L-Isqof Mario Grech maħtur kardinal


Nota mill-Isqof Anton Teuma lid-Djoċesi ta’ Għawdex

Il-Ħadd 25 ta’ Ottubru 2020: Dalgħodu waqt l-Angelus ta’ nofsinhar fi Pjazza San Pietru, il-Q.T. il-Papa Franġisku ħabbar l-ismijiet ta’ 13-il kardinal ġdid li ħa jingħataw il-ħatra uffiċjali fil-Konċistorju tat-28 ta’ Novembru li ġej. Fost dawn huwa semma l-ewwel lill-E.T. Mons. Mario Grech, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet u Isqof emeritu ta’ Għawdex.

L-Isqof Mario Grech maħtur Kardinal

Mons. Grech, imwieled il-Qala, hu minn Ta’ Kerċem, u hu l-ewwel Kardinal li qatt inħatar mid-Djoċesi ta’ Għawdex. Huwa serva bħal Isqof ta’ din id-Djoċesi mill-2005 sa din is-sena, meta l-Papa sejjaħlu biex ikun is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet f’Ruma.

B’reazzjoni għal din l-aħbar tassew sabiħa, l-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex, qed jibgħat din in-nota lill-Insara tad-Djoċesi:

Għeżież ħuti saċerdoti, reliġjużi u lajċi Nsara,

Għadna kif smajna lkoll l-aħbar sabiħa li tana l-Papa nnifsu, li l-Isqof Mario Grech,
Segretarju tas-Sinodu, ġie nominat Kardinal u ser ikun maħtur nhar is-Sibt 28 ta’
Novembru, lejlet l-ewwel Ħadd tal-Avvent.

Ejjew ilkoll flimkien – saċerdoti, reliġjużi u lajċi – li gawdejna mid-doni li Alla
għoġbu jagħtina permezz tal-Isqof Mario, nirringrazzjaw lill-Missier u nwegħduh li
nitolbu ħafna għalih.Il-missjoni tal-Isqof Mario tmiss il-qalba tal-Knisja, il-ħidma flimkien tal-isqfijiet talpajjiżi kollha tad-dinja u tad-diversi riti u kulturi fil-Knisja.

Din il-ħidma delikata titlob dixxerniment u għaqal kbir biex isseħħ ir-rieda ta’ Alla fil-Knisja tiegħu.

Id-Djoċesi tagħna tifraħ li wieħed minn uliedha ġie msejjaħ għal missjoni bħal din. Flistess waqt inħossuna lkoll imsejħa biex insostnu lil ħuna bl-inkuraġġiment, blimħabba u bit-talb. Il-ġid kbir li twettaq fid-Djoċesi tagħna bil-ħidma tal-Isqof Grech issa jista’ jitferrex u jitgawda mill-Knisja Universali.Il-Mulej ibierek u jseddaq il-ħidma tiegħu, spalla ma’ spalla mal-Papa Franġisku għall-ġid ta’ kulħadd.


ANTON TEUMA
Isqof ta’ Għawdex

———————–

Aktar dwar il-ħatra tal-Isqof Mario Grech bħala kardinal …

Ara d-diskors, omeliji u messaġġi tal-Isqof Mario Grech …