Qari tal-Quddies tal-Ħamis tat-XXIII ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tlieta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis

QARI I
Ilbsu l-imħabba.
Kol 3, 12-17

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

Ħuti, intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.

U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni. Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejħa biex issiru ġisem wieħed. U ta’ dan roddu ħajr lil Alla!

Ħalli l-kelma ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom; għallmu bl-għerf kollu u widdbu lil xulxin b’salmi u innijiet u b’għana spiritwali, u b’radd il-ħajr kantaw f’qalbkom innijiet lil Alla. Kulma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 150, 1-2.3-4.5-6

R/. (6): Kulma jieħu nifs, ħa jfaħħar il-Mulej!

Faħħru ’l Alla fit-tempju mqaddes tiegħu,
faħħruh fil-firxa tas-smewwiet qawwija tiegħu!
Faħħruh għall-għemejjel kbar tiegħu,
faħħruh għall-kobor tiegħu bla tarf! R/.

Faħħruh bid-daqq tat-tromba,
faħħruh bl-arpa u ċ-ċetra!
Faħħruh bit-tanbur u biż-żfin,
faħħruh bid-daqq tal-kordi u tas-sfafar! R/.

Faħħruh bid-daqq qawwi taċ-ċimbali,
faħħruh bid-damdim taċ-ċimbali!
Kulma jieħu nifs,
ħa jfaħħar il-Mulej! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
1 Ġw 4, 12

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk inħobbu ’l xulxin, Alla jgħammar fina,
u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.
Lq 6, 27-38

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura.

Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom. Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena.

Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżżeż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu