Il-Papa Franġisku, fl-ewwel udjenza li għamel fis-sala Pawlu VI, wara lockdown, jerġa jkompli l-Katekeżi fuq it-talb. Il-Papa jgħidilna: “li għandna bżonn l-ispirtu ta’ Elija”.
“Huwa jaqbeż il-konfini ta’ żmienu” jistqarr il-Papa. Isemmi wkoll meta Elija flimkien ma Mosè dehru maġenb Ġesù fil-mument tat-trasfigurazzjoni. Fil-Bibbja l-Papa jinnota, “Elija jidher ħabta u sabta, b’mod misterjuż”. Il-Qdusija tiegħu jgħid li l-Profeta Elija “huwa bniedem mingħajr oriġini preċiż, u fuq kollox mingħajr tmiem, maħtuf fis-sema: għalhekk ir-ritorn tiegħu kien mistenni qabel il-miġja tal-Messija, bħala prekursur”. L-Iskrittura tippreżenta lil Elija bħala “fidi ċara daqs il-kristall”.
Il-Papa jitkellem fuq il-ħajja ta’ talb ta’ dan il-Profeta u jirrimarka kif it-talb u l-kontemplazzjoni sostnew lil Elija mhux biss fil-mumenti ta’ suċċessi kbar imma wkoll fil-mumenti ta’ djugħfija u ta’ persekuzzjoni.
F’waħda mir-rimarki li għamel, il-Papa rrimarka l-bżonn li fid-dinja ta’ llum ikun hawn ‘l-ispirtu ta’ Elija’. “Kemm gandna bżonn ta’ persuni li jemmnu, Kristjani żelużi, li jqumu quddiem nies b’responsabbiltà u b’kuraġġ bħal ta’ Elija: jgħidu, “Ma tistax tagħmel dan!”
Il-Papa stqarr li Elija jgħallimna li t-talb u l-għaqda m’Alla ma jistgħux jifirduna mill-bżonnijiet ta’ ħutna li jinsabu fil-bżonn. Papa Franġisku jirrimarka li “talb hu konfront ma’ Alla u biex nkunu nistgħu naħdmu biex naqdu lil ħutna”.
Il-Qdusija tiegħu l-Papa Franġsiku għalaq il-Katekeżi billi jirrimarka li l-ġrajja ta’ Elija hija donnha miktuba għalina. “Xi drabi filgħaxija nistgħu nħossuna bla skop waħidna. U hemm, f’dak il-mument, it-talb jiġi u jħabbat fuq il-bieb ta’ qalbna.”
“U mqar jekk inkun żbaljajna xi ħaġa, jew inħossuna mhedda u mwerwra, meta nerġgħu lura quddiem il-Mulej fit-talb, jerġgħu lura għandna bħal f’miraklu anki s-serenità u l-paċi”.
Waqt li l-Papa kien qed isellem lil-Pellegrini li kienu fl-udjenza bid-diversi lingwi qalhom “li anke llum, f’dan iż-żmien ta’ pandemija, hu meħtieġ li naqbdu l-kuruna tar-rużarju f’idejna u nitolbu għalina, għall-għeżież tagħna u għall-popli kollha”.
Ara l-Katekeżi tal-Papa bil-Malti …
https://www.laikos.org/papa_frangisku_udjenza_07102020.htm
Ara l-Katekeżijiet l-oħra tal-Papa Franġisku dwar it-Talb …