Niġerja: Kristjani li kienu qed jieħdu sehem f’purċissjoni ġew attakkati.
Il-Persekuzzjoni fuq l-Insara ġewwa n-Niġerja tant kibret sfaċċatament li issa anke mixja ta’ talb paċifika, li ġiet organizzata mill-Assoċjazzjoni tal-Insara fin-Niġerja, biex jitolbu għall-paċi fil-pajjiż u jitolbu lil Alla biex jintervjeni fit-twaqqif ta’ iktar tixrid tad-demm tal-innoċenti, spiċċat fil-mira ta’ attakki vjolenti minn grupp ta’ anti-Nsara.
Għalkemm il-Gvern lokali kkundana dan l-attakk, huwa mprobbabli li tittieħed xi azzjoni sinjifikanti. L-Insara fin-Niġerja issa ilhom għal snin sħaħ jiġu brutalizzati u maqtula, bi ftit jew xejn rispons sinjifikanti mill-Gvern jew mill-militar Niġerjan. Issa jidher biċ-ċar, li l-awtoritajiet Niġerjani għandhom ftit jew ebda interess li jassiguraw il-ħarsien tal-Insara milli jiddefenduhom minn dawn l-attakki.
Nhar it-Tnejn li għaddew, persuni mhux magħrufa daħlu armati fil-Knisja ta’ Dunamis Anyigba, ġewwa Dekina fejn kienet qed issir purċissjoni. Ġie rappurtat li dawn in-nies sparaw xi tiri fl-arja u marru dritt fuq l-Isqof David Sanders, mexxej ta’ Grupp Nisrani, sawtuh sakemm spiċċa mitluf minn sensieh.
Uħud mill-mexxejja tal-Knejjes differenti u fidili li kienu qed jieħdu sehem stqarrew li anke huma ġew imsawta, saħansitra ġew imsawta nisa u tfal; filwaqt li vandalizzaw il-propjetà tal-Knisja ta’ Dunamis, minn fejn kienet ser tibda l-mixja. Tlett mexxejja tal-Knejjes Insara, li jinkludi s-segretarju tal-grupp ta’ talb, Silas Edegbo, ġew meħuda f’post mhux magħruf.
Qed jingħad li dawn in-nies mhux magħrufa li għamlu dan l-attakk kienu mmexxija minn persuna li qabel kienet il-kap tal-Kunsill lokali f’Dekina. Ġie magħruf wkoll, li tlett persuni li kien ġew maħtufa, l-għada ġew meħlusa, wara li kienu ġew ittorturati.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: