“Ħadd ma jsalva waħdu”

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku: “Ħadd ma jsalva waħdu”

It-Tlieta 20 ta’ Ottubru 2020, waqt il-laqgħa internazzjonali għall-paċi, li saret f’Ruma u li kienet organizzata mill-Komunità ta’ San Eġidju, bl-isem ‘Ħadd ma jsalva waħdu. Paċi u fraternità’, l-Papa Franġisku sejjaħ lill-mexxejja ta’ diversi reliġjonijiet biex jaħdmu flimkien “bis-saħħa ġentili tal-fidi biex jintemm kull konflitt”.

Il-Papa beda d-diskors tiegħu meta fakkar fil-laqgħa storika li saret f’Assisi, fis-27 t’Ottubru 1986, meta għall-ewwel darba fl-istorja tal-Knisja, l-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, kien stieden lill-mexxejja tar-reliġjonijiet differenti biex jingħaqdu miegħu biex jitolbu għall-paċi għall-familja umana. Huwa semma li minn żmien dik il-laqgħa sal-llum ħafna ġrajjiet koroh seħħew, xi kultant f’isem r-reliġjon, imma jrid jiġi rikonoxxut wkoll il-passi siewja li ttieħdu minn dak inhar f’djalogu interreliġjuż. Il-Papa wkoll għamel referenza għall-enċiklika li għadu kemm ħareġ ‘Fratelli tutti’, fejn tenna “li l-kmandament tal-paċi jinsab miktub fil-fond tat-tradizzjoni reliġjużi”.

Minn jemmen fehem li differenzi reliġjużi ma jiġġustifikawx l-indifferenza jew li tagħmel għedewwa. Anzi, fuq bażi tal-fidi reliġjuża tagħna, aħna nsiru dawk li jagħmlu l-paċi, milli nibqgħu passivi quddiem il-ħażin tal-gwerra u tal-mibgħeda”, tenna l-Papa Franġisku. “Irridu l-paċi! Iktar paċi! Ma nistgħux nibqgħu ndifferenti!” appella l-Papa, xejn daqs id-dinja ma għandha għatx kbir għal-paċi.

F’ħafna pajjiżi, n-nies qed isofru ħabba l-gwerrer, u hemm ir-riskju li fil-ħajja politika u fl-opinjoni pubblika jidħlu għall-ħażen tal-gwerra bħallikieku kienet sempliċement parti mill-istorja tal-bniedem. Il-kap tal-Knisja Kattolika reġa’ kkwota ‘Fratelli tutti’ fejn qal “Ejjew ma nibqgħux mwaħħlin f’diskussjonijiet teoretiċi, ‘mma mmissu l-ġerħat tal-vittmi midruba…. Ejjew naħsbu fir-refuġjati u fl-imwarrbin, dawk li soffrew mill-effetti tar-raġġi atomici jew mill-attakki kimiċi, l-ommijiet li tilfu lill-uliedhom, jew lis-subien u l-bniet immankati jew mċaħħda minn tfulithom”.

Il-Papa Franġisku saħħaq li kull mingħandu responsabilità politika għandu dover solenni, quddiem Alla, li jara li tintemm kull gwerra. “Il-Paċi hi l-prijorità tal-politika kollha”. Il-Qdusija Tiegħu għamel referenza għall-episodju meta Pietru ħareġ is-sejf u Ġesù ċanfru u waqqfu.  “Daqshekk!” ir-rispons ta’ Ġesù lejn kull forma ta’ vjolenza, i-Papa kompla jgħid. “Din il-kelma waħdanija ta’ Ġesù għadha tidwi matul is-sekli u tilħaqna bl-istess forza fiż-żmienna: daqshekk għas-sjuf, għall-armamenti, għall-vjolenza u għall-gwerra!”

Il-Papa Franġisku qal li l-ħolma tal-bniedem tar-rieda tajba hi li jkollna dinja meħlusa minn kull gwerra. Hu tenna, li wieħed għandu jieħu lezzjoni mill-pandemija tal-Covid-19, “li ngħarfu li aħna komunità globali, kulħadd fl-istess dgħajsa, meta l-problemi ta’ xi ħadd huma l-problemi ta’ kulħadd”.

Il-Papa Franġisku għalaq id-diskors tiegħu fejn nnota li l-persuni kollha ta’ diversi reliġjonijiet differenti nġabru lkoll flimkien fl-għolja Kapitolani, fejn qed iwasslu messaġġ ta’ paċi: “Qed juru biċ-ċar li r-reliġjonijiet ma jridux gwerra u, tabilħaqq, jiċħdu lil dawk li jdaħħlu l-vjolenza”. Talab lil kulħadd biex jitolbu għar-rikonċiljazzjoni u li tistinka biex il-fratellanza tkun tista twitti toroq ġodda ta’ tama. “Bl-għajnuna t’Alla, jkun possibli li tinbena dinja ta’ paċi, u b’hekk inkunu salvati flimkien”.

Wara d-diskorsi, l-Papa Franġisku kif ukoll il-mexxejja ta’ diversi reliġjonijiet differenti li nġabru flimkien għal din il-laqgħa ta’ paċi iffirmaw id-dikkjarazzjoni ta’ Ruma 2020 li tappella għall-paċi.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit:

https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2020-10/pope-francis-interreligious-meeting-peace-rome.html

%d