Tikber il-vjolenza fil-Brażil. Saċerdot maħtuf u maqtul


Ħtif u qtil ta saċerdoti xxokkja lil Brażiljani hekk kif il-vjolenza kibret.

Hekk kif matul din is-sena l-vjolenza għoliet fil-Brażil, ir-rapport taż-żewġt saċerdoti li ġew nieqsa f’żewġt postijiet differenti tal-Brażil, ħasdet il-pajjiż.

Dun Adriano da Silva Barros maħtuf u maqtul

Dun Adriano da Silva Barros, saċerdot ta’ 36 sena, filgħodu kmieni ta’ 13 t’Ottubru, ħalla l-parroċċa fil-belt ta’ Simonésia, fl-istat ta’ Minas Gerais, biex imur jara l-ommu li hi marida, u ma rritornax lura biex jiċċelebra l-Quddiesa ta’ 7pm.

F’Joã Pessoa, fl-istat ta Paraíba, Dun José Gilmar Moreira, saċerdot ta’ 46 sena, sparixxa fil-11.30 ta’ filgħodu, meta hu kien qed isuq biex imur f’distrett ieħor fejn kellu jieħu sehem f’funeral. Ftit wara li telaq, bagħat messaġġ lil sieħbu biex jgħinu.

Fl-14 t’ Ottubru, parti mill-ġisem ta’ Dun Barros, li kienet maħruqa instabet fil-belt ta’ Manhumirim, li kellha wkoll marki ta’ daqqiet tas-sikina. Filwaqt li Dun Moreira instab mill-puluzija tlett ijiem wara, mixi fit-triq konfuż, dgħajjef u deidratat wara li kien tħalla f’belt oħra minn dawk li kienu ħatfuh.

Fiż-żewġt każi, l-Knisja mill-ewwel għamlet rapport mal-puluzija fuq l-għejbien tagħhom u neddiet kampanji li javżaw bl-għajbien tas-saċerdoti. Dun Júlio de Souza Pereira, kollega ta’ Dun Adriano qal: “Kif indunajt li Dun Barros ma qaddisx il-quddiesa ta’ filgħaxija, ċempiltlu, ‘mma ma weġibx. L-għada ċempilt lill-familjari tiegħu u għidt lil isqof u lil puluzija x’kien ġara”.

Kemm Dun Adrian, kif ukoll Dun José kienu fil-mira ħabba l-flus, wieħed ħatfuh biex jirrikattaw lil ħu l-qassis u imbagħad qatluh u lill-ieħor biex jisirquh.

Iż-żewġt delitti huma parti minn mewġa ta’ vjolenza li qed tiżdied fil-pajjiż tal-Amerika t’Isfel. Wara sentejn suċċessivi, fejn ir-rata ta’ vjolenza u ta’ qtil naqset fil-Brażil, din is-sena reġgħet għoliet u dan deher mill-bidu tas-sena. L-istudju li sar juri li l-fuq minn 25 elf ruħ ġew maqtula fl-ewwel sitt xhur tas-sena, 7.1% iżjed mill-omiċidji li seħħew fis-sena ta’ qabel.

F’Mejju li għadda, saċerdot ieħor ta’ 72 sena, Dun Antonio José Gabriel, kien ġie misruq u maqtul fl-istat ta’ Minas Gerais. “Il-qtil ta’ dawn is-saċerdoti tirrifletti s-sitwazzjoni ġenerali ta’ vjolenza fis-soċjetà Brażiljana u fid-dinja kollha llum. Hemm vittmi mis-segmenti kollha, b’mod speċjali fost il-fqar” hekk stqarr l-Isqof Joel Portella Amado, s-segretarju ġenerali tal-Konferenza Episkopali tal-Brażil. Hu qal li l-vjolenza fil-pajjiż tfisser li l-kleru jrid jeżerċita l-missjoni tiegħu b’aktar kawtela, kif ukoll irrid jaħdem biex inaqqas il-mentalita ta’ vjolenza fil-Brażil.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit:

https://cruxnow.com/church-in-the-americas/2020/10/kidnapping-murder-of-clergy-shock-brazilians-as-violence-soars/