“Dawk il-flus huma misħuta!” – L-Arċisqof lil dawk li jipprattikaw l-użura


Il-Ħadd, 25 ta’ Ottubru 2020: Quddiesa tat-30 Ħadd tas-Sena mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tal-Madonna tal-Ħlas, Ħal Qormi.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-għaref tal-liġi jixtieq iġarrab lil Ġesù u jpoġġilu mistoqsija importanti ħafna għal nies li kienu mhux biss midħla tal-liġi imma kienu jafu kemm hemm liġijiet. “Liema hija l-liġi l-iżjed importanti?” (Mt 22:36). Liema hu l-kmandament il-kbir, dak li aħna nistgħu ngħidulu l-pedament jew inkella l-liġi kostituzzjonali, dik li fuqha jorbot kollox, il-liġi suprema?

Ir-risposta ta’ Ġesù tista’ tinġabar f’kelma waħda: l-imħabba. Għaliex iż-żewġ kmandamenti li hu jorbot flimkien jibdew b’din il-kelma għażiża: ħobb lill-Mulej, ħobb lill-għajrek. Il-Mulej ikompli jgħid: “Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti” (Mt 22:40). Il-kliem ‘liġi’ u ‘profeta’ fi żmien Ġesù kienu jfissru dak kollu li Alla ried jgħid lil bniedem. Alla kellem lil bniedem permezz tal-liġi u permezz tal-profeti. Ġesù jibor il-messaġġ kollu f’din il-kelma għażiża, l-imħabba, l-imħabba lil Alla “b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu” (Mt 22:37). Imma t-tieni jixbhu u allura lill-għajri mhux biss inħobbu bħali nnifsi li jfisser li l-ewwel imħabba hija tiegħi innifsi, mhux b’mod egoista.

Ħafna drabi aħna nonqsu fil-kmandament tal-imħabba meta ma nħobbux lilna nfusna. Donnu l-borma tal-ġara dejjem tfuħ iżjed, m’għandna xejn x’jifdina. Kemm tkun ħaġa sabiħa li nibdew fil-kmandament tal-imħabba billi ngħidu grazzi lil Alla ta’ kif ħalaqna, int min int, jien min jien. Grazzi, Mulej. Dik hija l-bidu tal-imħabba tiegħi nnifsi li tagħtini l-qawwa mhux biss inħobb ’l-Mulej b’qalbi kollha, imma wkoll lill-għajri, lil ħija l-għażiż.

Ma nixtieqx li dan id-diskors ikun fl-ajru jew fis-sħab għax l-ewwel qari jniżżilna ftit fir-realtà li ngħixu. Għalkemm il-Ktieb tal-Eżodu nkiteb eluf ta’ snin ilu — għax huwa ktieb antik fil-Bibbja — imma f’wieħed mill-ġabriet ta’ kmandamenti qosra, il-Ktieb tal-Eżodu jsemmi tliet kategoriji ta’ nies li kienu magħduda bħala l-fqar u li nistgħu ngħidu għadhom magħna wkoll: “La taħqarx il-barrani, la tgħakksux għax intom ukoll kontu barranin fl-art tal-Eġittu” (Eż 22:20).

L-ewwel ħsieb tiegħi huwa li aħna ngħoddu li aħna Nsara u ferħanin li rċevejna dan il-kmandament kbir u ġdid ta’ Ġesù, l-imħabba. Kultant, meta nitkellmu fuq il-barranin nitkellmu b’disprezz, ma ngħidx mibegħda, imma b’ċerta irritazzjoni, intolleranza, qishom qegħdin fuq żaqqna. “La taħqarx il-barrani, int ukoll kont barrani”.

Niftakar f’tant familji fostna li għandhom xi ħadd barra minn Malta, li għandhom qraba barra minn Malta. Jiena kelli diversi u għad għandi zijiet u issa kuġini barra minn Malta, bħalma kien missieri wkoll u ommi, li marru l-Kanada u jien hemmhekk twelidt. Għalkemm made in Canada xorta Malti. Imma. L-esperjenza tagħna kienet ta’ nies li laqgħuna. Tgħiduli: “Intom kellkom il-karti kollox f’postom”. Mhux dejjem hekk. Meta Ġesù kellu jaħrab tarbija ma’ ommu u missieru, ma kellu l-ebda karta in order. Kien barrani u laqgħuh fl-art tal-Eġittu.

“La taħqrux l-armla jew l-iltim” (Eż 22:21). Jekk aħna bħala Knisja, ngħinu biex nilqgħu ’l-barranin, bl-aspetti kollha li għandna, bil-propjetà kollha li nużaw għall-akkoljenza, hekk ukoll nagħmlu għar-romol u għall-iltiema. Għall-grazzja ta’ Alla llum naqsu dawn ir-residenzi tat-tfal li ma jistgħux joqgħodu mal-familji tagħhom. Għall-grazzja ta ’Alla naqsu anke minħabba s-servizzi ta’ fostering u ta’ adozzjoni li jiena nfaħħar u nbierek. Imma kultant ikun hemm sitwazzjonijiet fejn bħala Nsara rridu nxammru l-kmiem u nagħmlu li nistgħu. U hekk nagħmlu.

Qed navża lil min qiegħed jagħmel l-użura u jsawwat lill-poplu tagħna billi jxaħħam butu: dawk il-flus huma misħuta u nisħithomlkom jien.

Nixtieq ukoll ngħid kelma tal-aħħar imma kelma li nixtieqha tasal fejn hemm bżonn tasal, favur il-vittmi tal-użura. “Jekk inti tislef lil xi fqir mill-poplu tiegħi, iġġibx ruħek miegħu bħal wieħed” (Eż 22:24) li qed jgħix mill-użura. Il-kelma hawnhekk hija naqra soft, sellief mhux biżżejjed għax li tislef huwa att ta’ ħniena. Imma li titlob €100 oħra għal €100 li tajt, dak huwa serq, dak huwa dnub li jgħajjat lil Alla.

Hemm min biex iwassal sal-aħħar tax-xahar jissellef u jitolbuh id-deheb, mhux biss bħala rahan imma bħala ħlas. Hemm min hu vittma tal-użura minħabba n-negozju li sejjer ħażin jew inkella minħabba l-vizzju tal-logħob. Hu x’inhu, meta jiġi bniedem iħabbat fuq il-bieb tiegħek u jitolbok tisilfu, tkun qed tidneb gravament jekk tmur kontra l-liġi u titolbu iżjed mit-8% li tippermetti l-Liġi ta’ Malta. Hemm min qed jitlob 20% jew 30% interess. Navżakom se tagħtu kont lil Alla talli twasslu lin-nies f’tarf ta’ preċipizzju. Uħud itemmu ħajjithom għax ma jistgħux iħallsu d-dejn tal-użura. Il-kmandament ta’ Ġesù mhuwiex fl-ajru u l-kelma tal-Isqof hija ċara. Qed navża lil min qiegħed jagħmel l-użura u jsawwat lill-poplu tagħna billi jxaħħam butu: dawk il-flus huma misħuta u nisħithomlkom jien.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt

One thought on ““Dawk il-flus huma misħuta!” – L-Arċisqof lil dawk li jipprattikaw l-użura”

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.