Ma nixba qatt niżżi ħajr lill-Mulej għall-grazzja li tani li nqatta’ dan iż-żmien f’ħajti ma’ ħuti l-pazjenti u l-membri tal-istaff fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Kemm jgħallimni l-Mulej minn dan l-isptar!
Dan l-aħħar għallimni waħda tajba! Persuna qaltli: Jagħmel ta’ fuq u ta’ taħt jilqa’! Tajba din! Tassew! Ta’ fuq jagħmel u ta’ taħt, irid jew ma jridx, jilqa’ ikollu! Għax dejjem minn taħt! Imma ħej ġieli, u xi drabi qbatt lili nnifsi nirraġuna dan jien ukoll, kien hemm mumenti fejn nirraġunaw: Il-ħażin jirrenja mhux it-tajjeb! Nifhem! Ngħidu hekk l-għaliex tant kemm nisimgħu b’ħażen! Imma nkunu qiegħdin nirraġunaw sewwa meta nirraġunaw hekk?
Dan l-aħħar iċċelebrajna żewġ festi li t-tnejn għandhom l-anġli mdaħħla fihom. Iż-żewġ festi hemm mehmuża magħhom talba. Waħda minnhom hi dik lil San Mikiel, San Gabriel u San Rafel Arkanġli. Din il-festa tfakkarna fit-talba ta’ San Mikiel, li ħarġet mill-qalb tal-Papa kbir Ljun XIII, li hi tant qawwija kontra l-ħażen u ta’ denbu! San Mikiel Arkanġlu, idħol għalina fit-taqbida. Kun inti l-għajnuna tagħna kontra l-ħażen u t-tnassis tad-demonju. Irażżnu Alla nitolbuk bil-ħerqa! Inti l-aqwa fost il-qtajja’ tas-sema. Itfa’, bil-qawwa t’Alla, fil-qiegħ tal-infern, lix-xitan u l-ispirti ħżiena l-oħra, li jiġġerrew fid-dinja għat-telfien tal-erwieħ. Ammen.
Min hu minn fuq f’din it-talba? Mhux ta’ Fuq! Għax ta’ Fuq jiddefendi u t’isfel jiżżaben, jaqla’ fuq rasu u jitkisser bi ħżunietu stess! Ta’ Fuq tarka u t’hemm isfel weħel minn qrunu fix-xbieki għal dejjem! Ta’ Fuq irażżan u jitfa’ fl-infern lil satana u lill-ispirti ħżiena li jħufu madwar id-dinja biex iħassru l-erwieħ! U t’hemm isfel qiegħed fil-barbeque, jinħaraq, mill-misħija tal-ħażen moqżież tiegħu! Mela, ta’ Fuq jagħmel u ta’ taħt jilqa’!
Imbagħad, it-tieni talba, għandha x’taqsam mal-Anġlu Kustodju. L-Anġlu li jieħu ħsiebna. Hekk tgħid din it-talba tassew ħelwa: Anġlu t’Alla, illi fit-tjubija tiegħu, Alla tani biex, tħarisni. Iftaħli moħħi, ħarisni, żommni u mexxini f’dan il-jum/lejl. Hekk ikun. Din it-talba issemmi biss dak li jagħmel ta’ Fuq, jiġifieri li jdawwal il-moħħ, iħares, iżomm u jmexxi lejl u nhar! Daqskemm jagħmel affarijiet sbieħ ta’ Fuq mhux worth it li nsemmu dak li jagħmel t’isfel. Għax t’isfel ħallih jinkedd għal dan il-ġid kollu li qed jagħmel ta’ Fuq! Ta’ Fuq l-original! Ta’ taħt l-imitation! Għax ta’ Fuq jagħmel u ta’ taħt jilqa’!
It-tajjeb, li hu minn Fuq, JAGĦMEL! U l-ħażin, irid jew ma jridx, ikollu joqgħod hemm, jilqa’! It-tajjeb rebbieħ! U l-ħażin tellief!
Patri Mario Attard OFM Cap