Ħarsa lura lejn il-Milied fil-Furjana

Print Friendly, PDF & Email

3. In-Novena lbieraħ u llum

Meta nħares lura, niskanta kif fil-kappella kienu joqogħdu dawk it-tfal kollha. Donnha kienet tiġġebbed! Irridu niftakru li qabel it-tfal ma kienux jitgħallmu f’żewġ xiftijiet, bħalma ilu jsir għal ħafna snin.

Il-purċissjoni tal-Bambin fit-toroq tal-Furjana

In-Novena kienet tkun għal kulħadda fis-sebgħa, fil-kappella li mhix xi sala kbira. Il-lezzjoni kienet issir kemm mis-Soċji tal-Furjana kif ukoll minn xi Superjur mistieden, ta’ ċerta età. Meta xi wieħed minn dawn ma kienx jaddatta ruħu għat-tfal iż-żgħar, bil-Malti ngħidu li ”t-tfal kienu jiħduh”, hekk li n-Novena tispiċċa b’‘diżordni’.

Imma fejn hemm l-intenzjoni tajba, dak li għalina hu diżordni, għal Alla hu wkoll grazzja. Min jaf x’ġid ħareġ għal dawk il-kotra ta’ tfal li ggustaw it-tagħlim ġenwin, imżewwaq bir-rakkonti, minn persuni li tassew iħobbuhom!

Is-suġġetti tan-Novena kienu dwar veritajiet ta’ serjetà tal-fidi Nisranja. Id-’dnub’ kien suġġett li jieħu prijorità biex b’hekk tidher l-imħabba ta’ Ġesu’ li twieled biex jifdina. Normalment in-Novena kienet tibda bir-rakkont ta’ Adam u Eva; imbagħad jissemmew il-profeti li ħabbru l-miġja ta’ Ġesù. Ir-rakkont tat-twelid kien isir b’filmin fuq projector u tfal kienu jħobbu jdawru l-pellikola fuq ir-rukkell hekk kif min ikun qed jirrakkonta jagħmlilhom sinjal bil-qanpiena.

Aktar ’il quddiem in-Novena ħadet xejra oħra, imma baqgħet fuq l-istess linji. Iż-żgħar bdew jiltaqgħu f’ħin iktar kmieni biex il-lezzjoni tkun addattata għalihom, filwaqt li l-adolexxenti żammew il-ħin tagħhom. Inbidlu s-suġġetti, daħlu ċelebrazzjonijiet, u beda jintuża l-powerpoint.

Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.