San Ġużepp u l-valur tax-xogħol

Print Friendly, PDF & Email

F’kull festa li niċċelebraw f’ġieh San Ġużepp ma nistgħux ma niftakrux fl-importanza li għandu x-xogħol fil-ħajja spiritwali.

San Ġużepp

San Ġużepp kien ħaddiem. Dan insibuh fl-Evanġelji ta’ San Mattew u San Mark li jgħidulna għal Ġesù. “Dan mhux bin il-mastrudaxxa?” (Mt 13, 15); “Dan mhux il-mastrudaxxa, bin Marija u ħu Ġakbu u Ġosè u Ġuda u Xmun” (Mk 6,3). Jekk noqogħdu nfittxu t-test grieg naraw li l-Evanġelisti użaw il-kelma teknon jiġifieri ħaddiem tas-sengħa. Il-kittieba tal-bidu jitkellmu minn San Ġużepp bħala mastrudaxxa.

Fil-ħanut tax-xogħol tiegħu, San Ġużepp laħaq grad għoli ta’ qdusija. Infatti l-Iskrittura ssejjaħlu bħala l-bniedem ġust. lżda qatt ma nsibu li qal l-ebda kelma. Għalhekk huwa laħaq il-quċċata tal-qdusija permezz tal-ubbidjenza lejn ir-rieda ta’ Alla u permezz tax-xogħol ta’ kuljum. Sidna Ġesù Kristu trabba f’dan l-ambjent tax-xogħol u qabel ma ħareġ għall-ħajja pubblika kien jaħdem. San Mattew kif rajna jgħid li n-nies staqsew jekk huwiex il-mastrudaxxa.

Ħarsa storika lejn ix-xogħol

Għalkemm f’kull kultura l-popli jagħmlu xi forma ta’ xogħol, madankollu l-filosofija Greco-Rumana ma tantx kienet tħares tajjeb lejh. Jekk niflu x-xogħol tal-filosofi, b’xi eċċezzjonijiet (Virġilju u Eżjodu) li jfaħħru x-xogħol, it-tendenza ġenerali kienu li jħarsu b’disprezz lejh. Ix-xogħol kien qisu xi ħaġa li jġib diżunur, jindika li min qiegħed jagħmlu huwa inferjuri u għalhekk il-ħaddiema riedu jaqdu lil min  kien qiegħed jagħmel attivitajiet spiritwali. Ta’ min jinnota li Ċiċerun wasal biex kiteb li: “l-imgħallmin tas-snajja’ jehdew f’xogħlijiet ta’ min jistmerrhom, għaliex il-ħanut tax-xogħol ma jista’ jkun fih xejn li huwa nobbli”.

Min-naħa l-oħra l-Iskrittura tfaħħar lix-xogħol. Fi żmien Kristu anki dawk li kienu saċerdoti u skribi kienu jitgħallmu xi sengħa. San Pawl kien tgħallem jagħmel it-tined. Fil-parabbola ta’ l-Għaxar Talenti Kristu jikkundanna l-għażż u jfaħħar lix-xogħol. San Pawl jikteb lit-Tessalonkin: “U meta konna magħkom, amarniekom dan: jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, lanqas ma jiekol. Għax smajna li  x’uħud fostkom jgħixu fil-għażż bla ma jaħdmu, imma jħawdu. Lil nies bħal dawn inwissuhom u namruhom f’Sidna Ġesù Kristu biex jaħdmu b’moħħhom mistrieħ u jieklu l-ħobż li huma nfushom ikunu qalgħu” (2 Tess 10-12). San Ġakbu għandu twissija qawwija fuq il-ħlas: “Ara l-ħlas li intom ċħadtu lill-ħaddiema li ħasdulkom ir-raba’ tagħkom jgħajjat, u l-għajjat tal-ħassada wasal f’widnejn il-Mulej tal-qtajja” (Gak 5, 4.

Huwa impossibbli fi ftit kliem ngħidu x’għamlet il-Knisja biex tagħti valur lix-xogħol. Minflok is-Sibt, għamlet il-jum tal-Ħadd, jum ta’ mistrieħ. Kien it-tagħlim tal-Vanġelu li kisser is-sistema ta’ skjavitù fl-Imperu Ruman. Is-Santi Padri faħħru kemm setgħu lix-xogħol li ma fihx immoralitajiet u ppruvaw jfiehmu lill-poplu li permezz tal-attività tiegħu jista’ jersaq lejn Alla. L-eremiti tad-deżert u l-monastiċiżmu għaqqdu l-ideal tat-talb max-xogħol. San Benedittu li huwa missier il-monastiċiżmu tal-Punent ħareġ bil-motto sempliċi iżda profond “Ora et Labora” jiġifieri “Aħdem u itlob”.

Fil-medjuevu l-Knisja kompliet taħdem biex il-fewdatarji jiġifieri dawk li kellhom ħafna artijiet u b’nies jaħdmu fihom u li kienu jiddependu minnhom biex jagħtuhom libertajiet kemm jistgħu. F’dan iż-żmien naraw li bdiet tiġi fformulata t-teorija tal-proprjetà privatà.

Fl-era moderna, mar-rivoluzzjoni industrijali, qamu ħassieba bħal Smith, Riccardo  u Marx fejn raw fix-xogħol għajn ta’ ġid u prosperità. Minn dawn it-teoriji nibtu l-Kapitaliżmu u Komuniżmu. Il-Knisja minn dejjem ikkundannat lil dawk li jħaddmu lill-ħaddiema li jisfruttawhom filwaqt li jarawhom sempliċement għodda ta’ qligħ. Hija ħadithom ukoll kontra dawk li riedu li d-dritt tal- proprjetà privata  jitneħħa u li kollox ikun ta’ l-istat,  u fissret li sistema bħal din ma tistax taħdem fil-prattika.

Spirtwalità tax-xogħol

Ma nkunux għedna kollox fuq ix-xogħol jekk ma nsemmux l-aspett spiritwali tiegħu kif il-bniedem qiegħed jgħixu fi żminijietna. L-ewwel nett permezz tiegħu l-bniedem jissieħeb mal-ħallieq. Fl-ewwel rakkont tal-ħolqien insibu dan il-kmand ta’ Alla: “Berikhom u qallhom: “Nisslu u oktru u imlew l-art u aħkmuha, u aħkmu fuq ħut il-baħar, fuq tajr is-sema u fuq il-bhejjem kollha li jitkaxkru fuq l-art” ( Ġen 1, 28). Għalhekk il-bniedem permezz tax-xogħol tiegħu,  ikun xi jkun il-forma tiegħu, qiegħed jissieħeb mal-pjan ta’ Alla.

U verament joħroġ minnu bosta ġid għax il-bniedem permezz tal-ħidma tiegħu jkattar il-ġid, li bih ikun jista’ jgħix ħajja diċenti. Ix-xogħol għandu vantaġġi aktar minn hekk. Il-bnedmin jiltaqgħu u jersqu lejn xulxin. Jagħrfu aktar lilhom infushom u jsiru aktar indipendenti filwaqt li jaħlu l-enerġiji tagħhom. Din l-attività  ġġib magħha ċerta sodisfazzjon.

In-nisrani għandu jara li fix-xogħol jagħmel dmiru sewwa u b’ċerta mħabba lejn il-proxxmu. Jekk noqogħdu niflu x-xogħlijiet naraw li kollha jservu biex is-soċjetà  timxi  ‘l quddiem. Fl-aħħar mill-aħħar dan huwa l-pjan ta’ Alla.

Ma nkunux realistiċi jekk ma nsemmux li f’kull xogħol hemm ċerta tbatija. U hawnhekk nilmħu li hemm rabta tal-Ewkaristija max-xogħol. Infatti Sidna Ġesù Kristu għażel li jibqa’ magħna taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-inbid. Dawn huma żewġ prodotti ta’ soċjetà agrikola ta’ żmienu. Għalhekk huma simbolu ta’ xogħol il-bniedem. U għal dan l-iskop fil-quddiesa ssir l-purċissjoni bl-offerti tal-ħobż u l-inbid biex dawn jiġu mogħtija lil Alla bħala offerta. B’dan il-mod waqt il-quddiesa l-insara għandhom joffru t-tbatijiet kollha li jġib miegħu x-xogħol u jgħaqqduh mas-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-salib.

Ix-xogħol huwa importanti iżda wieħed irid joqgħod attent li x-xogħol flok ikun mezz isir skop għalih innifsu. Wieħed jibda jaħdem bla rażan forsi biex jagħmel ċerti kapriċċi li jgħaddi mingħajrhom filwaqt li jkun qiegħed jittraskura d-dmirijiet lejn Alla u anki lejn il-familja tiegħu.

Minn Angelo Xuereb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: