Priedka tal-Milied 2011

Print Friendly, PDF & Email

Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, Taċ-Ċawla, il-Belt Victoria

Il-ħsejjes tal-karrozzi resqin lejn id-dar Sagra Familja bdew kulma ma jmur dejjem jiżdiedu. L-emozzjoni bdiet tiżdied. In-nies miġbura quddiem id-dar tal-Anzjani ta’ Saint Bernadette North Sunshine ġewwa l-belt ta’ Melbourne l-Awstralja. Illum jinsabu f’festa. Qed jistennew bil-ħerqa ż-żjara tal-Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech. Ġej jiltaqa’ mal-anzjani residenti f’din id-dar. Imma f’moħħu hemm wieħed partikulari. Patri Ċens mir-Rabat Għawdex, Patri Franġiskan li ilu jaħdem f’dan il-kontinent għal dawn l-aħħar 60 sena. L-Isqof jixtieq jiltaqa’ miegħu u jisma’ minn ras il-għajn tant stejjer sbieħ ta’ ħidma fl-għalqa tal-Mulej.

Iċ-ċapcip beda jiżdied. L-Isqof ħareġ mill-karrozza li wasslitu fost il-ferħ ta’ dawk kollha preżenti. Sellem lis-Saċerdoti, lill-Madre Superjura u baqa’ sejjer dritt fil-kappella tas-sagrament. Dritt wara rħewlha lejn il-kamra wieħed u tletin: il-kamra ta’ Patri Ċens. Patri Ċens sema’ l-passi tan-nies jiżdiedu fil-kuritur u qalbu bdiet tħabbat sitta sitta. Kemm kien ilu jistenna din iz-żjara tal-Isqof t’Għawdex! Kemm drabi ħabat jaqta’ qalbu li jista’ ma jkunx għadu ħaj sakemm jara din ix-xewqa ta’ qalbu iseħħ. Imma le! Il-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi kien iħobb jirrepeti f’qalbu kull meta l-ħolm sabiħ tiegħu kien iħossu bħal donnu se jgħib. U hekku l-mument wasal u Patri Ċens laqa’ b’idejh t-tnejn miftuħa beraħ lill-Isqof Mario li ġie jżuru. L-Isqof għannaq waħda kbira lil dan il-Patri xwejjaħ li tant kien sema’ fuqu meta kienu għadu seminarista fl-aħjar tiegħu ġewwa s-seminarju ta’ Għawdex. U illum dak li tant sema’ dwaru u dwar l-opri kbar li għamel fi żmien kemm ilu f’dan il-kontinent ġdid tal-Awstralja kien qed jarah quddiemu. Ma kienx il-bniedem ta’ għoxrin jew erbgħin sena ilu. Bniedem mimli enerġija u jbigħ is-saħħa. Imma jekk is-saħħa naqset, pattew għalihom it-tbissima u ħaddejn kulur il-pepprina Maltija. Dawk ma għebu qatt, anzi żiedu fil-qawwa tagħħom!

Meta għaddew l-ewwel mumenti ta’ emozzjoni u l-fotografi u n-nies l-oħra ħallew lill-Isqof u l-Patri waħedhom, Patri Ċens beda juri l-apprezzament u l-gratitudni tiegħu lill-Isqof Mario għaż-żjara li kien tant qed jonorah biha. L-Isqof kien pront wieġbu li hu kien qed iħossu l-iktar onorat li kien qed jiltaqa’ ma’ wieħed mis-saċerdoti żelanti li l-iktar ħadmu fost il-familji Maltin u Għawdxin. Familji li f’mewġa wara oħra tul is-snin sabu ruħhom f’dan il-kontintent tal-Awstralja fit-tfitxija ta’ ħajja aħjar.

U beda l-Patri jirrakkonta l-ġrajjiet li għadda minnhom minn dak il-jum ta’ sittin sena ilu meta medd għal-ewwel darba riġlu fuq dan il-kontinent. Għadu jiftakar qisu l-bieraħ meta minn fuq il-gverta tal-Vapur Scobrion ra titbiegħed bil-mod il-mod ix-xena tal-port il-kbir tagħna. U ra d-dwal tal-bliet tal-Kottonera u l-belt Valletta jnaqqsu mill-qawwa tagħhom u jinbelgħu mid-dlam iktar mal-vapur meta jsalpa mill-port lejn vjaġġ twil ta’ erbgħin ġurnata lejn il-port ta’ Sydney L-Awstralja. Waslu bħal dan iż-żmien sittin sena. Il-ġurnata kienet it-Tnejn filgħodu. Kienet l-għodwa qaddisa ta’ lejliet il-Milied. Patri Ċens sab tnejn min-nies fi trakk ċkejken li għabbewlu l-bagalji kollha fil-kabina ħlief għal kaxxa ċkejkna li Patri Ċens ma telaqha fl-ebda mument minn idejh. Wieħed mill-irġel qabbad it-trakk u telqu għal għonq it-triq: vjaġġ ta’ tliet sigħat. Destinazzjoni Warrawong raħal ċkejken in-naħa t’isfel tal-belt ta’ Sydney.

Patri Ċens twassal f’dar ċkejkna. |ewġt ikmamar kollox u daqxejn ta’ garaxx ċkejken bis-saqaf tal-landa li kien iservi ta’ kappella u li fih kultant kien jitfaċċa xi patri mill-bogħod biex iqaddes għall-familji Maltin u Għawdxin ta’ dawn l-inħawi. Kemm ferħu dawk il-Maltin u l-Għawdxin meta tfaċċa quddiemhom Patri Ċens, Malti bħalhom li ġie minn daqshekk bogħod biex jaqsam il-ħajja tiegħu magħhom. Il-ferħ tagħhom kompla però jiżdied meta dak in-nhar stess filgħaxija xi siegħa qabel il-quddiesa ta’ nofs il-lejl tal-Milied, Patri Ċens għalkemm mejjet bl-għejja, wara vjaġġ daqshekk twil laqqa’ lill-ewwel Maltin u Għawdxin fil-knisja fqajra tiegħu. Qatt daqs dakinhar ma kienu miftuħa beraħ il-qlub u l-widnejn ta’ kulħadd! L-ewwel kliem li lissen Patri Ċens f’dik il-lejla għadu jiftakarhom qisu lissinhom illum. Kien qalilhom li kif Ġesù ħalla s-saltna u l-kenn ta’ pajjiżu s-sema u ġie jgħix fost nies fqajra u msejkna tad-dinja, hekk ukoll hu kien ħalla l-kenn ta’ niesu u ta’ pajjiżu u ġie fosthom. Dan għamlu biex fil-bidu ta’ din l-avventura tagħhom f’pajjiż barrani jgħix magħhom u jaqsam il-ħajja tagħhom kollha kemm hi. U kompla jgħidilhom li minn Malta ma ġiex waħdu. Patri Ċens qalilhom ġibt lil xi ħadd biex jagħmilli kumpanija u jagħtini kuraġġ. U filwaqt li resaq fil-ġenb tal-artal fetaħ il-kaxxa żgħira li kien ilu jgħozz tul il-vjaġġ kollu minn Malta għall-Awstralja.

L-istennija u l-kurżità ta’ dawk preżenti nbidel f’daqqa waħda f’espressjoni ta’ stagħġib kbir meta jaraw titfaċċa minn dik il-kaxxa żgħira statwa ħelwa ta’ Ġesù Bambin il-ġmiel tagħha. L-istagħġib kompla jikber meta ndunaw li din l-istatwa mhix bħal l-istatwi ċassi li soltu naraw. Il-bambin kellu rasu tiċċaqlaq u idejh jinfetħu u jingħalqu u iktar minn hekk meta wieħed kien jagħtih il-ħabel kien jistema’ d-daqq ta’ dak l-innu sabih li lkoll kemm aħna nisimgħu f’dawn i-ġranet għeżież “Ħallejt O Alla s-sema biex tgħix fost il-bnedmin, sirt bniedem wieħed minna biex tifdi lill-ħatjin.”

Dik il-frażi u din it-talba Patri Ċens ma nsieha qatt tul il-ħajja ta’ sittin sena fl-Awstralja, ħajja mimlija nżul u tlajja. Kemm drabi quddiem dak il-Bambin tal-Milied kien jirrikorri filwaqt li jerġa jisma’ l-għana ta’ dik l-għanja li tant kienet tagħmillu kurraġġ. Sema’ dik il-għanja meta mix-xejn ta bidu għall-ewwel knisja tal-Injam li beda f’Warrawong, semagħha kull meta kien jiltaqa’ mal-mard u tiġrib fost il-famiji Maltin li kienu jirrikorru lejh. Sema’ dik it-talba meta qalbu kienet titnikket għall-ħaddiema li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol speċjalment fil-fabrika kbira tal-ħadid, il-Port Kembla Steel Works li tant ħadmu u batew fiha l-ħaddiema tagħna. Sema’ dik il-għanja kull meta l-Patri Kustodju superjur tiegħu kien jibagħtu minn post għall-ieħor tal-Awstralja biex jibni kunventi u knejjes ġodda. U għadu Patri Ċens jismagħha wkoll illum meta jħoss li ħajtu issa hija bħal inżul ix-xemx filgħaxija.

L-Isqof Mario baqa’ ssummat jaħseb fuq dak kollu li għadda minnu Patri Ċens. Għajnejh però ma setax jaqlagħhom minn fuq il-ħlewwa ta’ dik l-istatwa ħelwa ta’ Ġesù Bambin. Xħin rah daqshekk miġbur Patri Ċens dar fuq l-Isqof u qallu “Ħa naqsam miegħek sigriet żgħir. Jien għandi talba li ngħidha kull filgħaxija quddiem dan il-Bambin. Nixtieq naqsamha miegħek. Lil Ġesù Bambin tiegħi nitolbu hekk: “ O Ċkejken Bambin ħelu tiegħi jien rassejtek ma’ qalbi l-Provinċjal tiegħi f’Malta bagħatni hawn fl-Awstralja sittin sena ilu. Jien ukoll fuq l-eżempju tiegħek ħallejt pajjiżi, Għawdex tagħna, art twelidi, it-trejqa tagħna, id-dar ċkejkna ta’ ommi, missieri u ħuti. Kemm rassejtek miegħi tul il-vjaġġ li għamilt sakemm wasalt f’dan il-pajjiż kbir fil-biża’ quddiem il-maltemp u l-mewġ għoli li sibna. Rassejtek miegħi meta wasalt hawn u ħassetjni waħdi u ħassejt li tlift lill-għeżież tiegħi li kont għadni nħobb. Rassejtek miegħi meta ma kontx mifhum la mis-superjuri tiegħi u lanqas xi drabi minn dawk ta’ madwari. Rassejtek miegħi, meta kont inħossi għajjien jew mifluġ mit-toqol tal-ħajja. U int qatt ma ħallejtni waħdi. Kont tfakkarni kuljum li int sirt ċkejken biex jien nikber fik, sirt ikel għalija biex jien ngħix bik, bdiltli u kabbartli din qalbi ċkejkna biex jien ngħix biss għalik. O kemm nixtieq li dak kollu sabiħ u tajjeb li inti għoġbok tagħtini, taqsmu wkoll ma’ ħuti kollha speċjalment ma’ ħuti Maltin u Għawdxin li lejhom għandek imħabba speċjali. Bierek lill-Isqof Mario, is-saċerdoti kollha ta’ pajjiżna, il-familji kollha tagħna, liż-żgħażagħ u t-tfal kollha u agħmel li kulħadd jgħix il-ferħ tal-presenza u l-għaqda miegħek mhux biss fil-jum tat-twelid tiegħek imma kull jum tas-sena.

Meta sama’ dan kollu l-Isqof Mario kien pront ħaddan lil Patri Ċens waħda kbira filwaqt li pprova jaħbi l-ħbub t’għajnejh ileqqu bid-dmugħ tal-emozzjoni. Imma s-sorpriża l-kbira kienet għada ġejja. Filwaqt li Patri Ċens bil-lajla għalaq dik il-kaxxa tal-Bambin dar fuq l-Isqof u filwaqt li poġġieha f’idejh qallu “Eċċelenza dan il-Bambin erġa ħudu lura lejn pajjiżu, Għawdex tagħna u poġġieh fis-seminarju ħalli dawk iż-żgħażagħ tagħna jisimgħu wkoll dik il-għanja li hemm moħbija taħt l-istatwa. “Ħallejt O Alla s-sema biex tgħix fost il-bnedmin.” Ħa jkunu lesti dawk kollha li jħobbu lil Ġesù li fuq l-eżempju tiegħu jħallu kollox u jimxu warajh.

O Ġesù Bambin, nitolbuk isma’ din it-talba ta’ Patri Ċens u agħti lilna lkoll il-lejla din il-grazzja speċjali f’dan il-lejl qaddis li fuq l-eżempju tiegħek u tat-twajjeb Patri Ċens inħallu kollox biex inħobbuk, biex inservuk, ħalli ġurnata niġu fil-ġenna għal dejjem ingawduk.

Viva Ġesù Bambin.

%d