Id-dawl tat-tama jiddi l-iktar fid-dlam


Messaġġ tal-Arċisqof ta’ Birmingham

It-twelid ta’ Ġesù huwa l-iktar sinjal qawwi u messaġġ ta’ tama f’dinja mudlama mid-dellijiet tal-biża’ u l-inċertezza kkawżati mill-pandemija tal-Covid-19. L-Arċisqof ta’ Birmingham, Bernard Longley, irrifletta fuq iċ-ċirkostanzi mhux tas-soltu li mmarkaw profondament is-sena li għaddiet u ħeġġeġ lil dawk li jemmnu biex jaqsmu l-aħbar it-tajba tal-Milied. Huwa qal kemm hu mportanti li “niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù tarbija, għax Hu jġib id-dawl tat-tama u s-salvazzjoni fid-dinja”.

L-Arċisqof ta’ Birmingham,
Bernard Longley

Huwa stieden lill-Insara biex ma jħallu xejn “milli jneħħi mill-ferħ li bih niċċelebraw it-twelid tas-Salvatur tagħna Ġesù Kristu”, waqt li nnota li l-esperjenza tal-2020 “tagħti tifsira aktar profonda għaċ-ċelebrazzjoni tagħna”. “Aħna nafu li għal ħafna nies din is-sena ġabet iktar dwejjaq u ansjetà”, li bidlet il-mod tal-ħajja tagħna, iżda hu fi żminijiet bħal dawn li “għandna bżonn il-pedament tal-fidi”.

L-Arċisqof Longley jistieden lill-Insara kollha biex jaħsbu dwar it-tifsira ta’ Alla li jidħol fid-dinja tagħna, u biex jaqsmu l-“messaġġ tremend tal-istorja tal-Milied” ma’ oħrajn.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2020-12/christmas-2020-message-archbishop-bernard-longley-birmingham.html

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.