Tislima xierqa lil Isqof Marjan

Print Friendly, PDF & Email

Rivista: Madonna Ta’ Pinu, Lulju-Settembru 2020, Nru 194

Bħalma turi l-qoxra spettakolari tagħha b’ritratt ta’ Daniel Cilia, il-194 ħarġa tar-Rivista Madonna Ta’ Pinu hija ringrazzjament dovut lill-Isqof Mario Grech, speċjalment għall-imħabba tiegħu lejn is-Santwarju u l-Madonna Ta’ Pinu li hu qatt ma naqas li jħeġġeġ fost l-Għawdxin kemm dam iservi bħala r-Ragħaj spiritwali tad-Djoċesi ta’ Għawdex.

Madonna Ta’ Pinu, Lulju-Settembru 2020

Fil-fatt, l-artiklu “L-Episkopat Marjan tal-E.T. Mons. Mario Grech: Ġrajjiet importanti marbuta mas-Santwarju Ta’ Pinu kemm dam Isqof ta’ Għawdex mill-2006 sal-2020”, imħejji mir-Rettur Dun Gerard Buhagiar, jirrakkonta anki permezz ta’ ritratti storiċi din ir-rabta li kompliet tintiseġ matul dawn l-aħħar ħmistax-il sena.

Tampar dan l-artiklu hija l-ġabra tat-tagħlim prinċipali li ħareġ mill-prietki tal-Isqof Grech meta kull 22 ta’ Ġunju kien imexxi ċ-ċelebrazzjoni tal-Festa tas-Sejħa tal-Madonna Ta’ Pinu, li allura jifforma parti importanti mill-“maġisteru Marjan” tiegħu.

Flimkien ma’ album ħelu ta’ ritratti minn ġrajjiet importanti – bħalma kienet l-għotja tal-Warda tad-Deheb mill-Papa Benedittu XVI, id-dikjarazzjoni ta’ Ta’ Pinu bħala Santwarju Nazzjonali, iċ-ċelebrazzjoni djoċesana tal-Griżma tal-Isqof fuq iz-Zuntier tas-Santwarju fis-Sena tal-Fidi, it-tberik tal-Mużajċi tar-Rużarju, u s-Sena Marjana kif ukoll ir-restawr tal-Kwadru tal-Madonna – dawn iż-żewġ artikli jiffurmaw il-qalba ta’ din il-ħarġa speċjali.

F’Settembru, l-Isqof Mario daħal uffiċjalment għall-ħidma ta’ Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet f’Ruma, ħatra li dwarha naqraw fit-tul fl-ewwel paġni tar-rivista. Miegħu f’Ruma żgur li hu ħa lill-Madonna Ta’ Pinu biex tkompli tieqaf miegħu fil-missjoni ġdida.

Kull korrispondenza għar-rivista Madonna Ta’ Pinu għandha tintbagħat lill-Editur, Ċentru Kulturali Marjan, Ta’ Pinu, l-Għarb GRB 1704, Tel: 21556187,

email: tapinupublications@tapinu.org.

Abbonament għal sena jiswa €10.

%d