San Ġużepp ikona tal-providenza ta’ Alla

Print Friendly, PDF & Email

Ix-xogħol ta’ San Ġużepp fuq din l-art kien li jieħu ħsieb il-familja ta’ Nażaret. Għalhekk b’xi mod huwa xbieha ta’ Alla li jieħu ħsiebna.

Ġużeppi ħa ħsieb il-familja ta’ Nażaret

San Ġużepp kien dispost biex jagħmel ir-rieda ta’ Alla u ħa ħsieb il-familja ta’ Nażaret bl-akbar kura. Kien jagħmel ix-xogħol ta’ kuljum fil-ħanut tiegħu ta’ mastrudaxxa biex b’hekk bih jgħajjex il-familja. Mhux hekk biss iżda kellu jaddatta ruħu kull meta kien iqum il-bżonn.

Hekk għamel meta Ċesri Awgustu ħareġ id-digriet taċ-ċensiment. L-Evanġelju ta’ San Luqa jgħidilna; “Tela’ Ġużeppi wkoll mill-familja, mill-belt ta’ Nażaret, fil-Lhudija, fil-belt ta’ David, li jisimha Betlem, billi hu kien mid-dar u mill-familja ta’ David, biex jinkiteb ma’ Marija, I-għarusa tiegħu, li kienet tqila” (Lq 2, 4-5). Mhux hekk biss. Minħabba Ġesù kellu jaħrab lejn I-Eġittu u hemmhekk jipprova jgħix f’art u kultura barranija bit-tbatija kollha li ġġib magħha din il-ħajja.

L-Evanġelji jgħidulna dan dwarmSan Ġużepp: huwa li kien min-nisel ta’ David; li meta I-Verġni Marija ħarġet tqila kien ser jibgħatha bil-moħbi u deherlu I-anġlu tal-Mulej f’ħolma. Imbagħad insibu ċ-ċensiment ta’ Ċesare Awgustu u t-twelid ta’ Ġesù f’Betlem; id-dehra ta’ I-anġlu fil-ħolm biex jaħrab lejn I-Eġittu u biex jerġa’ lura u  twissija fil-ħolm biex ma jmurx fil-Lhudija. San Ġorġ Preca jitkellem hekk dwar dawn il-vjaġġ lejn l-Eġittu: “Kemm inkomodi fl-ikel u fix-xorb u fil-kenn! Kemm inkomodi fit-triq! Iżda magħhom kien hemm Dak li ġie biex jgħallem li, jekk Alla jieħu ħsieb it-tajr u l-ġilji tal-għalqa, kemm iżjed jieħu ħsieb tal-bnedmin li jiswew wisq iżjed minnhom” (San Ġużepp, Ħsieb għall-14 ta’ Marzu).

F’San Ġużepp naraw I-għemejjel ordinarji tal-kura tal-familja ta’ Nażaret issir straordinarja. L-għemejjel ta’ kuljum magħmulin: “bi Kristu, fi Kristu u ma’ Kristu” kisbu valur mill-aqwa.  San Ġorġ Preca jikteb: “San Ġużepp huwa l-bniedem magħżul minn Alla biex ikun il-kustodju ta’ Ġesù Kristu u ta’ Marija l-omm verġni tiegħu. Alla fis-sapjenza u fil-providenza u fit-tjubija tiegħu ddispona fuq San Ġużepp din il-kbira missjoni u għaliha tah ukoll kien kien jeħtieġ il-mezzi kollha, tant fil-kors tan-natura kemm ukoll fil-grazzja” (Ġorġ Preca, San Ġużepp p.40).

Nimmaġinaw b’liema għożża San Ġużepp kien jieħu ħsieb il-familja ta’ Nażaret. Kif rajna kien jieħu ħsieb li jipprovdilha l-għajxien ta’ kuljum u pproteġieha meta  kien hemm il-bżonn. Huwa laħaq il-quċċata tal-qdusija b’dan l-istil ta’ ħajja.

Ġużeppi huwa Ikona ta’ Alla

Għalhekk nistgħu ngħidu li San Ġużepp huwa Ikona ta’ Alla li jipprovdi  lill-bnedmin tad-dinja kollha. Ikona hi xbieha bi ftit figuri iżda li jkollha messaġġ qawwi. Għalhekk meta nħarsu lejn ix-xbieha ta’ Ġużeppi għandna nilmħu lil Alla li huwa mimli kollu providenza.

Jekk Ġużeppi, bniedem bħalna kien mimli kollu providenza, kemm aktar Alla huwa l-qdusija fiha nnifisha jieħu ħsieb tad-dinja kollha. San Ġorġ Preca jikteb dan fuq il-providenza divina : “Faħħar dejjem, u bierek dejjem, u rringrazzja dejjem il-provvidenza ta’ Alla. Kull moviment li jsir ma huwiex ħlief att providenzjali tiegħu, għax Alla jħobb il-kreaturi tiegħu kollha, u billi jħobbhom jagħtihom dak kollu li lilhom ikun jeħtieġ. Lanqas għasfur ta’ ħabbtejn ma huwa minsi quddiemu, u dan lanqas ma jaqa’ fl-art mingħajr il-provvidenza tiegħu. Min jifhem it-triqat tas-Sinjur ? u intant f’kollox hemm il-mezz ordinat dejjem għall-ġid” (Is-Sena tas-Sinjur, 16 ta’ Lulju).

Forsi jkun hemm min jiġih dubju rigward il-providenza ta’ Alla u jgħid kif hawn dan il-gwaj fid-dinja ? Veru li f’din id-dinja hawn diversi tbatijiet li ġejjin kemm mid-dnubiet tal-bnedmin u kemm minn diżastri naturali, iżda l-qawwa ta’ Alla hija fost il-bnedmin lesta li tfarraġhom u tagħmlilhom il-qalb.

Biex nikbru fil-fiduċja lejn Alla ma għandiex noqogħdu naħsbu żejjed dwar it-tbatija ta’ madwarna. Għandna nżommu f’moħħna li meta Alla jagħti xi salib jagħti wkoll lil dawk li qegħdin iġorruh il-qawwa. Proverbju Malti jgħidilna : “Skont il-muntanja s-silġ” u hekk Alla żgur li mhuwiex ser jippermetti li ngħaddu minn xi slaleb li ma nifilħuhomx.

Infatti s-slaleb huma mediċina spiritwali għal min jirrassenja ruħu. San Ġorġ Preca jikteb dwar dan: “Ġid iservik li kultant jinqalagħlek xi gwaj, xi salib, għaliex bihom il-bniedem jeħtieġlu jidħol ġewwa fih innifsu, u hemm jintebaħ li fid-dinja ma hawn ebda ħaġa li jista’ jitma fiha (Is-Sena tas-Sinjur, 17 ta’ Novembru).

Fl-aħħar meta nħarsu lejn it-tbatija fid-dinja mil-lenti tal-misteru tal-Għid għandna I-wegħda li t-tajjeb ser jittrijonfa fuq il-ħażin u min bata ma’ Kristu ser jirxoxta miegħu. Din hija wegħda ta’ kuraġġ li turina li għalkemm xi drabi Alla jidher assenti mid-dinja, huwa qiegħed jaħdem.

Lil Alla qatt ħadd ma rah. Iżda huwa bagħat lil Kristu fid-dinja, l-Iben il-waħdieni tiegħu. U anki fil-qaddisin Alla jkompli juri l-wiċċ tiegħu ta’ ħniena u providenza. U Ġużeppi jurina b’mod mill-aktar ċar il-providenza ta’ Alla. Niftakru kemm Santa Tereża ta’ Avila kellha fiduċja kbira fil-providenza ta’ San Ġużepp. Hija tgħid li qatt ma talbitu xi ħaġa li ma ġietx mismugħa minnu.

Għalhekk aħna nkunu fid-direzzjoni t-tajba, jekk fil-ħtiġijiet spiritwali u materjali tagħna nirrikorru lejn San Ġużepp, filwaqt li nerħu ruħna f’idejn il-providenza ta’ Alla, li hija tant kbira.

Minn Angelo Xuereb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: