Priedka tal-Milied 2013

Print Friendly, PDF & Email

Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, Taċ-Ċawla, il-Belt Victoria

Jekk hemm ġurnata li f’din is-sena li dalwaqt tispiċċa kulħadd jiftakarha bil-ferħ żgur li hija l-Erbgħa 13 ta’ Marzu. F’dik il-lejla kulħadd kien jistenna b’ħerqa kbira li jitfaċċa dak id-duħħan abjad miċ-ċumnija tal-kappella Sistina . U għall-ħabta tas-sebgħa u nofs deher ċar u sfiq dan id-duħħan tiela’ lejn is-sema filwaqt li ħabbar li d-dinja wasal Papa ġdid. Kibret l-emozzjoni fost l-insara tad-dinja kollha u kullħadd tkaħħal mat-televizzjoni biex ikun jaf min hu l-Papa l-ġdid u minfejn ġej. Wasal il-Kardinal li jħabbar u b’hanxra daqsiex ħabbrilna Habebus Papam. Għandna Papa. Ismu huwa Jorge Mario Bergolio u huwa l-Kardinal Arċisqof tal-Belt ta’ Buenos Aires l-Arġentina. Se jagħżel bħala isem Franġisku, għall-fqajjar t’Assisi.  Sorpriża! Sorpriża! Ħadd mill-Papiet ta’ qabel ma kien mill-Amerika Latina u ħadd bħalu ma kien jismu Franġisku. Hekk ħassew il-miljuni tal-Insara mad-dinja kollha. U s-sorpiża baqgħet tikber hekk kif tfaċċa fil-loġġa ċentrali tal-Bażilika ta San Pietru u b’dik it-tislima ta’ “Buonasera a tutti”,  b’umiltà kbira qabel ma berikna lkoll talabna li aħna nberkuh. Kulħadd baqa’ miblugħ kif il-Mulej għażel dan il-kardinal li ftit kienu jafu bih. U bil-mod il-mod bdejna naraw u nisimgħu dwar dan il-Papa ġdid.

Jekk għajnejn id-dinja kollha kienu mwaħħla mat-televiżjoni f’dik il-lejla tal-Erbgħa 13 ta’ Marzu tas-sena 2013 ma setgħux żgur jonqsu par għajnejn partikulari. Dawn kienu l-għajnejn ta’ waħda xbejba Arġentina li toqgħod fil-periferija tal-belt kapitali tal-Argentina Buenos Aires. Qatt ma għaddielha minn moħħna li dak li kienet għadha kemm semgħet u rat fuq it-televizjoni kien veru. Għorkot kemm il-darba għajnejna għax ħassitha bħal qed toħlom. Lil dak il-bniedem li kienet għadha kemm rat liebes l-abjad qatt ma kienet ratu liebes hekk. Imma kienet tafu sewwa. Kien l-aktar bniedem qrib tagħha. Kien l-aktar bniedem li tħobb. L-aktar bniedem li taħseb fih. L-aktar bniedem li kienet tistennieh iħabbtilha il-bieb ta’ darha fil-jiem li ġejjin għax kif kien qalilha hu qabel ma telaq għal-Konklavi mhu se jiġrilu xejn speċjali!  U min hija dix-xebba partikulari twajba u umli u qalbha miftuħa għal kulħadd? Mhija ħadd ħlief Maria Elena Bergolio l-oħt ż-żgħira twajba tal-Papa Jorge Mario Bergolio.

Meta għaddiet il-ħasda Maria Elena, ntefgħet mitluqa fuq pultruna qadima li kellna quddiem is-sett tat-televiżjoni u bdew għaddejjin minn quddiem moħħna bħal f’film twil sensiela ma taqta’ qatt ta’ tifkiriet ta’ ħuha, ta ommha, ta’ missierha, tan-nanna Roża, u tant ġrajjiet li hija semgħet jiġu rrakkuntanti f’dik l-istess dar li fiha kienu jgħixu l-għeżież ġenituri tagħha. Tiftakar qisu l-bieraħ lil nanna Roża  tirrakkonta kif kienu jgħixu f’raħal ċkejken qrib Portacomaro Stazione fil-provinċja ta’ Asti fil-Piemonte in-naħa ta’ fuq tal-Italja fis-sena 1928. In-nannu Giovanni kien imxebba’ bil-ħajja diffiċċli taħt ir-reġim tal-Faxxisti u maħkum minn diffikultajiet finanzjarji jisma’ mill-ħbieb tiegħu u joħlom futur għal familja tiegħu fil-pajjiż imbiegħed tal-Arġentina. U jiddeciedi flimkien ma’ martu Roża xebba Vassallo biex isegwi din is-sejħa. Waslu l-Argentina fl-1 ta’ Frar tal-1929.  Ma tantx kellhom xi jġorru magħhom. Imma wieħed minn uliedhom Mario allura ġuvnott ta’  madwar sena ma setax iħalli warajh rigal li kien għadu kif qala’ s-sena ta’ qabel mingħand wieħed xwejjaħ li kien sikwit iżuru u jagħmillu kumpanija f’dawk l-iljieli twal kesħin u mudlama tax-xitwa.  Kien Bambin żgħir tax-xama’ li kien ħelu wisq għax xħin kont tagħtih il-ħabel permezz ta’ ċavetta ċkejkna kien iċaċlaq rasu u jiftaħ u jagħlaq idejh ċkejknin għad-daqq ħelu tan-noti tal-għanja popolari “Tu scendi dalle stellle” “Ħallejt O Alla s-sema”. Min jaf kemm it-tfal tal-inħawi għaddew jarawh u jitgħaxxqu bih dan il-Bambin tax-xama’ fil-ġranet tal-Milied. Dan il-Bambin kien ġabu dan ix-xwejjaħ minn Franza fejn għal diversi snin kien emigrat f’kumpanija li kienet tagħmel il-linji tal-feroviji. Meta x-xwejjaħ sema’ li l-ġunvott Mario kien se jħalli darba għal dejjem l-art sabiħa u l-muntanji li jdawwru lill-belt ta’ Asti, kien pront offrielu dan ir-rigal b’rikkonoxxenza ta’ kemm għamillu kumpanija u kemm farrġu fil-mumenti ta’ solitudni meta kien jgħaddi ħafna ħin waħdu mingħajr ma jara ruħ. Lill-ġuvnott Mario Bergolio ix-xwejjaħ wissieh fuq li wissieh biex dan ir-rigal jibża’ għalih u jiftakar dejjem biex jagħtih il-ħabel biex  dawk l-idejn ċkejknin ta’ Ġesu’ ma jħallihomlux qatt jingħalqhulu u jżommomlhu miftuħin. Ħalli b’hekk Ġesu’ jidher li jrid jilqa’ lil kulħadd u kulħadd ikun jista’ bħalu jżomm idejh miftuħin għall-oħrajn.

U Mario Berglio  dan ir-rigal beża’ għalih u   tassew qalbu ntrabtet ma’ dan ir-rigal tax-xwejjaħ. Ommu Roża ġeżwritu tajjeb lill-Bambin sakemm waslu l-Arġentina. U meta waslu poġġewh f’post speċjali fid-dar li akkwistaw. L-ewwel mumenti tal-familja Bergolio fl-Arġentina kienu mumenti tassew diffiċċli. Fl-Italja ma kien jonqoshom xejn għalkemm kellhom mumenti diffiċċli taħt il-faxxisti. Imma issa fl-Arġentina  fil-bidu tas-snin tletin kien għab f’daqqa waħda l-għana kollu li kulħadd kien ħolom bih u bħall-pajjiżi kollha tal-Amerika Latina waqa’ l-faqar f’dak iż-żmien li baqa’ jissejjaħ il-dipressjoni l-kbira. Giovanni u Roza Bergolio kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet kbar. Kemm għaddew ġranet ifittxu anke loqma żgħira ħobż biex jitrejqu. Kienu jippruvaw kull nitfa xogħol li jiltaqgħu magħha biex ikunu jistgħu jagħtu għajnuna u jgħajxu lill-familja tagħhom. Jekk il-ħajja ta’ madwar il-familja Bergolio f’dawk iż-żminijiet iltaqgħet ma’ mewġ u diffikultajiet it-tama f’qalbhom qatt ma ġiet minsusa. Min jaf kemm drabi in-nanna Roża kienet tiġbor lill-familja kollha u quddiem il-Bambin ta’ Mario kienu jagħmlu talb ħerqan biex jipprovdilhom l-għajxien u l-kurraġġ li tant kellhom bżonn u jnissel fl-istess waqt fil-qalb tagħhom tama ġdida.

U t-tama ma damitx ma ssarfet f’realta’. Wara l-maltemp tal-bidu tfaċċa l-bnazzi.  Ma għaddewx ħafna snin u l-ġuvnott Mario ltaqa’ ma’ tfajla twajba u ġentili bl-isem ta’ Reġina Maria Sivori. Din kienet tfajla ta’ nisel Taljan minn Genova u bdew huma wkoll fil-belt ta’ Buenos Aires jsawwru familja bl-ulied li l-Mulej għoġbu jżejjnihom bihom. Pero’ twelid ta’ tarbija minnhom kien iktar speċjali mis-soltu. Dan kien it-twelid tar-raba’ tarbija. Kien ix-xahar ta’ Diċembru tas-sena 1936. Kienet waslet in-Novena tal-Milied. Mario kif kien soltu jagħmel kien diġà ħareġ il-Bambin tal-Milied u poġġieh fuq daqsxejn ta’ gradenzina. Għamillu x-xemgħa quddiemu. Dik is-sena għall-familja Bergolio kellu jkun Milied speċjali. Regina Maria kienet qed tistenna b’ħerqa t-twelid tar-raba’ tarbija tagħha. Kemm talbet ħerqana fil-bidu tan-Novena ta’ Ġesu’ Bambin quddiem dak il-Bambin speċjali mżejjen fuq dik il-gradenzija. Talbitu li jagħtiha tarbija speċjali li taf tkun la tikber tħobb lil kulħadd speċjalment lill-imwarrbin, lill-mitluqin, lill-foqra u lill-batuti. Fis-17 ta Diċembru propju ftit ġranet qabel it-twelid tal-Bambin  waslet l-aħbar sabiħa tat-twelid ta’ tifel fil-familja Bergoglio u fuq l-insistenza tan-nanna Roża tawh l-isem ta’ Jorge Mario.

Jorge Mario kien bniedem ilvent ħafna. Kien iħobb imur ma’ ħutu u ma sħabu il-parroċċa tal-qrib tagħhom u meta kiber kien attiv ħafna fl-Azzjoni Kattolika. Kollox kien iħobb jagħmel fil-Knisja imma l-aktar li kien jagħmel bil-qalb kien xogħol ta’ volontarjat. Kemm kien iħobbhom iż-żjarat lill-anzjani tal-parroċċa. U kemm kien iħobb jgħin lil dawk li kienu anqas xxurtjati minnu. Fuq hekk in-nanna Roża kienut tħobbu fuq li tħobbu u kienet tinkuraġġih biex dan ix-xogħol ma jinsieh qatt. Kienet spiss tgħidlu ftakar f’dak il-bambin tal-Milied:Bħal-Bambin, tinsiex żżomm idejk miftuħa għall-fqir u l-batut u Alla jżomm idejh miftuha għalik. Kienet tgħidlu ukoll biex ikun fqajjar fl-ispirtu għax ħadd mhu se jġorr l-għana tiegħu wara mewtu. Kienet tinsisti fuqu li dejjem jerħi ruħu f’idejn Alla jiġrilu x’jiġrilu u jgħaddi minn fejn jgħaddi. U hekk ġara, meta Jorge Mario kellu 21 sena. Kellu infenzjoni kbira f’wieħed mill-pulmuni tiegħu u biex isalvawlhu ħajtu kellhom ineħħulu parti minn wieħed mill-pulmuni. Lagħba mal-mewt imma l-Mulej kien ghad baqagħlu bżonnu!

Dan il-fatt pero’, ma qatax qalb dan il-ġuvnott żagħżugħ li xtaq ħafna li jkollu l-familja tiegħu. Ġieli ħaseb jekk jibnix familja tiegħu. Imma l-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi. Darba waħda meta kellu kollox ippreparat biex imur ħarġa ma’ ħbiebu tal-parroċċa ħass bħal sejħa qawwija f’qalbu biex imur fil-Knisja u hemm jiltaqa’ ma’ saċerdot ħabib tiegħu. Fetaħ qalbu miegħu u qallu kemm jixtieq li fuq l-eżempju ta’ Kristu jagħti ħajtu kollha għalih u għall-proxxmu fil-bżonn.  Dan ġara sittin sena ilu. Jorge Mario Bergolio daħal is-seminarju u nhar it-13 ta’ Diċembru tas-sena 1969 sar saċerdot tal-Ordni ta’ Sant Injazju: Ġiżwita. Qatt ma nesa bħala saċerdot dak il-Bambin ċkejken li missieru Mario kien ġab mill-Italja. Dak il-Bambin li n-nanna Roża kienet tieħu pjaċir tagħtih il-ħabel ħalli jċaqlaq rasu u jiftaħ u jagħlaq idejh bħal donnu qed iħaddan lil kulħadd miegħu. Kien sikwit ifakkar lilu nnifsu li fuq l-eżempju ta’ Kristu hekk ukoll hu irid jiftaħ idejh u jħaddan miegħu lil dawk li ħadd ma jħobbhom u ħadd ma jagħti kashom.

Hekk għamel bħala saċerdot, hekk għamel bħala Isqof meta ġie magħżul l-ewwel awżiljarju mbagħad Arcisqof Kardinal ta’ Buenos Aires. Kien iħobb sikwit itenni lill-foqra li għadhom jidwu f’widnejh il-kelmiet tan-nanna Roża biex bħal dik l-istatwina ta’ Ġesu’ Bambin, “Tinsiex iżżomm idejk miftuħin għal kulħadd speċjalment għall-foqra, il-morda, l-imwarrba,  u l-batuti”. Kemm kien jieħu pjaċir bħala Arċisqof iżur il-periferija ta’ Buenos Aires u jgħaddi ġranet twal ma’ dawn il-foqra, jgħinhom u jqassmilhom  minn dak li jkun irnexxielu jiġbor għalihom. Mhux biss kien iħobb il-fqar imma bħal Ġesu’ sar fqir bħalhom. Ħalla l-Palazz fejn kien soltu jgħix bħala Arċosqof u beda jgħix f’dar sempliċi fi spirtu ta’ faqar  u ta’ talb. Kien sikwit jgħid li jekk rridu li l-Knisja tibqa’ tkun ta’ siwi għall-bniedem tal-lum trid tkun knisja qrib il-fqir u li twassal ir-rigal tal-persuna ta’ Ġesu’ Bambin lil kulħadd.

Dan u iktar minn hekk għadda minn moħħ Maria Elena Bergolio dakinhar tat-13 ta’ Marzu 2013.  Xħin stejqret minn dawk it-tifkiriet dik il-lejla tal-għażla ta’ ħuha qamet minn dik il-pultruna u marret f’dak il-post li hi u huha u l-familja tagħhom kienu jmorru. Marret quddiem il-Bambin tax-xama’ li għadu jżejjen lil darha u għamlet talba ħerqana li nixtiequ aħna wkoll illejla nagħmluha t-talba tagħna.

“Ġesu Bambin f’ħajtek fittixt u ħabbejt lill-fqar b’imħabba kollha speċjali fejjaqt lill-morda, lill-għomja tajthom id-dawl, lill-magħtuba l-mixi, lill-folla li kienet imġewħa tmajtha bil-ħobż u bil-ħutiet. Urejt li int il-ħabib ta’ kulħadd speċjalment tal-midimbin.  Lil dawn għamilthom l-ikbar ħbieb tiegħek. Nitolbok għal dan hija li illum għażiltu bħala vigarju tiegħek u mexxej tal-Knisja Universali. Tħalli qatt li jaqta’ qalbu minn din il-missjoni li afdjatu. Agħmel nitolbok biex fuq l-eżempju tal-fqajjar ta Assisi li tiegħu għażel l-isem,  ma jieqaf qatt jimmedita u jaħseb kemm ħabbejtna meta twelidt fqajjar għalina. Fakkru dejjem biex bħalek O Ġesu’ iżomm dejjem idejh miftuħa għall-foqra u l-batuti, għal dawk kollha li għandhom ġuħ u għatx għalik ħalli kulħadd ikun jista’ jħoss il-wens tal-imħabba u l-faraġ li int xtaqt tagħti lil kulħadd bil-miġja tiegħek fostna.  Agħtih il-grazzja li l-ferħ tat-twelid u l-preżenza tiegħek jwasslu lill-bnedmin tad-dinja kollha”.

Viva Ġesu’ Bambin.

%d