Il-Papa Franġisku jappella għall-paċi fl-Etjopja u fil-Libja.

Print Friendly, PDF & Email

Wara t-talba tal-Anġelus tal-Ħadd, il-Papa Franġisku għamel appell lill-awtoritajiet Etjopjani biex jagħżlu t-triq tal-paċi, kif ukoll esprima t-tama tiegħu li l-Forum ta’ Djalogu Politiku Libjan li qed isir f’Tuneż li jista’ jagħti paċi u stabbiltà fil-Libja.

Il-Qdusija Tiegħu qal, li huwa qed isegwi bi tħassib l-aħbarijiet dwar l-eskalazzjoni ta’ vjolenza fl-Etjopja u appella lill-awtoritajiet biex “jirrifjutaw it-tentazzjoni ta’ kunflitt armat”. Il-Papa stieden lil Etjopjani kollha “għat-talb u għar-rispett fratern, għad-djalogu u r-riżoluzzjoni paċifika fin-nuqqas ta’ ftehim”. L-appell tal-Papa jasal hekk kif in-Nazzjonijiet Uniti wissiet li disa’ miljun persuna huma f’riskju li jiġu spostati mill-kunflitt li qed jiżdied fir-reġjun ta’ Tigray fl-Etjopja. Osservaturi tan-Nazzjonijiet Uniti qalu wkoll li d-dikjarazzjoni tal-gvern ta’ stat ta’ emerġenza qed timblokka l-ikel u l-għajnuna oħra.

Nhar l-Erbgħa, l-Prim Ministru tal-Etjopja, Abiy Ahmed ħabbar li ser jimxi l-quddiem b’kampanja militari, minkejja t-talbiet internazzjonali biex ikompli d-djalogu mal-Front ta’ Liberazzjoni tal-Poplu Tigray, fejn qed jirriskja gwerra ċivili.

Il-Papa Franġisku dawwar il-ħsibijiet tiegħu u talab għall-istabbiltà fil-Libja. Hu deskriva l-Forum li ser issir ġewwa l-Kapital ta’ Tuneżija bħala wieħed importanti u qal: “sinċerament nittama li f’dan il-mument delikat, tinstab soluzzjoni għat-tbatija twila tal-poplu Libjan”. Esprima t-tama li “l-ftehim riċenti għal waqfien mill-ġlied permanenti jiġi rispettat u konkretizzat”. Il-Papa talab għad-delegati li ser jieħdu sehem fil-Forum.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit:

https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2020-11/pope-angelus-appeals-peace-ethiopia-libya.html

%d