It-tagħlim soċjali Kattoliku jista’ jgħin lill-ekonomija wara l-Covid.

It-Tlieta 24 ta’ Novembru 2020: Fit-tmiem il-ġimgħa li għaddiet saret dik l-imsejħa: ‘L-Ekonomija ta’ Francesco’, fejn ġabret virtwalment madwar 2000 imprenditur u ekonomisti żgħażagħ biex jaħdmu flimkien ħalli tinbena sistema finanzjarja aktar ġusta u sostenibbli.

Waħda mill-figuri ewlenin wara dan l-avveniment kienet Sor Alessandra Smerilli, soru Salesjana ta’ 46 sena, li hija ekonomista u konsulent tal-Papa. Hija tpoġġi fuq il-kunsill governattiv tal-amministrazzjoni tal-Istat tal-Vatikan u kienet fost l-ewwel nisa li ntgħażlu bħala konsulenti għall-uffiċċju tas-Sinodu tal-Isqfijiet tas-sena li għaddiet. Meta faqqgħet il-pandemija tal-Koronavirus, il-Papa Franġisku talabha tikkoordina task force dwar l-ekonomija fuq il-kummissjoni Covid-19 tal-Vatikan.

Il-messaġġ huwa li hemm ħafna xi jrid jinbidel”, qalet Sor Alessandra f’intervista ma’ ‘The Tablet’ dwar l-avveniment tal-Ekonomija ta’ Francesco li seħħet f’Assisi l-weekend li għadda. “Naħseb li huwa kemxejn simplistiku li nitkellmu dwar Davos Kattoliku”, qalet Sor Alessandra, u żiedet li l-Papa bagħat stediniet lil firxa sħiħa ta’ nies, li mhux kollha huma Kattoliċi. “Hija tfittix li ssib il-bażi biex taħseb dwar l-ekonomija b’mod ġdid u differenti”.

Hija rrimarkat li l-eżempju tad-‘distakk’ ta’ San Franġisk ta’ Assisi minn oġġetti materjali mhuwiex biss storja sabiħa mill-passat iżda “jagħmilha ċara x’inhu verament importanti, u fejn jinsab il-valur tal-affarijiet”. Sor Alessandra żiedet tgħid: “Illum għandna nsibu mod ġdid kif nagħtu valur lil dak li qed nipproduċu u nagħtu valur għax-xogħol”. Hija qattgħet ħafna ħin taħseb dwar dan is-suġġett.

“Il-messaġġ qawwi li l-Papa Franġisku ta liż-żgħażagħ huwa li minn kriżi ma tistax toħroġ minnha u tibqa’ l-istess. L-agħar ħaġa f’din il-kriżi hija li noħorġu minnha u ma nkunu tgħallimna xejn”. Matul dawn l-aħħar xhur dawk involuti fl-avveniment kienu qed jaħdmu ma’ esperti biex jeżaminaw suġġetti bħall-imaniġġjar u r-relazzjonijiet; il-finanzi u l-ġid komuni; taħdem u tieħu ħsieb lill-ħaddieħor u l-art; enerġija u faqar; in-nisa u s-sostenibbiltà. Huwa tentattiv biex tapplika t-Tagħlim Soċjali tal-Knisja.

It-tama tagħha għall-ġejjieni hija Knisja li ma tidħolx fija nnifisha imma li twassal il-messaġġ tagħha lid-dinja, kif qed tfittex li jagħmel l-avveniment tal-Ekonomija ta’ Francesco. “Qed noħlom b’Knisja li hija tassew missjunarja mhux iffukata fuqha nnifisha, imma li ġġib l-aħbar it-tajba lil kulħadd. L-Evanġelju mhux biss għall-kattoliċi. Id-dawl tal-Evanġelju huwa għal kulħadd”, temmet l-intervista tagħha.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit:

https://www.thetablet.co.uk/news/13588/catholic-social-thought-can-help-economy-post-covid