Priedka tal-Milied 2009


Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, Taċ-Ċawla, il-Belt Victoria

Xtaqt niftaħ dawn il-ħsibijiet tiegħi bil-kliem portugiz tal-għanja O lejl ta’ skiet għax il-ħsieb li ser inwasslilkom il-lejla għandhu rabta mal-Brażil. Infatti waqt iż-żjara li l-Isqof Mario Grech għamel dan l-aħħar fil-Brażil mar iżur ukoll il-belt żgħira u sabiħa ta’ Messias, nofs siegħa l-bogħod bil-karrozza mill-belt kapitali tal-istat tal-Alogoas, Maceio. F’din il-belt hemm bħala kappillan il-missjunarju tagħna Dun Jimmy li għal dawn l-aħħar ħmistax il-sena għaddej bi programm ta’ tħabbir tal-kelma u ta’ għajnuna mimlija mħabba f’dawn l-inħawi. F’dil il-belt ċkejkna Dun Jimmy bl-għajnuna tal-benefatturi kollha ta’ din il-komunita’ kien bena Knisja u ddedikaha lil Ġesu’ Ragħaj it-Tajjeb b’tifkira tan-nies tagħna n-nies taċ-Ċawla.

Kien propju waqt mument taż-żjara lil din il-Knisja li l-Isqof Mario iltaqa’ ma waħda mara li kienet tistennieh fil-bieb u stiednietnu jidħol f’darha għal ftit kafe’. L-Isqof Mario ntebaħ mal-ewwel li bejn il-familja ta’ din il-mara u pajjiżna Malta, hemm rabta kbira. Xhieda ta’ dan kienu d-diversi kwadri ta’ xeni Maltin u Għawdxin mdendlin mal-ħajt. Il-mara flimkien mat-tliet uliedha, Jose’ Pedro, u Maria, laqgħet lill-Isqof u lil sħabu b’ferħ liema bħalu, u lestiet mhux biss il-kafe imma mejda kbira mimlija b’kull xorta ta’ frott u ikel minn dak li setgħu joffru u bdiet tirrakonnta:…..

Sa ftit snin ilu aħna ma kellna xejn. Konna noqgħodu f’kamra waħda jien, zewġi u tlett uliedi zgħar. Din il-kamra ma kenitx tagħna għax konna noqgħodu fl-użina ta’ Urucu. F’din l-użina hemm diversi meddiet ta raba kbar li fihom jitħawwel il-kannamiel, il-kanna taż-żokkor. Imma dan ir-raba kien kollu tas-sinjur il faziendero. Aħna konnna naħdmu f’dan ir-raba minn dlam sa dlam u l-uniku ħlas li s-sinjur kien jagħtina kien il-ftit ikel li kien jipprovdielna flimkien mal-ħas tad-dawl u l-ilma. Mument speċjali ta’ ferħ kien ikun kull nhar ta’ Sibt filgħaxija meta Dun Jimmy il-missjunarju Malti tagħna kien jigi minn Murici bil-landrover Toyota bajda tiegħu biex jiċċelebra l-Ewkaristija. Konna nkunu nistennewh fuq ix-xwiek.

Pero’ darba fost l-oħrajn propju f’wieħed minn dawn is-Sibtijiet il-ferħ tal-istennija tagħna inbidel f’niket kbir. Kien f’wieħed minn dawn is-Sibtijiet meta r-raġel Tiago kellu nċident ikrah waqt li kien fir-raba. It-tractor inqaleb u r-raġel spiċċa taħtu u safa mejjet. Għal ftit mumenti l-istorja kellha tieqaf hawn għax Rożaria ma setgħetx tkompli minħabba l-emozzjoni. Dritt intenvjena l-katekista Sebastiao u b’vuċi kiebja kompla: “ Traġedja kerha li ħalliet lil din il-mara Rożaria armla bi tlett ulied zgħar x’tieħu ħsieb.

F’mument ta’ disperazzjoni bħal dan Rożaria rat id-dinja nieżla fuqha. Kollox deher li spiċċa għaliha. Kif se tagħmel issa biex trabbi l-familja beda tistaqsi lill-missjunarju. Biex tkompli tagħqad wara ftit xhur is-Sid tal-Uzina biegh l-uzina kollha u tefa l’ kulħadd il-barra. Kulħadd kellu jdabbar rasu kif jista’. Il-familja ta’ Rozaria ma kellhom lil ħadd min jaqbez għalihom ħlief lill-missjunarju tagħna. Hu tahom kenn temporanju fiċ-Ċentru parrokkjali. Kien riesaq il-Milied l-isbah żmien tas-sena. Il-ferħ kien diga beda jinħass fil-belt u fid-djar tal-familji ta’ Messias ħlief f’waħda. F’dik ta’ Rozaria da Silva. Imma l-Mulej ma jinsa lil ħadd u jaħseb f’kulħadd speċjalment fil-fqir u ż-żgħir.

Propju ġimgħa qabel il-Milied Dun Jimmy irċieva telefonata mill-Uffiċċju tal-posta biex jagħrfuh li kienu waslu xi kaxxi tal-ħwejjeġ minn dawk li soltu jirċievi kull xahar minn Malta.Mar u ġabarhom u qabad waħda minnhom u baqa’ sejjer fid-dar ta’ Rożina. Hu ħa l-kaxxa bil-ħsieb f’moħħu li joffrilhom il-ħwejjeġ ġodda li kien għadu kemm ircieva. Imma mingħajr ma kien jaf, f’din il-kaxxa kien hemm rigal sorpiza. Għaġeb ta’ l-għeġubijiet flok ħwejjeġ Dun Jimmy sab tlett statwi sbieħ, San Gużepp, il-Madonna, u l-Bambin ta’ Betlem. Kienu bagħtuhomlu minn Malta biex iferraħ lil xi ħadd bihom fi żmien il-Milied. U min l-iktar kellu bżonn il-ferħ jekk mhux il-familja ta’ Rozaria da Silva? Poġġew dawn l-istatwi fuq mejda ckejkna u infexew ikantaw għanja sabiħa tal-Milied.F’dik l-emozzjoni kollha, Rozaria bi dmugħ f’għajnejha għamlet talba ħerqana lil familja ta’ Betlem. ”O familja ta’ Gużeppi u Marija, dak in-nhar tat-twelid ta’ binkom Ġesu’ ħadd ma ried jiftħilkom il-bieb għal ftit kenn, ħadd m’għamlilkom ftit wisa fid-dar tiegħu imma l-providenza ħadet ħsieb tagħkom. Ipprovdu lilna ukoll ftit kenn u agħmlu li aħna ukoll ikollna saqaf ċkejken fuq rasna. Il-familja kollha weġbet ħerqana:Amen

Min jitlob jaqla min ifttex isib jgħid Ġesu’. U Ġesu’ sama it-talba ta’ din l-Omm twajba għax propju lejliet il-Milied ta’ għaxar snin ilu meta kienet għadha kif ġiet imbierka l-Knisja ġdida tar-Ragħaj it-Tajjeb, wieħed sinjur tal-Belt bl-isem ta’ Joao tant kien ferħan bil-bini tal-Knisja l-ġdida li xtaq joffri dar ċlejkna qrib il-Knisja biex is-saċerdot li kienu għadu jiġi mill-belt ta’ Murici ikollu ukoll post fejn joqgħod meta jkun Messias. Dlonk daħal ħsieb ieħor f’moħħ il-missjunarju quddiem dan id-don tal-providenza. Id-dar għandha bżonnha ħaseb imma mhux għas-saċerdot imma għal familja ta’ Rozaria li qegħda tgħix fiċ-Ċentru parrokkjali. Dik tkun grazzja kbira għalihom. Ra kif għamel u kkonvinca lil Joao.

Fl-ispirtu tal-Milied, meta niċċelebraw l-għotja ta’ Ġesu’ tiegħu nnifsu lill-bnedmin kollha tad-dinja għal Joao dan kien l-isbaħ rigal u kien se ikun l-isbaħ Milied. Hekk ħaseb u hekk għamel.Kemm bkew bil-ferħ Rożaria u uliedha meta l-missjunarju wasslilhom l-aħbar. Fil-ġurnata għażiża tal-Milied il-familja ta’ Rozaria daħlu fid-dar ċkejkna tagħhom u ħadu magħhom lil Ġesu’ Marija u Ġużeppi. Dak il-Milied kien Milied li ma jistgħu jinsew qatt. Ġesu’ Marija u Gużeppi mhux biss ġew huma imma ġabu magħhom dar ċkejkna u sabiħa biex fiha għal darb’oħra terġa titwieled u tgħix il-familja ta’ Nazerth.

Kemm feraħ u rringrazzja l’Alla l-isqof Mario meta sama din l-istorja tal-familja ta’ Rożaria. U bħalha ħafna stejjer oħrajn li jixdhu kemm il-missjunarji tagħhom ħabbew bi kbir lin-nies li fosthom marru jaħdmu. F’dak il-mument ħaddan miegħu lil kull membru tal-familja ta’ Rozaria da Silva.

F’dawn il-festi għeżiez kemm għandna x’nitgħallmu mill-grotta ta’ Betlem? Nitgħallmu nkunu ġenerużi u nagħtu minn dak li l-Mulej ipprovdielna, altruwisti u naħsbu f’ħaddieħor, sensittivi billi nindunaw bit-tbatija tal-oħrajn, karittavi billi ngħinu ħalli tintrebaħ it-tbatija.

Għalhekk indur lejk O Ġesu’ Tarbija ta’ Betlem. Int tfajt fiċ-ċokon tiegħek ħafna mħabba fil-qlub ta’ tant missjunarji tagħna li wasslu l-imħabba tiegħek lil ħafna qlub li kienu tilfu kull tama. Lilna tajtna x-xorti li nissieħbu mill-ħidma tal-imħabba tagħhom. Aħna nixtiequ nkomplu nwassluk lil tant nies li għadhom ma semmgħux bik u bil-fidwa li int tixtieq twasslilhom. Agħtina l-grazzja li l-qalb tagħna issir dejjem tixbaħ lil tiegħek biex tkun qalb li tingħata dejjem għall-oħrajn. Bierek għalhekk lill-ġenituri tiegħi u lin-nanniet u zijiet tiegħi, lill-ħbieb kollha tal-iskola, u lill-fathers kollha fosthom lil Dun Jimmy. Agħmel li nitgħallmu nixbhuh dejjem aktar bis-sempliċita’ u l-umilta’ tiegħek. Hekk il-ferħ tal-Milied ma jkunx biss għal ftit ġranet imma ikun ferħ għaż-żmien tas-sena kollha.