir reliġjuż.
- Jesploraw l-oqsma ta’ koperazzjoni bejniethom: tekniċi, ta’ produzzjoni, ideat ta’ programmi u oħrajn
ii. Produtturi indipendenti u stazzjonijiet TV
Permezz tal-produtturi Kattoliċi jew inkella direttament, is-Segretarjat għandu jfassal stateġija ta’ ħidma mal-produtturi indipendenti u ma’ stazzjonijiet televiżivi.
Dan il-pjan għandu jesplora:
- il-possibbiltà ta’ ko-produzzjonijiet ma’ dawn il-produtturi indipendenti jew ma’ stazzjonijiet tat-TV jew il-possibbiltà ta’ kontribut “nisrani” fil-programmi varji tagħhom.
- il-possibbiltà ta’ organizzazzjoni ta’ taħriġ fis-sengħa tal-produzzjonijiet televiżivi b’enfasi fuq l-aspetti estetiċi u etiċi.
- possibbiltajiet oħra ta’ kooperazzjoni bejn in-naħat differenti.
- Is-Segretarjat għandu wkoll jipprova jilħaq direttament ma’ l-istazzjonijiet tat-TV ftehim partikolari dwar programmi formalment reliġjużi fuq l-istazzjonijiet rispettivi (ara taqsima 3.5.2.iii).
3.7 Proposti għall-qasam tal-media stampata
3.7.1 X’qal is-Sinodu
Is-Sinodu jitkellem fil-qosor kemm fuq il- media stampata fi ħdan il-Knisja kif wkoll fuq id-dmir ta’ l-insara f’dan il-qasam.
Dwar ta’ l-ewwel jgħid li:
- “ il-gazzetta Il-Ġensillum ma qabditx art, ukoll jekk dan l-aħħar reġgħet ħadet ftit nifs.”[88] Jgħid ukoll li “d-Djoċesi għandha tkun aktar ċara dwar il-linja tal-gazzetta tagħha, Il-Ġensillum, bħala gazzetta ta’ ispirazzjoni kattolika.”[89]
Ma hemmx riferenza għal forom oħra ta’ stampa.
Dwar id-dmir ta’ l-Insara, is-Sinodu jgħid li:
- “huwa dmir tal-Kattoliċi li jkunu preżenti f’dawn l-oqsma – radju, televiżjoni, gazzetti, internet – sabiex jaħdmu bħal ħmira fis-soċjetà. Il-kitba fil-gazzetti ma tistax tkun limitata għall-media tal-Knisja iżda trid toħroġ u tidher fil-gazzetti stess li fihom issir il-kritika.”[90]
- Id-dokument dwar il-lajċi jgħid li “għandu jsir użu intelliġenti mill-ġurnali u r-rivisti lokali.”[91]
L-iżviluppi li kien hemm fil-qasam ta’ l-istampa f’pajjiżna diġà għamilna riferenza għalihom aktar ’il fuq.
Fil-qasam tal-gazzetti marbuta mal-Knisja, barra Il-Ġensillum, hemm Il-Leħen is-Sewwa – wieħed mill-ġurnali l-aktar li ilhom jiġu ppubblikati f’pajjiżna. Dawn iż-żewġ gazzetti huma differenti ħafna minn xulxin f’diversi aspetti iżda t-tnejn li huma, skond l-istatistika ppubblikata, mhux qed jirnexxilhom jippenetraw is-suq b’xi mod sinifikattiv.[92]
Il-preżenza tal-Knisja fil-qasam tal-magazines hija numerikament b’saħħitha; iżda bla dubju l-akbar preżenza qiegħda permezz tal-magazine Flimkien li jitqassam b’xejn fil-biċċa l-kbira tal-djar Maltin. Waqt li nuru sodisfazzjon għal għadd kbir ta’ kopji li jitqassmu, inżidu li jeħtieġ ukoll inkunu nafu kemm jinqara, minn min u l-għala.
- Ħidma proposta li ssir
i. Deċiżjoni dwar Il-Ġensillum[93]
Fi żmien “x” mill-publikazzjoni tad-dokument, tittieħed deċiżjoni dwar il-futur tal-gazzetta Il-Ġensillum wara li jkun ikkunsidrat jekk mis-Sinodu ’l hawn “qabditx art”[94] u wara li jkun ikkunsidrat l-ammont ta’ sussidju paragunat mal-bejgħ ta’ kopji u l-influwenza li qed ikollha l-gazzetta.
Fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni, titfassal strateġija dwar il-policy u r-rwol tal-media stampata li hija proprjetà ta’ l-Arċidjoċesi u dik li qiegħda fi ħdan il-Knisja iżda mhix proprjetà ta’ l-Arċidjoċesi.
Il-print media tkun waħda mill-oqsma li jidħol fihom il-Pjan Pastorali dwar il-media li huwa propost aktar ’il fuq.
ii. Strateġija mill-Pjan Pastorali
L-istess Pjan Pastorali għandu jfassal l-istrateġija tal-Knisja rigward il-media stampata li mhix tal-Knisja biex, fi kliem is-Sinodu stess, “isir użu intelliġenti mill-gazzetti u r-rivisti lokali.”[95]
- Media education
3.8.1 X’jgħid is-Sinodu
Il-Knisja f’Malta kienet pijunier tal-media education f’pajjiżna tant li f’Ottubru 2006 tfakkar il-25 anniversarju mill-introduzzjoni tas-suġġett f’għadd ta’ skejjel tal-Knisja.[96]
Is-Sinodu jagħraf din il-ħidma “fid-dawl ta’ dak li hu miktub minn diversi dokumenti tal-Knisja kemm dik universali kif ukoll dik lokali.”[97] Fil-fatt, mill-pubblikazzjoni ta’ l-Inter Mirifica tal-Konċilju Vatikan II, diversi kienu d-dokumenti tal-Knisja li esiġew li l-iskejjel tal-Knisja jgħallmu l-media education fil-livelli kollha tagħhom.[98]
Is-Sinodu, wara li jagħraf l-importanza li ta lil dan is-suġġett l-Istat Malti,[99] jesiġi b’mod ċar u qawwi:
“Dan is-Sinodu jitlob li l-programm tal-Media education imfassal mis-Segretarjat għall-Komunikazzjoni Soċjali jifforma parti integrali mit-tagħlim bażiku fil-livelli kollha ta’ l-iskejjel tal-Knisja.”[100]
- Ħidma proposta li ssir
- Programm fl-iskejjel
Din id-dikjarazzjoni tas-Sinodu hija fis-sustanza ripetizzjoni ta’ dak li kienu esiġew, fost l-oħrajn, il-Pjan Pastorali 1986-1991[101] u l-Programm Pastorali intitolat “Lejn is-sena 2000 bħala Familja”.[102]Iżda minkejja dawn id-direttivi kollha, f’dawn l-aħħar snin, kompla jonqos l-għadd ta’ skejjel li jgħallmu l-media education. Meta nkitbu d-dokumenti tas-Sinodu kien hawn 35 skola tal-Knisja tgħallem dan is-suġġett.[103] Illum hawn 27 skola![104] Zgur li ma morniex ’il quddiem f’dan il-qasam tant importanti.
Għalhekk fi żmien “x” mill-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument:
- Is-Segretarjat għall-Komunikazzjoni Soċjali, flimkien mas-Segretarjat għall-Edukazzjoni għandhom:
- jaraw x’inhuma d-diffikultajiet li qed isibu l-minoranza ta’ l-iskejjel tal-Knisja li mhux qed jgħallmu s-suġġett;
- jgħinuhom jegħlbuhom;
- jaraw li sal-bidu tas-sena skolastika, Settembru X, anke dawn l-iskejjel ikunu qed isegwu d-direttivi tal-Knisja għal dan il-qasam;
- jaraw kif u b’liema effettivita qed jgħallmu l-media education dawk l-iskejjel li jgħidu li jgħallmuh.
- Is-Segretarjat għall-Komunikazzjoni Soċjali, flimkien mas-Segretarjat għall-Edukazzjoni u s-Segretarjat għall-Katekeżi, għandhom jaraw kif elementi ta’ media education ikunu parti minn suġġetti oħra mgħallma fl-iskejjel, b’mod partikolari r-reliġjon. Dan għandu jsir b’mod speċjali f’dawk is-snin li ma humiex koperti bil-programm ta’ media education tas-Segretarjat.
- Programm barra l-iskejjel
Il-Knisja trid li, apparti l-iskejjel tagħha, anki l-parroċċi jkunu minn ta’ quddiem nett biex joffru l-media education. F’dan il-qasam tant importanti, il-Knisja trid li tkun ta’ servizz għall-ġenituri, għall-edukaturi, għall-komunikaturi u għaż-żgħażagħ.[105]
- Is-Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali flimkien mas-Segretarjat għall-Parroċċi jaraw kif il-parroċċi bl-istrutturi tagħhom jistgħu jintużaw ħalli jwettqu x-xewqa tal-Knisja li l-parroċċi jkunu ta’ servizz fil-ħidma ta’ media education.
Fost affarijiet oħra, is-Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali u s-Segretarjat għall-Katekeżi għandhom flimkien jaraw kif tagħlim dwar il-media jkun inkluż fil-kotba tal-katekiżmu li jintużaw fiċ-ċentri tad-duttrina li hemm fil-parroċċi u fid-djar tad-duttrina.
- Is-SKS flimkien mas-Segretarjat għal-Lajċi jfasslu pjan biex element ta’ media education ikun parti mill-formazzjoni mogħtija liż-żgħażagħ u adulti msieħba fl-għaqdiet u fil-movimenti tal-lajċi.
- L-għaqdiet tal-lajċi, l-aktar dawk impenjati fil-qasam tal-familja, għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà li joħolqu advocacy groups li jkunu jistgħu jagħmlu pressjoni biex il-media jissodisfaw il-ħtiġijiet profondi tal-bnedmin għal dak li jhenni, huwa sabiħ u veru; iħarsu d-dinjità umana, l-aktar tal-minuri u ta’ dawk vulnerabbli; u jagħtu leħen lil kulħadd.
- Is-SKS jfassal pjan kif il-media differenti fi ħdan il-Knisja – radju, gazzetti, eċċ – ikunu aġenti ta’ media education billi jgħinu lill-qarrejja, lis-semmiegħa u lit-telespettaturi jużaw il-media b’mod kritiku u matur.
- Il-qasam diġitali joffri sfida pastorali oħra li tista’ tirriżulta mit-tixrid tal-media l-ġodda għax, waqt li joffri ħafna possibbiltajiet pożittivi, jista’ joħloq forma ta’ faqar u diżlivell bejn gruppi differenti tas-soċjetà. Il-Knisja tagħraf id-diversi sforzi u inizjattivi tajbin ħafna li qed isiru mill-awtoritajiet ċivili biex f’pajjiżna tingħalaq din il-qasma. Is-SKS bil-koperazzjoni ta’ segretarjati oħra li jistgħu jgħinu jidħlu f’kuntatt ma’ l-awtoritajiet ċivili u, fejn ikun il-kaz, ma’ NGOs biex jaraw kif strutturi, bini u programmi tal-Knisja jistgħu jgħinu biex il-qasma diġitali tingħeleb.
- Is-Sinodu, f’diversi partijiet, jitlob li jsir taħriġ fl-użu tal-media għal dawk li jkunu se jwasslu l-preżenza nisranija permezz tal-media.[106] Mingħajr taħriġ ta’ dan it-tip, il-parteċipazzjoni “nisranija” x’aktarx li tkun waħda dgħajfa.
Il-pjan ta’ azzjoni mitlub mis-Sinodu għandu jitlesta mis-SKS sa “x” mill-publikazzjoni ta’ dan id-dokument.
- Ir-raba’ taqsima
Ħarsa ’l quddiem
L-analiżi tar-rwol tal-media fis-soċjetà Maltija u l-proposti elenkati fit-tielet taqsima ta’ dan il-programm ta’ ħidma m’għandhomx jitqiesu prinċipalment bħala parti minn pjan jew programm imfassal fil-ħidma normali ta’ xi ażjenda jew organizzazzjoni biex iżżid l-effiċjenza jew l-effikaċja tagħha. Bla dubju ta’ xejn, irridu nkattru l-effiċjenza u l-effikaċja tal-ħidma tagħna. Bla dubju huwa dmir tagħna li nagħmlu hekk. Iżda l-ħidma tagħna tkun effettiva u effikaċi skond il-viżjoni li ddawwalha u r-ruħ li tanima. Din il-ħtieġa toħroġ min-natura tal-Knisja li mhix biss organizzazzjoni kbira u kumplessa.
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-għan ta’ dawn il-proposti huwa li bit-twettiq tagħhom il-Knisja f’Malta tkun tista’ taqdi aħjar il-missjoni tagħha ta’ oħt u qaddejja, viżjoni li ntgħażlet għall-Knisja f’pajjiżna mis-Sinodu Djoċesan, viżjoni li hija kumplimentari għall-viżjoni ta’ Knisja bħala omm u għalliema li ħaddanna għal għexieren ta’ snin.[107]
Għalhekk, fit-tarf ta’ dan id-dokument, aktar minn konklużjoni, qegħdin nagħtu ħarsa ’l quddiem fid-dawl ta’ din il-viżjoni.
Il-Knisja trid tkun hekk – jiġifieri oħt u qaddejja tas-soċjetà – fil-qasam u permezz tal-qasam tal-komunikazzjoni soċjali. Il-Knisja la trid “tuża” (fis-sens negattiv tal-kelma) u l-anqas tiddomina dan il-qasam jew permezz tiegħu. Il-Knisja, iżda, trid tħobb u taqdi fil-qasam tal-media u permezz tal-media. L-imħabba u s-servizz li janimaw il-ħidma tagħha f’kull qasam janimawha wkoll hawn hekk.
Għalhekk il-Knisja pubblikament timpenja ruħha li kontinwament tagħmel eżami tar-rwol tagħha, ta’ l-inizjattivi, tal-proposti u tal-proġetti tagħha f’dan il-qasam fid-dawl ta’ din il-viżjoni.
Għax tħobb u taqdi, il-Knisja tixxierek mal-bqija tal-membri tas-soċjetà – dawk li jemmnu u dawk li ma jemmnux – biex tara li l-media jseddqu d-dinjità tal-bnedmin kollha u tal-bniedem sħiħ. U għax temmen li l-akbar dinjità li għandhom il-bnedmin tinsab fil-fatt li huma wlied Alla, tħabrek biex issib dak li l-aktar jiffaċilita t-twettiq ta’ dan kollu. Għalhekk, f’dan il-qasam. il-Knisja b’ħerqa tfittex il-wiċċ diġitali tal-Mulej biex tikkomunikah.
Il-bixra ta’ wiċċu llum hija mfassla mill-uċuħ ta’ dawk li jemmnu u ta’ dawk li ma jemmnux fih u hija mibnija bil-ħidma tagħhom. Dan il-wiċċ huwa akbar u isbaħ minn dak li l-bniedem waħdu jista’ joħlom. B’ħidmiet differenti l-bniedem jaqbad u jwassal aspetti partikolari tiegħu. Il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali għandhom rwol importanti ħafna għax jgħinu fit-tfassil u fil-komunikazzjoni tal-wiċċ diġitali tal-Mulej. Dan il-wiċċ diġitali tal-Mulej, imwassal permezz tal-media, għandu dimensjoni partikolari. Huwa għandu dimensjoni globalizzata għax, fost it-teknoloġija maħluqa mill-bniedem, il-media biss jistgħu – jekk jitħallew – iqarrbu lejn xulxin u tant malajr lill-bnedmin minn kull rokna tad-dinja biex b’hekk jiffaċilitaw is-sentiment li l-bnedmin huma tassew ġisem wieħed. B’dan il-mod il-wiċċ diġitali tal-Mulej ma jibqax biss wiċċ Ewropew, jew Ażjatiku jew Afrikan jew ta’ xi bixra oħra iżda jsir wiċċ magħruf minn kulħadd kif tassew hu, jiġifieri bħala l-wiċċ veru tal-bnedmin.
Din il-ħidma u din id-dinjità l-Knisja tagħmilha fl-għarfien u fit-twemmin sħiħ li l-Mulej huwa preżenti u ħaj fl-istorja u fis-soċjetà tagħna llum bħalma darba kien preżenti f’art twelidu. Minflok fit-toroq kollha trab tal-Palestina, illum qed jimxi wkoll fuq il-highways diġitali u elettroniċi. F’dawn it-toroq ukoll qiegħed ifejjaq, jaħfer, iħobb, iwieġeb għall-aspirazzjonijiet l-aktar profondi tal-bnedmin u, fuq kollox, isalvahom.
Il-Knisja għalhekk taħdem bla heda biex il-wiċċ tal-Mulej ikun proġettat b’mod sħiħ u ċar fl-isfera diġitali b’mod li l-bnedmin ikunu jistgħu jiddistingwuh mill-uċuħ l-oħra kollha li din id-dinja tipproġetta.
Il-Knisja għalhekk timpenja ruħha f’ħidma sfiqa ta’ djalogu kontinwu ma’ dawk kollha li jaħdmu f’dan il-qasam biex tifhem u tinftiehem. Taħdem wkoll biex f’dan id-djalogu jkunu inklużi dawk li jirċievu l-media ħalli minflok riċevituri passivi, isiru sieħba attivi li jagħmlu d-differenza.
Il-Knisja tagħraf li din il-missjoni tagħha ta’ mħabba u servizz mhix missjoni faċli f’dinja pluralistika u li dejjem aktar qed tinħakem mill-irjieħ tan-neoliberaliżmu li jqiegħed il-profitt fuq kollox, inkluż fuq il-bniedem. Din il-ħidma l-Knisja tidħol għaliha b’ħeġġa, b’kuraġġ, b’umiltà, u b’ottimiżmu. Il-Knisja hija realistika u allura tagħraf li din il-missjoni taqdiha biss jekk titwaħħad mas-salib.
Dan il-Knisja tagħmlu bis-sliem u l-hena li jiġi miċ-ċertezza li dan is-salib huwa s-salib rebbieħ tal-Mulej li rxoxta.
- Il-ħames taqsima
Riferenzi
Aetatis Novae (1992) “Pastoral Instruction on Social Communications. February 22, 1992”, f’Eilers, F. J. (Ed.) Church and Social Communication. Basic Documents, pp. 119 – 139. Manila: Logos Publications.
Borg, J. (2007) “The Maltese Mediascape”, f’Terzis, G. (Ed.) European Media Governance. National and Regional Dimensions. pp251 – 261. Bristol: Intellect Ltd. Data mistennija tal-pubblikazzjoni: 2007.
Borg, J. (Fl-Istampa) “The Media in Malta: legal, structural, usage and content considerations”, f’Internationales Handbuch Medien. Pubblikazzjoni tal-Hans-Bredow-Institut for Media Research fl-University of Hamburg. Data mistennija tal-pubblikazzjoni: 2008.
Borg, J (2000) “Paul on Herzian Waves. Radio Broadcasting and Evangelisation in Malta”, f’A. A. Zukowski and P Belanger (Eds.) Radio Presence. A Collection of International Stories and Experience pp.151-157. Brussels: UNDA.
Borg, J (1997) “Radio and Adult Education in Malta. Towards a Research Agenda”, f’ G. Baldacchino & P. Mayo Beyond Schooling. Adult Education in Malta pp. 129-150. Malta: Mireva Publications.
Borg, J & Lauri, M.A. (2006) “An Evaluation of Media Education in Malta”, f’ IAMCR Cairo. 25th Conference and General Assembly. Proceedings pp. 341- 346.
Borg, J., Lauri, M.A., & Fenech, D. (2005) L-ethos tax-xandir pubbliku taħt pressjoni. Rapport Annwali tal-Bord Editorjali Jannar-Settembru 2005.
Broadcasting Authority (2007) Radio and TV Audiences January – March 2007. Published May 2007.
Broadcasting Authority (2007b) Radio and TV Audiences Malta October 2006 – September 2007.
“Children and the Media: A Challenge for Education.” Papal Message for World Communications Day 2007. Misjub minn http://www.vatican.va/holy_father/benedict_xvi/messages/communications/documents/hf_ben-xvi_mes_20070124_41st-world-communications-day_en.html fl-10 ta’ Ġunju 2007.
“Communio et Progressio (1971) Pastoral Instruction on the Means of Social Communication”, f’Eilers, F. J. (Ed,) Church and Social Communication. Basic Documents pp. 69 – 117.Manila: Logos Publications.
Croteau, D. & Hoynes, W. (2003) Media/Society. Industries, Images, and Audience. (3nd. Ed.) London: Pine Forge Press.
Djakonja u Gustizzja (2003) Dokument tas-Sinodu Djoċesan. Arċidjoċesi ta’ Malta.
Eilers, F. J. (1994) Communicating in Community. An Introduction to Social Communication. Manila: Logos Pubications.
Ernst & Young (2006) Audience Survey. March 2006. Malta: Ernst & Young
Flimkien fi Kristu għas-Servizz tal-Mulej. Pjan Pastorali 2007 – 2008. Arċidjoċesi ta’ Malta.
Il-Kuntest Malti (2003) Dokument tas-Sinodu Djoċesan. Arċidjoċesi ta’ Malta.
Xandir tal-Kelma (2003) Dokument tas-Sinodu Djoċesan. Arċidjoċesi ta’ Malta.
Inter Mirifica (1963) Decree on the Media of Social Communications. Misjub minn www.vatican.va/archive/hist_councils/ii_vatican_council/documents/vat-ii_decree_19631204_inter-mirifica_en.html fl-10 ta’ Mejju 2007.
Kultura, Soċjeta, Knisja (2003). Dokument tas-Sinodu Djoċesan. Arċidjoċesi ta’ Malta.
Lauri, M.A. & Borg, J. (2006) “Children’s Mastering of the information society: A Maltese contribution” f’Journal of Maltese Education Research vol. 4, no 1, 2006 pp. 1-17.
Lejn is-Sena 2000 bhala familja. Programm Pastorali 1998-2000. Arċidjoċesi ta’ Malta.
Lajci Insara (2003) Dokument tas-Sinodu Djoċesan. Arċidjoċesi ta’ Malta.
McQuail, Denis. (2005) McQuail’s Mass Communication Theory (5th Ed.) London: Sage Publications.
Media Programme + A Guide to Maltese Producers (2006). Malta: Media Desk Malta. EU Affairs Directorate.
Media with a Purpose. Public Service Broadcasting in the digital era. (2003) The Report of the Digital Strategy Group European Broadcasting Union.
Ministry for Education and National Culture (1999). Creating the future together. Malta: Ministry for Education and National Culture.
National Broadcasting Policy (2004) Malta: Ministry for Information Technology and Investment and Ministry for Tourism and Culture.
National Statistics Office (16 February 2007) Information Society Indicators: December 2006. Press Release 24/2007.
National Statistics Office (16 November 2006). Information Society. ICT usage by households and individuals: 2006. Press Release 253/2006).
National Statistics Office (8 November 2005). Survey on Information Communication Technology in Schools Press Release 239/2005.
National Statistics Office (29 April 2003) Household and Dwelling Possessions. Press Release 60/2003.
National Statistics Office (3 November 2002) Household Budgetary Survey: 2000.
National Statistics Office (23 July 2001) Information Society Statistics Press Release 71/2001.
Nimxu Flimkien fid-Dawl tal-Mulej. Pjan Pastorali 2005 – 2006. Arċidjoċesi ta’ Malta.
Pjan Pastorali 1986 – 1991. Arċidjoċesi ta’ Malta.
Rapid Development (2005) Apostolic Letter of John Paul II. Misjub minn www.vatican.va/holy_father/john_ii/apost_letters/documents/hf_jp-ii_apl_20050124_il-rapido-sviluppo_en.html fl-10 ta’ Mejju 2007.
Sammut, C. (2007) Media and Maltese Society. New York: Lexington Books.
Sultana, C. M. (2003) . Radio at the Service of the Church. Teżi mhux pubblikata bħala parti mil-Liċenzjat tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta.
Television Without Frontiers Directive. Council Directive 89/552/EEC of 3 October 1989 on the coordination of certain provisions laid down by Law, Regulation or Administrative Action in Member States concerning the pursuit of television broadcasting activities Official Journal L 298 , 17/10/1989 P. 0023 – 0030. Misjuba minn http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:31989L0552:EN:HTML fl-10 ta’ Mejju 2007
The Media Warehouse. Research Analysis January 2007 – April 2007. Malta: Informa Consultants.
Vizjoni ta’ Knisja Komunjoni (2003) Dokument tas-Sinodu Djoċesan. Arċidjoċesi ta’ Malta.
Żwieġ u Familja (2003) Dokument tas-Sinodu Djoċesan. Arċidjoċesi ta’ Malta.
[1] Ara Xandir tal-Kelma (2003) para. 21, fn. 20.
[2] Lista sħiħa tad-dokumenti tas-Sinodu Djoċesan użati f’dan id-dokument tinstab f’Taqsima Ħamsa.
[3] Meta jintuża dan id-dokument issir riferenza għalih bħala Pjan Pastorali 2005-6.
[4] Fejn jintuża dan id-dokument issir riferenza għalih bħala Pjan Pastorali 2007 -8.
[5] Ara Kultura, Soċjetà, Knisja (2003) para. 16, Xandir tal-Kelma (2003) para. 43
[6] Dan ġie ttrattat anke f’Pjan Pastorali 2005-6, p. 34 , Pjan Pastorali 2007-8, p. 25, u Xandir tal-Kelma (2003) para. 44.
[7] Ara Xandir tal-Kelma (2003) para. 21.
[8] Ara Aetatis Novae (1992) para. 21.
[9] Ara Xandir tal-Kelma (2003) para. 43.
[10] Il-Kuntest Malti (2003) para. 8.
[11] Il-Kuntest Malti (2003) para. 8.
[12] Xandir tal-Kelma (2003) para 21.
[13] Kultura, Soċjetà, Knisja (2003) para. 15.
[14] Knisja, Soċjetà, Kultura (2003) para. 15.
[15] Ara Żwieġ u Familja (2003) para 24.
[16] Kultura, Soċjetà, Knisja (2003) para. 15.
[17] Djakonija u Ġustizzja (2003) para 14.
[18] Kultura, Soċjetà, Knisja (2003) para. 19.
[19] Kultura, Soċjetà, Knisja (2003) para. 76.
[20] Għal aktar analiżi f’din id-direzzjoni ara Borg (2007) u Borg (2008).
[21] Nofshom għandhom liċenzja “permanenti” u l-oħrajn għandhom liċenzja temporanja. Ta’ l-aħħar ixandru għal perjodi qsar bħal, per eżempju, fi żmien il-Milied jew fi żmien il-festa jew fi żmien xi avveniment partikolari.
[22] Iċ-cifri f’dan il-kamp – l-aktar fejn jidħlu l-media elettroniċi – jinbidlu ta’ spiss. Naturalment, qabel jiġi ippubblikat – jekk jiġi ippubblikat – id-dokument, allura ċ-ċifri jinbidlu biex jirriflettu dawk l-aktar ricenti.
[23] Skond il-Household and Dwellings Possession (NSO 60/2003), fl-2002 nofs id-djar diġà kellhom żewġ settijiet tat-TV jew aktar. Fi żmien qasir għandhom joħorġu r-riżultati taċ-Ċensiment 2005 u din iċ-ċifra mistennija li tiżdied ħafna.
[24] Ara Household Budgetary Survey 2000.
[25] Ara Broadcasting Authority 2007.
[26] Ara NSO 60/2003.
[27] Ara Borg, J, Fenech, D., u Lauri, M.A. (2005).
[28] Għal kif taħdem din id-dinamika f’Malta, ara Sammut (2007).
[29] Ara Kultura, Soċjetà, Knisja (2003) para. 19.
[30] Id-Direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Mingħajr Fruntieri (artiklu 5) issemmi l-produtturi li jkunu indipendenti mix-xandara. L-Istati membri huma mitluba biex 10% tal-ħin tat-trasmissjoni (wara li jinqatgħu ċerti ġeneri ta’ programmi) jew 10% tal-baġits ikunu riservati għall-xogħlijiet ta’ produtturi indipendenti mix-xandara.
[31] Ara National Broadcasting Policy (2004) para. 28.
[32] Ara Media Programme + A Guide to Maltese Producers (2006).
[33] Ara BA May 2007; Ernst & Young, March 2006.
[34] Ara NSO Press Release 253/2006.
[35] Ara Household Budgetary Survey 2000.
[36] Ara NSO Press Release 71/2001.
[37] Informazzjoni miġbura minn tagħrif li taw iż-żewġ operaturi tad-diġitali f’Mejju 2007. Ara www.timesofmalta.com/core/article.php?id=260663 misjub fit-12 ta’ Mejju 2007 u “Maltacom Group hits 15,000 TV subscriptions, as special offer is extended” www.dive.com/dive/portal.jhtml?id=275846&pid=80 misjub fit-12 ta’ Mejju 2007
[38] Ara NSO Press Release 24/2007.
[39] Ara Media with a Purpose (2003).
[40] Ara NSO 60/2003.
[41] Ara NSO 230/2005.
[42] Ara Croteau, D. U Hoynes, W. (2003); McQuail, D. (2005).
[43] Ara Sammut (2007).
[44] Ara Borg (1997).
[45] Ara Eilers, F. J. (1994).
[46] Ara Xandir tal-Kelma (2003) para. 21.
[47] Inter Mirifica (1963) para. 1
[48] Communio et Progressio (1971) para 2; Aetatis Novae (1992) para. 22.
[49] Xandir tal-Kelma (2003) para. 21.
[50] Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni (2003) Preżentazzjoni
[51] Pjan Pastorali 1986-1991, b’mod partikolari Kap VIII.
[52] Lejn is-Sena 2000 bħala Familja. Pjan Pastorali 1998-2000, b’mod partikolari para. 7.3.
[53] Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni (2003) para. 21.
[54] Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni (2003) para. 22.
[55] Eżempju: Jekk tittieħed deċiżjoni li l-prijorità ta’ l-Arċidjoċesi għas-sena ’x’ tkun ħidma għal żwieġ b’saħħtu, allura l-koordinament isir biex dan l-objettiv jitqiegħed fil-prattika minn gruppi differenti skond il-kariżma tagħhom.
[56] F’dan id-dokument se jkun hemm diversi riferenzi għal time frames, jiġifieri għal dati sa meta dak li jkun qed jiġi propost irid jitwettaq. Naturalment, minħabba n-natura ta’ dan id-dokument bħala proposta ta’ abbozz, dawn il-miri ma jistgħux jingħataw b’eżattezza u allura r-riferenza għalihom hija dejjem “x”.
[57] Ara Aetatis Novae (1992) para. 21.
[58] Ara Aetatis Novae (1992) para. 23-33.
[59] Ara Xandir tal-Kelma (2003) para. 43.
[60] Kultura, Soċjetà, Knisja (2003) para. 16.
[61] Viżjoni Knisja Komunjoni (2003) para. 30.
[62] Kultura, Soċjetà, Knisja (2003) para. 16.
[63] Ara Xandir tal-Kelma (2003) para. 43.
[64] Ara Xandir tal-Kelma (2003) para. 43.
[65] Ara Xandir tal-Kelma (2003) para. 44.
[66] Ara Xandir tal-Kelma (2003) para. 43.
[67] Ara Xandir tal-Kelma (2003) para. 44.
[68] Id-diskussjonijiet li jsiru waqt il-perjodu ta’ konsultazzjoni dwar dan id-dokument għandhom jindikaw il-mod konkret ta’ kif issir it-tmexxija. Jista’ jkun hemm kumitati konġunti. Iżda jista’ jintgħamel il-każ li dawn għandhom ikunu jew kumitati tas-Segretarjat li mbagħad jixtru s-servizzi mill-Media Centre, jew għandhom ikunu kumitati tal-Media Centre li jirrappurtaw lis-Segretarjat dwar policy fuq kontenut biss.
[69] “Jissawwar, permezz tas-Segretarjat għall-Mezzi ta’ Komunikazzjoni Soċjali, team ta’ nies li jkunu mħarrġin biex iwasslu l-messaġġ ta’ Kristu u tal-Knisja b’mod effettiv fil-media u fl-oqsma kulturali (bħal letteratura, teatru, arti, mużika) lokali. In-numru jkun skond l-esiġenzi u r-riżorsi eżistenti. Kull min għandu kontribut x’jagħti għandu jagħtih għax kulħadd imsejjaħ jagħmel il-parti tiegħu fit-tixrid ta’ l-Evanġelju. Biss, f’din l-era ta’ professjonaliżmu, jeħtieġ li jitħarrġu nies dedikati għal appostolat speċifiku. Għalħekk jitħejja pjan ta’ azzjoni mfassal b’mod xjentifiku u esegwit professjonalment. Min jidħol għal din il-ħidma irid ikun dedikat, imfawwar bl-ispirtu evanġeliku u lest li jidħol għal taħriġ ongoing. It-team irid ikun strutturat, dinamiku u jwieġeb għall-ħtiġijiet li jinqalgħu, b’nies f’diversi stadji ta’ taħriġ biex il-kontinwità tkun assigurata.” (Kultura, Soċjetà, Knisja 84.1)
[70] Il-mod kif għandhom jintgħażlu l-membri tas-Segretarjat għandu jkun ukoll suġġett ta’ diskussjoni waqt il-perjodu ta’ konsultazzjoni dwar dan id-dokument. Irid jinstab bilanċ bejn interessi differenti mingħajr ma tkun imfixkla t-tmexxija ’l quddiem ta’ l-istrateġija magħżula.
[71] Eżempju: Kumitati tal-produtturi tal-programmi televiżivi fi ħdan il-Knisja.
[72] Kultura, Soċjetà, Knisja (2003) para. 19.
[73] Kultura, Soċjetà, Knisja (2003) para. 19.
[74] Kultura, Soċjetà, Knisja (2003) para. 16.
[75] Modi oħra ta’ tmexxija jistgħu jiġu kkunsidrati. Eżempju: il-Communications Office jista’ jkun indipendenti minn kwalunkwe Segretarjat jew uffiċċju ieħor, kif fil-fatt huwa bħalissa l-Ufficcju Relazzjonijiet Pubbliċi/Uffiċċju Stampa. Jista’ jitqies li d-Delegat tas-Segretarjat ikun il-kelliemi uffiċjali ta’ l-Arċidjoċesi u jieħu sehem attiv fit-tmexxija ta’ l-Uffiċċju. Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ kull sistema għandhom ikunu eżaminati bir-reqqa qabel tittieħed deċiżjoni finali dwar dan is-suġġett.
[76] Tista’, per eżempju, tiġi diskussa l-possibbiltà li jkun hemm Communications Office komuni bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta u dik ta’ Għawdex jew xi arranġament partikolari mar-reliġjużi. F’dan il-każ, allura, l-istruttura, kompożizzjoni eċċ tal-Communications Office tkun trid tinbidel biex tirrifletti r-realtà ġdida.
[77] Xandir tal-Kelma (2003) para. 21.
[78] Ara Kultura, Soċjetà, Knisja (2003) para. 16.
[79] L-RTK għandu dan il-profil ta’ udjenza: 16% bejn it-30 u 49 sena; 30% bejn il-50 u 64 sena; u 51% fuq il-65 sena. Żewġ terzi ta’ l-udjenzi huma nisa (BA May 2007).
[80] 42% ta’ dawk li jisimgħu Radju Maria huma bejn il-50 u 64 sena waqt li 45% huma fuq il-65 sena. Żewġ terzi ta’ l-udjenza huma nisa (BA May 2007).
[81] L-RTK żied il-kontenut formalment reliġjuż minn 7% fl-1992 (Borg, 2000) għal 9.8% fl-1997, għal 14% fl-2002 (Sultana, 2003) u għal 16% fl-2007 (tagħrif mogħti miċ-Chairman ta’ l-RTK waqt Konferenza Nazzjonali: RTK: Aġenda ta’ valuri” 16 ta’ Marzu 2007).
[82] Lajċi Nsara (2003) para. 60.
[83] Lajċi Nsara (2003) para. 60.
[84] Xandir tal-Kelma (2003) para. 43.
[85] Xandir tal-Kelma (2003) para. 43.
[86] Kuntest Malti (2003) para. 8.
[87] Lajċi Nsara (2003) para. 60.
[88] Xandir tal-Kelma (2003) para. 21.
[89] Xandir tal-Kelma (2003) para. 43.
[90] Kultura, Soċjetà, Knisja (2003) 16.
[91] Lajċi Nsara (2003) para. 60.
[92] Ara The Media Warehouse, January 2007 – April 2007.
[93] Wieħed mill-argumenti spiss diskussi tul dawn l-aħħar snin kien il-preżenza ta’ l-Arċidjoċesi fil-qasam tal-media stampata. Din il-preżenza tista’ tieħu forom differenti. Insemmi xi eżempji li mhux bil-fors jeskludu wieħed lill-ieħor. Jekk mid-diskussjoni joħroġ li Il-Gensillum qabdet l-art, allura din hija preżenza valida. Il-magazine Flimkien jipprovdi prezenza “popolari” li bih il-Knisja tilħaq kważi d-djar kollha ta’ pajjiżna. Jista’ jkun hemm preżenza oħra aktar speċjalizzata. Din tista’ tieħu l-forma ta’ magazine imqassam ma’ xi gazzetta bl-Ingliż u jkun magazine li jittratta aktar il-grajjiet kurrenti u l-iżviluppi varji f’pajjiżna fid-dawl tat-tagħlim soċjali tal-Knisja. Dan ikun finanzjat mir-reklamar. Ma rridux ninsew li hemm wkoll il-preżenza permezz ta’ Leħen is-Sewwa għal udjenza differenti.
[94] Xandir tal-Kelma (2003) para. 21.
[95] Lajċi Nsara (2003) para. 60.
[96] Ara Borg u Lauri, 2006 għal tagħrif dettaljat dwar l-istorja, l-iżvilupp u l-istrateġija tal-ħidma tal-Knisja f’Malta f’dan il-qasam.
[97] Xandir tal-Kelma (2003) para. 22.
[98] Ara Inter Mirifica (1963) para. 16; Communio et Progressio (1971) para. 107, Aetatis Novae (1992) para. 18 u 24d, Rapid Development (2005) para. 11.
[99] Ara Ministry for Education and National Culture (1999).
[100] Xandir tal-Kelma (2003) para. 22.
[101] Ara Pjan Pastorali 1986-1991 (1985) para. 8.9.
[102] Ara Lejn is-Sena 2000 bħala Familja, para. 7.4.
[103] Ara Lauri u Borg (2006).
[104] Informazzjoni mogħtija mill-Media Centre dwar is-sitwazzjoni f’Ottubru 2006.
[105] Ara Children and the Media: A Challenge for Education (2007).
[106] Ara Xandir tal-Kelma (2003) para. 43; Kultura, Soċjetà, Knisja (2003) para. 16 u para. 18.1.
[107] Ara Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni (2003) Preżentazzjoni.