Id-dar ta’ Alla mhijiex għar tal-ħallelin


Il-Ġimgħa, 20 ta’ Novembru 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi. Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Id-dar ta’ Alla mhijiex għar tal-ħallelin

Il-ġrajja ta’ meta Ġesù daħal fit-tempju u keċċa l-bejjiegħa mit-tempju hi ġrajja li nsibuha fl-Evanġelji kollha. F’San Luqa nsibu inqas dettalji, insibuha fil-qosor, imma joħroġ ukoll tajjeb ir-rabja li kellu Ġesù hu u jkeċċi dawn il-bejjiegħa mit-tempju, xi ħaġa li qatt ma kien għamel.

Għaliex Ġesù rrabja daqshekk? Ġesù ried jieħu azzjoni drastika, li biha jagħti messaġġ qawwi lin-nies ta’ żmienu, u lilna wkoll.

L-ewwel nett, Ġesù ried juri li t-tempju kien post sagru, post qaddis, fejn in-nies jiġu biex jiltaqgħu ma’ Alla. Għalhekk, dak kollu li jfixkel hu ħażin. In-negozju fit-tempju hu ħażin, għax ifixkel din il-laqgħa ma’ Alla. Għalhekk Ġesù jgħid – din insibuha fir-rakkont ta’ San Ġwann– it-tempju għamiltuh suq. Imma hawn jgħid xi ħaġa aktar qawwija. Jgħid: “id-dar tiegħi …għamiltuha għar tal-ħallelin”. Ġesù ried jinsisti magħhom li t-tempju hu dar it-talb; qed jikkwota lil Isaija: “Id-dar tiegħi tkun dar it-talb” (Isaija 56:7). Għalhekk jekk aħna naraw din il-kelma li qal Ġesù, hu qed jgħidilhom: it-tempju għandu jkun jixbah lill-għar ta’ Betlehem mhux lil għar tal-ħallelin. Għandu jkun dak il-post bħall-għar ta’ Betlehem fejn tiltaqa’ ma’ Alla li hu magħna, u tinżel tqimu. U dak li qal lin-nies fi żmienu jgħidu wkoll lilna llum, għaliex aħna wkoll għandna l-knisja, li hi t-tempju, id-dar ta’ Alla, u għandna dejjem nuru rispett lejn id-dar ta’ Alla. Fil-knisja aħna niltaqgħu ma’ Alla u dak kollu li jfixkel din il-laqgħa ma’ Alla hu ħażin, għax il-knisja hi dar it-talb, id-dar fejn niltaqgħu ma’ Alla.

Imma mbagħad hemm ukoll sens ieħor għal dak li għamel Ġesù, u dan jintrabat ma’ din l-espressjoni li qal Ġesù: “għar tal-ħallelin”. Ġesù ried ineħħi l-mentalità pagana ta’ għalfejn tmur it-tempju, jiġifieri dik il-mentalità ta’ nies li jmorru t-tempju, jagħmlu l-offerta tagħhom, imbagħad joħorġu barra t-tempju, u l-ħajja ta’ barra ma għandha x’taqsam xejn mal-ħajja ta’ ġot-tempju. Jiġifieri barra tagħmel li jfettillek. U hawn, meta jgħid “għar tal-ħallelin”, Ġesù qed jagħmel referenza għal dak li kien qal il-profeta Ġeremija, fil-ktieb tiegħu meta jwassal il-messaġġ tal-Mulej li jilmenta: in-nies jiġu t-tempju, u jgħidu “Aħna salvi, Aħna salvi”; imbagħad joħorġu mit-tempju u joqtlu, jisirqu, jagħmlu kull xorta ta’ inġustizzji, jaħilfu falz, u ħafna ħażen ieħor. U l-Mulej jgħid: “Huwa din id-dar saret xi għar tal-ħallelin f’għajnejkom?” (Ġer 7:11).

Lilna wkoll Ġesù jrid iwassal dan il-messaġġ importanti, li l-knisja hi l-post fejn aħna mmorru biex niltaqgħu ma’ Alla, nisimgħu l-kelma tiegħu, niċċelebraw din il-ħajja ma’ Alla; imma barra, kif noħorġu mill-bieb tal-knisja, għandna ngħixu dak li nisimgħu, għandna ngħixu dak li niċċelebraw ġewwa. M’għandux ikun hemm firda bejn dak li nagħmlu fil-knisja u fil-bqija tal-ħajja tagħna, għaliex Alla li nqimu fil-knisja rridu nqimuh fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. U aħna rridu nkunu t-tempju ta’ Alla, b’mod li jkun hemm rabta sħiħa bejn dak li nisimgħu u niċċelebraw u l-ħajja tagħna ta’ kuljum. Hawnhekk l-Evanġelju jgħid li Ġesù kien jgħallem fit-tempju, għalih it-tempju kien għażiż, hemm kien iwassal il-kelma tiegħu. Anke llum, għalina t-tempju hu għażiż għax nisimgħu din il-kelma tiegħu, niċċelebraw l-Ewkaristija, imma mbagħad fil-bqija tal-ħajja tagħna, jiġifieri meta noħorġu barra mill-knisja, għandna ngħixu dak li nisimgħu u niċċelebraw u hemm ikun tassew laħaq l-iskop tiegħu t-tempju – il-knisja – għax inkunu mtlejna bil-qawwa ta’ Alla u bl-imħabba tiegħu li mbagħad ngħixu fil-ħajja tagħna.

Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li aħna dejjem inħarsu lejn il-knisja bħala post qaddis, fejn niltaqgħu ma’ Alla, nisimgħu l-kelma tiegħu, nirċievu l-imħabba tiegħu, niċċelebraw l-Ewkaristija, imbagħad dak li hemm nisimgħu u li niċċelebraw, ngħixuh fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.