San Ġużepp dejjem jagħmel ir-rieda ta’ Alla

Jekk infittxu x’kien il-pedament tal-ħajja ta’ San Ġużepp insibu li dan kien it-twettiq tal-rieda ta’ Alla bl-istess mod kif Ġesù kien jagħmel ir-rieda ta’ Missieru fis-smewwiet.

1 ● San Ġużepp kien bħal tafal f’idejn Alla

Fil-kapitlu 18 tal-Ktieb ta’ Ġeremija nsibu li Alla bagħat lil dan il-profeta għand fuħħari jiġifieri wieħed li jaħdem il-fuħħar. Dan kien jaħdem fuq ir-rota u l-ġarra ħarġitlu ħażin u dan rega’ għamel oħra. U Alla qal lil Ġeremija: “Bħalma t-tafal huwa f’idejn il-fuħħari, hekk intom f’idejja, dar Iżrael” (Ġer 18, 6). Dan il-kliem nistgħu napplikawh għall-ħajja ta’ San Ġużepp. Kien qisu tafal u huwa ħalla lilu nnifsu f’idejn Alla biex jaħdmu kif irid huwa.

Naturalment dan ġab tbatija f’Ġużeppi. Kull bniedem ikollu l-pjanijiet tiegħu u jifraħ ħafna meta dawn iseħħu u jsewwed qalbu meta dawn jisfaxxaw. Bħal Ġużeppi tat-Testment il-Qadim, San Ġużepp kellu jgħaddi minn sensiela ta’ ġrajjiet ta’ ferħ u tbatijiet li ma kinux skont il-pjan tiegħu. Fost dawn il-ġrajjiet nistgħu nsemmu biss il-qtil tal-innoċenti, il-ħarba lejn l-Eġittu u l-qagħda tal-familja qaddisa fl-art pagana tal-Eġittu. Iżda huwa ħalla lil Alla li jmexxieh u għalhekk huwa ħa kollox minn idejh.

Nistgħu napplikaw għal Ġużeppi l-kliem ta’ San Pawl li jgħid: “Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom” (Rum 8, 28). Verament li t-tbatijiet ta’ San Ġużepp ħallew il-ġid. Alla l-Missier għamel minn dan il-qaddis xbieha verament tiegħu fuq din l-art biex ikun jista’ jieħu ħsieb u jagħmilha ta’ missier puttattiv ta’ Ibnu.

2 ● Alla ħabb lil San Ġużepp

San Ġorġ Preca kien jgħallem li meta Alla jħobb lil xi ruħ jagħtiha tliet affarijiet: jgħaddiha mit-tbatija, jbiegħda mid-dnub u jagħmel li hija tkun ta’ ġid. Dawn it-tliet ħwejjeġ insibuhom fil-ħajja ta’ San Ġużepp. Huwa li kien tant qrib Ġesù ma setax ma jbatix. Forsi nistaqsu ꞌil għaliex. Ġesù li kellu jifdina mid-dnub permezz tal-passjoni u l-mewt tiegħu kellu jgħaddi mit-tbatijiet. U dawk li huma qrib tiegħu jgħaddu wkoll mit-tbatijiet. Hekk ukoll ġralu San Ġużepp.

Ġesù l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem kien bla dnub. U għalhekk dawk li jkunu qrib tiegħu jitbiegħdu mid-dnub. U l-istess ġralu Ġużeppi ta’ Nażaret. Xi għorrief tal-Knisja jgħidulna li huwa tnissel bid-dnub tan-nisel iżda tqaddes fil-ġuf ta’ ommu kif ġara lill-profeta Ġeremija u lil San Ġwann il-Battista.

Ġesù permezz ta’ ħajtu, tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien għamel l-aqwa ġid lill-bniedem billi ħabbu ma’ Alla. Għalhekk dawk li jkunu qrib ta’ Ġesù jagħmlu l-frott. Huwa stess qalilna: “Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15, 5). Għalhekk bla dubju ta’ xejn San Ġużepp għamel ġid li fil-moħħ limitat tagħna l-bnedmin ma nistgħux nimmaġinawh.

Nistgħu npoġġu f’fomm San Ġużepp il-qawl Malti: “Il-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi”. Alla jrid  li nagħmlu l-pjanijiet tagħna iżda jrid li nħallu f’idejh. Jekk inqallbu l-Iskrittura nsibu tliet darbiet li San Ġużepp ra lill-anġlu  tal-Mulej fil-ħolm biex jiċċaralu jew jordnalu x’kellu jagħmel skont ir-rieda ta’ Alla. Dan ġara meta kien se jibgħat lil Marija bil-moħbi, biex jaħrab lejn l-Eġittu u biex jerġa’ lura.

Dawn il-ġrajjiet fil-ħajja ta’ San Ġużepp ikkawżawlu tbatija u ferħ fl-istess ħin. Il-qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard kien jgħid: “There is no redemption without blood”. Jiġifieri ma hemmx fidwa mingħajr tbatija. Iżda meta wieħed jieħu t-tbatija minn idejn Alla żgur mhux ser iħoss imrar jew diżappunt. Dan ma jfissirx li qatt ma huwa ser iħoss xi forma ta’ niket. Kristu wkoll ġarrab niket f’qalbu. Iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Alla qatt mhu ser iġarrab frustrazzjoni għax huwa konvint li “kollox ħiereġ mis-Santwarju etern ta’ Alla b’ordni jew permess” kif kien jgħid San Ġorġ Preca.

3● San Ġużepp ġarrab il-paċi tal-qalb

Min jagħmel ir-rieda ta’Alla żgur li ser iġarrab il-paċi tal-qalb kif jgħidilna San Pawl: “Il-frott tal-Ispirtu huma; l-imħabba, il-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal 5, 22).

Minkejja dawn il-grazzji San Ġużepp baqa’ umli. Min ikun verament qrib ta’ Alla jkun umli tassew. U nistgħu nistaqsu liema qaddis kellu intimità ma’ Ġesù wara Marija; huwa li kien il-missier puttattiv tiegħu. Din l-umiltà tidher fil-ħajja ta’ dan il-qaddis billi huwa mhux talli ma għamel l-ebda ħaġa straordinarja iżda fl-Evanġelji, għalkemm jissemma, ma nsibu li qal l-ebda kelma.

Huwa għex ħajja ta’ silenzju, attent biex jara x’irid minnu Alla filwaqt li tqaddes permezz tax-xogħol ordinarju ta’ kuljum. Permezz tax-xogħol tiegħu ta’ mastrudaxxa huwa kien ta’ servizz għall-proxxmu. Min kien jibbenifika mix-xogħol tiegħu kien ser itejjeb ħajtu filwaqt li mill-qliegħ kien jgħajjex lill-familja ta’ Nazaret.

Minn Angelo Xuereb

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.