Il-Milied u l-Umiltà

Print Friendly, PDF & Email

Waħda mill-aqwa tagħlimiet li jagħtina l-Milied huwa li nħarsu lejn Ġesù tarbija u nitgħallmu minnu l-umiltà.

1 L-Iben ta’ Alla sar bniedem

L-Iben ta’ Alla sar bniedem bħalna f’kollox barra mid-dnub u għammar fostna. Alla bagħat l-anġlu Gabrijiel għand il-Verġni Marija u għarrafha li sejrassir Omm Alla. Hija laqgħet il-pjan ta’ Alla u l-Ispirtu s-Santu nissel lil Sidna Ġesù Kristu, it-tieni persuna tat-Trinità f’ġufha. Dan jissejjaħ il-misteru tal-Inkarnazzjoni.

Fi kliem sempliċi Sidna Ġesù Kristu, it-tieni persuna tat-Trinità, ha n-natura ta’ bniedem. Fl-Ittra lill-Filippin insibu li dan huwa misteru ta’ umiltà. Insibu miktub: “hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx iftittex tiegħu li huwa daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbaħ lill-bmedmin, u deher minn barra bħala bniedem” (2,6).

Sidna Ġesù Kristu sar bniedem verament. Tant huwa hekk li fl-Evanġelju ta’ San Luqa nsibu miktub: “Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda ( 2,7).

Imbagħad fl-istess Vanġelu nsibu miktub: “U hekk Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, is-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (2, 52). Ġesù  bħala bniedem kien suġġett għal-liġijiet tan-natura. Hekk kien ibati, kien jiekol, jorqod, jistrieħ, jgħejja, jikbi, jifraħ u jitnikket fl-ispirtu. U għax ha n-natura ta’ bniedem seta’ jbati u jmut.

Sidna Ġesù Kristu għex ħajja umli. Ħareġ jippriedka u jagħmel il-mirakli fl-aħħar tliet snin ta’ ħajtu. Anki meta għamel il-mirakli qatt ma għamilhom għal xi interess tiegħu iżda biex Alla jiġi magħruf u maħbub.

2 Ġesù jrid li nkunu umli

Għalhekk il-misteru tal-Inkarnazzjoni jgħallimna li għandna nkunu umli. Dan ma jfissirx li ma niżviluppawx it-talenti tagħna, lanqas li ma nieħdu l-ebda inizjattiva iżda li naraw li dak kollu li għandna ġej minn Alla.

Fi żmien il-Milied nagħmlu ħafna xbihat ta’ Ġesù tarbija li nsejhulhom bambini. Dawn għandhom jispirawna biex inkunu umli. Huwa stess jgħallimna: “Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha. Imbagħad ħaddanhom miegħu u berikhom” (Mk 10, 15-16).Insiru bħat tfal ma jfissirx li jkollna fina dawk l-attitudnijiet li huma mmaturi iżda li jkollna fina spirtu ta’ umiltà.

Fil-ġrajja tal-Milied kif insibu fil-Vanġeli naraw ir-rgħajja jilqgħu mill-ewwel lil Ġesù, marru jadurawh bil-ferħ filwaqt li ħadulu r-rigali. Narawhom imorru bi spirtu ta’ umiltà. L-istess attititudni narawha fil-maġi li ġew mill-bogħod biex jaduraw lil Ġesù. Iżda mill-banda l-oħra naraw is-suppervja ta’ Erodi li ried joqtlu. Dan jgħallimna li min ikun supperv ma jistax jilqa’ lil Ġesù.

Inkunu ngħixu l-misteru  ta’ l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem kull meta nagħmlu d-dmirijiet tagħna. Il-ħajja ta’ kuljum hija sfida qawwija iżda jekk ikollna fina l-ispirtu ta’ Kristu nagħmlu l-affarijiet iż-żgħar bi mħabba kbira.

Jitqarraq min jaħseb li l-ħwejjeġ iż-żgħar ma jressquniex lejn Alla u jistgħu jagħmluna qaddisin. Inħarsu lejn Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Kellha fiha xewqat li tagħmel affarijiet kbar. Iżda hija saret qaddisa bil-ħwejjeġ tal-ħajja ta’ kuljum. Hija kienet tagħmel kollox bi mħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu u hekk qatt ma kienet tgħix frustrata. Mhux hekk biss tant li saret qaddisa, duttura u patruna tal-missjonijiet.

3 Il-Milied mhux żmien soċjali biss

Il-Milied mhuwiex biss żmien ta’ ikliet u parties iżda huwa sfida biex  ninżgħu mill-kburija tagħna u nħobbu verament lil Ġesù. Kull bniedem li hawn fid-dinja huwa inklinat għas-suppervja anki fi ħwejjeġ żgħar. Dan kien id-dnub tal-anġli u tal-ewwel ġenituri tagħna. Ġesù mill-banda l-oħra ġab ruħu bil-maqlub. Twieled fis-satra tal-lejl f’għar fqajjar f’Betlem. Huwa stess qal li l-missjoni tiegħu huwa ta’ qaddej: “Imma jien qiegħed fostkom nagħmilha ta’ qaddej. Intom mbagħad, intom dawk li żammejtu sħiħ fit-tiġrib kollu li ġie fuqi; u bħalma Missieri ħejja saltna għalija, hekk ukoll jiena nħejji għalikom, biex tieklu u tixorbu fuq il-mejda tiegħi f’saltnati, u toqogħdu fuq tronnijiet biex tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta’ Iżrael” (Ġw 22, 27-30).

Fil-Vanġelu ta’ San Luqa nsibu miktub: “Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken jitkabbar” (Lq 14, 11). L-umiltà tikkonsisti filli wieħed jaċetta l-limitazzjonijiet tiegħu, jaċċetta lill-oħrajn kif inhuma, ikollu spirtu ta’ qadi filwaqt li jekk jaqa’ f’xi dnub ma jarahiex bi kbira biex jitlob maħfra lil Alla. L-umiltà ġġib l-paċi tal-qalb għax biha wieħed jagħraf lil Alla bħala aqwa minnu. San Pawl jikteb: “X’għandek li ma ngħatilikx? U jekk ingħatalek, l-għala tiftaħar bħallikieku ma ngħatalek xejn” (1 Kor 4, 7).

4 Marija mudell ta’ umiltà

Fi zmien il-Milied ma nistgħux npoġġu fil-ġenb il-figura tal-Verġni Marija. Hija laqgħet f’qalbha u f’ġufha lil Sidna Ġesù Kristu magħmul bniedem. Mhux hekk biss iżda emmnet fih u billi huwa kien l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem riedet bilfors tkun umli. Fl-Evanġelju ta’ San Luqa nsibu miktub fl-okkażjoni tal-ewwel Milied meta r-rgħajja marru fl-għar ta’ Betlem: “Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (2, 19).

Minn Angelo Xuereb