Il-Papa Franisku: “L-imħabba weħidha hija t-triq għall-paċi u komunjoni”
It-Tlieta 20 ta’ Ottubru 2020, wara nofsinhar, il-Papa Franġisku ħa sehem f’laqgħa internazzjonali ta’ġ talb għall-paċi. Għal din il-laqgħa kien hemm il-preżenza tal-mexxejja ta’ diversi denominazzjonijiet Insara, fosthom il-Patriarka Ekumeniku ta’ Kostantinopli, Bartolomeo I.
Fl-omelija li l-Qdusija Tiegħu għamel waqt din il-laqgħa ta’ talb, il-Papa Franġisku rrifletta fuq passaġġ mill-Evanġelju fejn iddiskriva l-mumenti eżatt qabel ma Ġesù miet. F’dan il-mument, Ġesù ġie tentat biex isalva lilu nnifsu. Il-Papa spjega li l-ikbar tentazzjoni hu li naħsbu li nsalvaw lilna nfusna u ċirku ta’ madwarna. Għalkemm dan hu stint uman, l-Papa Franġisku qal li dan hu ħażin.
Il-Papa kompla jirrifletti fuq il-kliem “Salva lilek innifsek”, u dawk li qalluhom waqt li Ġesù kien imsallab fuq is-salib.
L-ewwel li lissnu dan il-kliem kienu n-nies komuni li semgħu lil Ġesù jgħallem u rawh jagħmel il-mirakli. Dawn in-nies huma dawk li jridu biss il-mirakli. “Xi kultant aħna wkoll nippreferu Alla li jaħdem bl-għaġeb milli dak li juri l-kompassjoni”. Irridu Alla kif nimmaġinawh aħna, milli nkunu konformi max-xbieha tiegħu. “Dan mhux Alla”, stqarr il-Papa, “’mma ħolqien tagħna”. Meta naħsbu hekk inkunu nippreferu li naduraw lilna nnfusna milli lil Alla. Qima bħal din trawwem u tkabbar fina indifferenza lejn l-oħrajn.
Il-Papa Franġisku mexa għal fuq it-tieni grupp ta’ nies li qalu lil Ġesù l-kliem: “Salva lilek nnifsek”, u dawn huma l-Qassisin il-Kbar u l-kittieba: “dawk li kkundannaw lil Ġesù, għaliex rawh bħala bniedem perikoluż”. Aħna wkoll “speċjalisti biex insallbu oħrajn biex insalvaw lilna nnfusna”, tenna l-Papa.
Ġesù, iżda, ħalla lilu nnifsu jiġi msallab, sabiex jgħallimna ma nitfawx il-ħażen fuq ħaddieħor. Il-Papa kompla jispjega, li s-saċerdoti u l-kittieba kienu jafuh lil Ġesù, jiftakruh ifejjaq u jeħles lin-nies mix-xjaten imma dawn kellhom intenzjoni ħażina. Għalihom li tgħin lill- oħrajn hi ‘nnutli’, u Ġesù, li ta lilu nnifsu bla kundizzjoni għall-oħrajn, tilef lilu nnifsu.
Fl-aħħar, dawk li kienu msalbin ma’ Ġesù wkoll ingħaqdu jgħidulu “Salva lilek nnifsek u lilna”, kompla l-Papa Franġisku. Hu spjega li dawn kienu ddispjeċuti b’Ġesù, għaliex ma niżżilhomx minn fuq is-salib. Dawn ħarsu lejn Ġesù biex isolvi l-problemi tagħhom. Il-Papa rrimarka li “Alla ma jiġiex biex jeħlisna mill-problemi tagħna ta’ kuljum, li dejjem huma hemm, imma ġie biex jeħlisna mill-problemi rejali, li hi nuqqas ta’ mħabba”. In-nuqqas ta’ mħabba u li naħsbu biss fina nnfusna hija “l-kawża primarja tal-mard personali, soċjali, internazzjonali u ambjentali tagħna”. “Hu il-missier ta’ kull ħażen” tenna l-Papa.
Il-Papa dawwar ħarstu fuq il-Kalvarju, jiddeskrivih bħala s-sit ta’ ‘dwel kbir’ bejn Alla, li ġie biex isalvana u l-bniedem li jrid isalva biss lilu nnifsu, bejn il-fidi f’Alla u li tadura lilek innifsek; bejn il-bniedem li jakkuża u Alla li jiskuża.
Fl-aħħar il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku jitlob lil Alla biex jagħtina l-grazzja li nkunu iktar magħqudin u fraterni. Meta nkunu aktar fraterni, kkonkluda l-Papa, aħna nsiru aktar “xhieda kredibli tal-veru Alla”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: