Aħsel idejk!

Print Friendly, PDF & Email

F’dan iż-żmien ta’ pandemija kulħadd jgħidlek: Aħsel idejk! Jew idejk aħsilhom sewwa! U sewwa qed jgħidu. Irridu naħsluhom sewwa! U allaħares le! Inkella żgur li nispiċċaw ħażin! Għax jekk kurun jaħsel jeħel ma’ jdejna u jdejna jarmaw jmissu ‘l hemm u ‘l hawn, f’kelma waħda addoċċ, aqta’ kif jagħmilna mqarrun! Dan il-misħut kurun!

Għax, għalkemm kurun mhux ċaċċarun, imma l-fatti jitħaddtu waħedhom ħej! L-aktar bin-numru tal-każijiet li dejjem jispara ‘il fuq! Imma anki f’din is-sitwazzjoni fejn, trid jew ma tridx, tibża’ naqra, u ejjew ngħiduha wkoll, tallarma xi ftit ruħek, wasal iż-żmien li tieħu naqra tan-nifs minn din il-ġirja sfrenata li qed nagħmlu wara dan il-misħut virus u nibdew naħsbu ftit fil-fond u bis-serjetà. Minix sempliċiment qed nillimta ruħi biss għall-fatt li nibqgħu nagħmlu għassa fuqna nfusna li jdejna naħsluhom bis-sapun u bl-alkoħol. Din il-biċċa xogħol trid issir! U issir aktar spiss! Inkella, bil-maskra waħedha, nibqgħu bil-basla u b’qoxritha! U hekk nispiċċaw nitwikkew b’riħitha! Mela, irridu ninżlu aktar fil-fond minhekk!

Anki jekk, minħabba kurun, hu importantissmu li taħsel idejk imma fil-ħajja għal ċertu affarijiet mhu tajjeb xejn li taħsel idejk! Anzi! Allaħares jekk f’dawn il-ħwejjeġ wieħed jaħsel idejh bħal Pilatu! Inkella f’hiex se nispiċċaw? Nista’ naħsel idejja mir-responsabbiltà tiegħi li nidħol Facebook u narma noffendi lil min ġie ġie? Basta nkun żvogajt ir-rabja tiegħi? Ħa nħossni aħjar? Żgur li m’għandix naħsel idejja minn din ir-responsabbiltà! Daqskemm ma nistax naħsel idejja mir-responsabbiltà, jien min jien, u hi x’inhi r-responsabbiltà tiegħi, f’li niddefendi l-leħen ta’ min m’għandux leħen. Mhux biss imma nipprova b’kull mod insikket u nfixkel lil min qed isemma’ il-leħen tal-għeżież u l-aktar ħelwin trabi fi ġwief omijiethom! Nista’ naħsel idejja minn din ir-responsabbiltà?

Nista’ naħsel idejja mir-responsabbiltà li kulfejn inkun inżomm l-indafa? Mhux sempliċiment tal-art tafux imma tal-intiena pesti li toħroġ minn qalb ħadra għall-proxxmu? Kif nista’ naħsel idejja minn din ir-responsabbiltà li nuri ħniena lejn ta’ madwari u mhux niftħilhom il-bokka tal-infern b’qalb iebsa u vendikattiva? Nista’ jien naħsel idejja għall-għajjat ta’ min qed jiġi injorat għax ma jappartjeni għall-ebda klikka, ibda’ minn ħwejjeġ kbar u spiċċa fil-familji, fil-komunitajiet reliġjużi u f’kull post ieħor? Kif nista’ naħsel idejja minn dan l-abbuż feroċi tal-ftit fuq il-ħafna? Nista’ nibqa’ frisk u friska bħal ħassa? Fl-aħħar, nista’ naħsel idejja mir-responsabbiltà li nilbes il-maskra, il-visor u li nżomm id-distanza soċjali? Inkella kif ħa nnaqsu l-infezzjonijiet?

X’hawn tal-infezzjonijiet hux! Ejjew infejquhom bil-ĦNIENA li nuru ma’ xulxin!

Patri Mario Attard OFM Cap