Messaġġ tal-Isqof Galea Curmi f’‘Beyond GDP’

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 20 ta’ Novembru 2020: Messaġġ tal-Isqof Galea Curmi fil-Konferenza Stampa tal-Ġimgħa li fiha saret il-preżentazzjoni tar-rapport: Beyond GDP.

Proprju lbierah f’Assisi beda, b’kollegament online, l-appuntament ta’ tlett ijiem li l-Papa Franġisku xtaq li jgħaqqad flimkien żgħażagħ mid-dinja kollha biex isir ħsieb ġdid dwar il-mudelli ekonomiċi li huma prevalenti, u dan fid-dawl tas-solidarjetà li hi wieħed mill-pilastri ewlenin tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja.

Din il-laqgħa kienet maħsuba għal Marzu li għadda, imma kellha tiġi posposta minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Il-Papa fl-1 ta’ Mejju tas-sena li għaddiet sejjaħ din il-laqgħa biex jgħaqqad flimkien ekonomisti, imprendituri, riċerkaturi, attivisti li huma ta’ età pjuttost żagħżugħa biex jerġgħu jaħsbu b’mod kreattiv kif nistgħu nagħtu ruħ lill-ekonomija. Għal din il-laqgħa qed jieħdu sehem elfejn żagħżugħ u żagħżugħa minn 120 pajjiż.

Hu għalhekk ta’ soddisfazzjon kbir li f’Malta qed tittieħed din l-inizjattiva tal-istudju ‘Beyond GDP’ u nixtieq nifraħ u nirringrazzja ħafna lill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Arċidjoċesi, kif ukoll lill-fergħat Maltin tal-Moviment tal-Fokolari u tal-Fondazzjoni Centesimus Annus Pro Pontifice, u lill-kumpanniji EY, Seed Consultancy u APS Bank. Fiha nfisha, il-fatt li din hi inizjattiva li tgħaqqad flimkien entijiet tal-Knisja ma’ entijiet oħra fil-qasam tal-business diġa hi pożittiva u fil-linja ta’ dak li jixtieq il-Papa.

Il-ħsieb tal-istudju li qed jiġi ppreżentat illum hu li jkun xprun għalina lkoll f’Malta biex naħsbu mudell ekonomiku li ma jkunx iffukat biss fuq il-Prodott Gross Domestiku, imma jkun qed jagħti valur lill-kwalità ta’ ħajja taċ-ċittadini u r-rispett lejn l-ambjent. Għalhekk hu rapport li jagħti rakkomandazzjonijiet maħsuba, imma wkoll li għandu l-ħsieb li joħloq diskussjoni li twassal għal azzjoni u koperazzjoni u li tagħti lok għal aktar riċerka.

Dan hu sewwasew dak li jrid il-Papa Franġisku: li naħdmu għal ekonomija li tqiegħed lill-persuna u l-kwalità ta’ ħajja tagħha fiċ-ċentru, li tkun ekonomija li tagħti l-ħajja mhux li toqtol, ekonomija li tinkludi mhux li teskludi, ekonomija li tirrispetta l-ambjent mhux li teqirdu, ekonomija li taħdem għall-ġid komuni mhux għall-ġid tal-ftit, ekonomija li ma tinteressahiex biss mill-ġenerazzjoni ta’ issa imma wkoll mill-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Knisja jinteressaha l-bniedem sħiħ, maħluq xbieha ta’ Alla, u dejjem tmexxi ’l quddiem l-iżvilupp ħolistiku tal-bniedem u tas-soċjetà. F’dan tagħmel attenzjoni speċjali lil dawk li huma dgħajfa. Irridu niftakru li s-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa.

Nawgura li dan ir-rapport ippreżentat illum ikun il-bidu ta’ dan il-proċess ta’ ħsieb u azzjoni flimkien, u jkunu ħafna dawk li jissieħbu ma’ dawn l-entijiet preżenti llum biex naħdmu għal bidla reali fil-mudell ekonomiku għall-ġid tal-bniedem u tas-soċjetà Maltija. Lilkom li ħdimtu flimkien f’din l-inizjattiva nixtieq inwassal il-messaġġ tal-Papa Franġisku: “Nitlobkom, tħallux li oħrajn ikunu l-protagonisti tal-bidla flokkom! Intom dawk li għandhom il-futur f’idejkom! Permezz tagħkom jidħol il-futur fid-dinja. Lilkom nitlob ukoll li tkunu protagonisti ta’ din il-bidla… Nitlobkom li tkunu bennejja tad-dinja, biex timpenjaw ruħkom b’risq dinja aħjar” (Christus Vivit, n. 174).

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

%d