San Ġużepp, mudell għall-qdusija fil-ħajja ta’ kuljum


Jekk inħarsu lejn il-ħajja ta’ San Ġużepp ma nistgħux ma nilmħux il-bniedem li tqaddes bi ħwejjeġ żgħar.

  1. Ma nsibu l-ebda miraklu: Infatti fil-ħajja ta’ San Ġużepp ma nsibu li għamel l-ebda miraklu. Teżisti l-mentalità li biex wieħed ikun qaddis jagħmel f’ħajtu mirakli u għeġubijiet kbar.
  2. Fl-Iskrittura ma nsibu l-ebda kelma: Fl-Iskrittura ma nsibu l-ebda kelma li qal. Dan ifisser li San Ġużepp kien bniedem ta’ silenzju. Żgur li f’ħajtu ma kien hemm xejn straordinarju.
  3. Ħajja millaktar moħbija: Tant għex ħajja moħbija li l-Evanġelju ta’ San Mattew lanqas isemmih waqt iż-żjara tal-Maġi.
  4. Ilħajja moħbija kienet mimlija b’Alla: Fil-Bibbja nsibu li l-anġlu tal-Mulej deher fil-ħolm lil Ġużeppi. Darba biex jgħarrfu bil-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni, biex imur lejn l-Eġittu u mbagħad biex jirritorna. L-Iskrittura ssemmilna li f’dawn il-ġrajjiet kbar huwa dejjem obda l-ordnijiet ta’ Alla.
  5. Għex il-ħajja ta’ kuljum: Ġużeppi għex il-ħajja ordinarja ta’ kuljum permezz tax-xogħol ta’ mastrudaxxa u billi kien jieħu ħsieb il-familja ta’ Nażaret. Din il-ħajja kienet ‘il bogħod mill-istraordinarju, mill-popolarità u mill-avventura.
  6. Tqaddes bil-problemi tal-ħajja: Ġużeppi laħaq il-milja tal-qdusija billi ħa mingħand Alla s-slaleb ta’ kuljum. Kellu jobdi d-digriet ta’ ~esare Awgustu u jmur jinkiteb f’Betlem. Obda l-ordni ta’ Alla mwassla lilu permezz ta’ ħolma biex jaħrab u jmur l-Eġittu. Forsi qatt ma ħsibna fuq din il-ġrajja. Marija u Ġużeppi kellhom iħabbtu wi“hom ma’ mentalità ta’ poplu pagan, kultura u lingwa differenti. Hawnhekk is-Sagra Familja narawha bħala emigranta f’art barranija.
  7. Dejjem ra kollox b’fidi: Il-ħajja ta’ Ġużeppi kienet waħda moħbija u umli. Mhux dejjem kollox kien ward u żgħar. Iżda San Ġużepp kien konvint dak li l-Beatu Ġorġ Preca kien iħobb isemmi: “Xejn ma joħroġ mis-Santwarju ta’ Alla jekk mhux b’ordni jew permess”. Għalhekk, anki meta ma kienx jifhem il-pjan ta’ Alla ma kienx jaqta’ qalbu iżda kien jerħi ruħu f’idejn il-providenza ta’ Alla.
  8. Ma fettix il-popolarità: In-natura umana hija kontinwament ittentata biex tfittex il-popolarità. Ħafna nies jirraġunaw li qegħdin jirnexxu f’ħajjithom daqskemm jaħkmu fuq l-oħrajn u jkunu popolari. Iżda l-ħajja ta’ San Ġużepp ma kinitx hekk. Kienet waħda moħbija għall-aħħar. Għan-nies ta’ żmienu Ġużeppi kien sempli`ement mastrudaxxa u bniedem tal-familja.
  9. Fil-ħajja ta’ kuljum Ġużeppi kien jitlob: Kultant il-bniedem jixba’ mill-ħajja ta’ kuljum u jibda jqisha monotona. Jibda jaħseb kif ser jistrieħ u forsi ftit jagħti kas jekk f’ħajtu huwiex qiegħed jagħti lit-talb l-importanza li tistħoqqlu. Għalhekk fil-ħajja ta’ Ġużeppi nilmħu l-esperjenza ta’ talb kontinwu. Barra li kien jitlob skond kif kienet titlob il-liġi Lhudija, il-kuntatt ma’ Ġesù kien għalih talba kontinwa.

L-eżempju tal-fidi ta’ Ġużeppi huwa kbir. Il-qaddisin qegħdin hemm mhux biex nammirawhom biss iżda wkoll biex jispirawna biex ngħixu ħajja li togħġob aktar lil Alla. Il-ħajja moħbija ta’ Ġużeppi tispirana biex nagħmlu d-dmir tagħna ta’ kuljum b’reqqa u ħeġġa lejn Alla. Ma’ l-ewwel daqqa ta’ għajn jidher li dawn għandhom valur żgħir. Iżda meta huma magħquda “ma’ Kristu, bi Kristu u fi Kristu” jiksbu valur mill-aqwa. Kieku l-ħajja moħbija ma fihiex valur kieku żgur Sidna Ġesù Kristu ma kienx ser jgħixha għal tletin sena. Huwa veru li kultant wieħed jistaqsi: Kemm ser indum nagħmel l-istess ħwejjeġ? Dawn x’valur għandhom.

Iżda jekk inħarsu lejn il-ħajja ta’ San Ġużepp naraw li huwa tqaddes permezz tal-ħajja ta’ kuljum. Ikun verament żball jekk naħsbu li biex nitqaddsu rridu nagħmlu ħwejjeġ kbar. San Karlu Borromeo jagħtina dan il-parir: “Jekk nixtiequ nagħmlu progress fil-ħajja spiritwali tagħna jeħtieġ li nibdew kull jum b’ħeġġa ġdida. Għandna nżommu lilna nfusna kemm jista’ jkun fil-presenza ta’ Alla, u ma jkollniex skop ieħor  fil-ħidma tagħna għajr il-glorja ta’ Alla”.

Żgur li nkunu nimitaw lil San Ġużepp fil-virtujiet tiegħu jekk nimxu skont dan il-parir ta’ Sant’Antnin ta’ Padova: “Għix kull ġurnata qisha l-ewwel waħda fid-damma ta’ ħajtek; u ibqa’ għix il-bqija ta’ għomrok kollu bl-istess ħeġġa tal-bidu”.

Minn Angelo Xuereb

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.