Omelija ta’ Corpus Domini (Il-Ħadd)


QUDDIESA TA’ CORPUS DOMINI. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Il-Ħadd, 8  ta’ Ġinju 1980

1. Il-Knisja għażlet, minn sekli ilu, il-Ħamis ta’ wara t-Trinità Qaddisa bħala l-jum iddedikat għal qima speċjali pubblika tal-Ewkaristija, il-jum tal-“Corpus Domini”. Imma, minħabba l-obbligu tax-xogħol tal-Ħamis, aħna niċċelebraw tali sollennità f’dan il-Ħadd. Niċċelebrawha fil-Bażilika ta’ San Pietru u tal-Appostli, li, f’Ħamis ix-Xirka, qabel il-Passjoni, kienu ħadu sehem fl-Aħħar Ċena, jiġifieri fit-twaqqif ta’ dan is-sagrament, li dejjem fil-Knisja kien meqjus bħala l-iktar qaddis: is-sagrament tal-ġisem u d-demm tal-Mulej. Is-sagrament tal-Għid divin. Is-sagrament tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet. Is-sagrament tal-imħabba, li huwa iktar qawwi mill-mewt. Is-sagrament tas-sagrifiċċju u tal-festin tar-redenzjoni. Is-sagrament tal-komunjoni tal-erwieħ ma’ Kristu fl-Ispirtu Santu. Is-sagrament tal-fidi tal-Knisja pellegrina u tat-tama tal-unjoni eterna. L-ikel tal-erwieħ. Is-sagrament tal-ħobż u tal-imbid, tal-ispeċi l-iktar foqra li jsiru t-teżor tagħna u l-ikbar għana tagħna. “Hawn hu l-ħobz tal-anġli, il-ħobż tal-pellegrini” (Sequentia), “…mhux bħal dak li kielu missirijietkom u mietu. Min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem” (Ġw 6,58).  

2. Għaliex għas-sollennità tal-“Corpus Domini” intgħażel il-Ħamis? It-tweġiba hi faċli. Din is-sollennità tirreferi għall-misteru storikament marbut ma’ tali jum, ma’ Ħamis ix-Xirka. U dak il-jum huwa, fis-sens srettissmu tal-kelma, il-festa ewkaristika tal-Knisja. F’Ħamis ix-Xirka twettaq il-kliem li, darba waħda, Ġesù kien ippronunzja fis-sinagoga ta’ Kafarmaw; għas-smigħ tagħha, “bosta mid-dixxipli inġibdu lura u ma marrux iktar miegħu”, waqt li l-Appostli wieġbu b’fomm Pietru: “Għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem”  (Ġw 6,66.68). L-Ewkaristija tiġbor fiha it-twettiq ta’ dan il-kliem. Fiha l-ħajja eterna għandha d-depożitu tagħha u l-bidu tagħha.  

“Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu fl-aħħar jum”, (Ġw 6,54). Dan jgħodd diġa għall-istess Kristu, li jibda t-tridu paskwali f’Ħamis ix-Xirka bl-Aħħar Ċena, jiġi kkundannat għall-mewt u mislub fil-Ġimgħa l-Kbira, u jerġà jqum fit-tielet jum. L-Ewkaristija hija s-sagrament ta’ din il-mewt u ta’ dan il-qawmien mill-imwiet.  

Fiha l-ġisem ta’ Kristu jsir tassew l-ikel, u d-demm ix-xarba għall-ħajja eterna, għall-qawmien mill-imwiet. Infatti, dak li jiekol dan il-ġisem ewkaristiku u jixrob fl-ewkaristija id-demm minnu mxerred għall-fidwa tad-dinja, jilħaq dik il-komunjoni ma’ Kristu, li dwarha il-Mulej innifsu jgħid: “Jibqà fija u jien fih” (Ġw 15,4). U l-bniedem, waqt li jibqà fi Kristu, fl-Iben li jgħix mill-Missier, jgħix huwa nnifsu, permezz tiegħu minn dik il-ħajja li tikkostitwixxi l-unjoni tal-Iben mal-Missier fl-Ispirtu Santu: jgħix il-ħajja divina.  

3. Aħna niċċelebraw, mela, is-sollennità tal-ġisem u tad-demm ta’ Kristu il-Ħamis ta’ wara t-Trinità Qaddisa, biex nenfasizzaw propju dik il-ħajja li tagħtina l-Ewkaristija. Permezz tal-ġisem u d-demm ta’ Kristu jibqà fiha rifless iktar mimli tas-Santissma Trinità, hekk li l-ħajja divina tiġi pparteċipata, f’dan is-sagrament, tal-erwieħ tagħna. Dan huwa l-misteru l-iktar profond, l-ikter intern, li nassumu b’qalbna kollha, bil-“jien” intern kollu tagħna. U ngħixuh fil-moħbi, fil-ġabra l-iktar profonda, bla ma nsibu la l-kliem ġust, la l-ġesti adatti biex inwieġbu għalih. Il-kliem l-iktar eżatt donnu forsi dan: “Mulej, jiena ma jistħoqqlix li int tisħol taħt is-saqaf tiegħi…” (Mt 8,8), magħqud ma’ atteġġjament ta’ adorazzjoni profonda.  

Madankollu, jeżisti jum uniku – u tali żmien – li fih aħna, għal realtà hekk intima, nixtiequ nagħtu espressjoni esterna u pubblika speċjali. Dan jiġri propju llum. Din hija espressjoni ta’ mħabba u ta’qima.  

Kristu, waqt li jaħseb dwar il-mewt tiegħu, li tagħha ħallielna it-tifkira propju fl-Ewkaristija, forsi ma qalx darba: “Missier igglorifikani quddiemek, b’dik il-glora li kelli maġembek qabel mad-dinja kienet”? (Ġw 17,5)  

Kristu jibqà f’din il-glorja wara l-qawmien mill-imwiet. Is-sagrament tat-tneżżigħ u tal-mewt tiegħu u fl-istess ħin is-sagrament ta’ din il-glorja, li fiha hu jibqà. U għalkemm għall-glorifikazzjoni, li minnha hu jgawdi f’Alla, ma tikkorrispondi ebda espressjoni adegwata ta’ adorazzjoni umana – bdanakollu huwa xieraq li bl-Ewkaristija ta’ Ħamis ix-Xirka tkun marbuta wkoll dik il-liturġija speċjali ta’ adorazzjoni, li ġġib magħha l-festa tallum. Dan huwa l-jum li fih mhux biss nirċievu l-ostja tal-ħajja eterna, imma wkoll nimxu bil-ħarsa fissa lejn l-ostja ewkaristika, ilkoll flimkien fil-proċessjoni, li hija simbolu tal-pellegrinaġġ tagħna ma’ Kristu fil-ħajja eterna.

Ejjew nimxu tul il-pjazez u għal għonq it-toroq tal-bliet tagħna – għal għonq dawn it-toroq li fuqhom normalment jiżvolġi l-pellegrinaġġ tagħna. Hemm fejn, waqt li ngħixu billi naħdmu, billi nimxu bil-għaġġla, aħna nġorruh fil-moħba ta’ qlubna – hemm irridu nġorruh fi proċessjoni u nuruh lil kulħadd, sabiex ikunu jafu li, grazzi għall-ġisem tal-Mulej, ilkoll għandna u nistgħu ikollna fih il-ħajja (cf. Ġw 6,53). U sabiex nirrispettaw din il-ħajja ġdida li hemm fil-bniedem.

Knisja mqaddsa, faħħar il-Mulej tiegħek! Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb