Santa Tereża ta’ Avila u San Ġużepp


Introduzzjoni

Santa Tereża ta’ Avila twieldet f’Avila fit-28 ta’ Marzu 1515 u mietet f’Alba de Tormes, fl-Ottubru 1582, fi Spanja.

Fis-sena 1535 ħalliet id-dar ta’ missierha u daħlet mas-sorijiet Karmelitani f’Avila. Hemmhekk hija riedet tilħaq il-perfezzjoni spiritwali u għalhekk tatha għat-talb. Bdiet iġġarrab viżjonijiet u estasi. Bdiet tirriforma l-Karmelu u f’dan ir-rigward San Ġwann tas-Salib għenha ħafna. Kitbet diversi kotba fosthom ‘Ktieb tal-Ħajja’ li huwa awtobijografija tagħha, li minnu ser in[ib xi kwotazzjonijiet f’dan l-artiklu.

Dawn is-siltiet li sejjer nġib huma meħuda mill-kapitlu VI tal-‘Ktieb tal-Ħajja’. F’dan il-kapitlu hemm aktar dwar San Ġużepp iżda minħabba l-ispazju għażilt l-aktar importanti.

F’dan il-kapitlu tfisser kemm ser tibqa’ żżomm f’moħħha li l-Mulej kien taha l-grazzja li tibqa’ magħquda ma’ Alla fil-marda li ħakmitha; u żżid tgħid kif għażlet lill-glorjuż San Ġużepp bħala medjatur u avukat tagħha u l-ġid kbir li ġiebha minn din il-għażla.

Silta

Ħadt bħala avukat u patrun tiegħi lill-glorjuż San Ġużepp u ntlaqt f’idejh bl-akbar ħeġġa fit-talb tiegħi. Malajr sibt li dan il-missier u patrun tiegħi ħelisni minn dan il-għawg u minn ħafna għawġ ieħor akbar minnu, mit-telfien ta’ ruħi stess, hekk li huwa qalagħli grazzji bil-wisq aktar milli stajt nitolbu jien. Ma niftakarx lanqas issa li xi darba tlabtu xi ħaġa li hu naqas li jagħtihieli. Nistagħġeb bil-grazzji kbar li Alla għoġbu jagħtini bl-interċessjoni ta’ dan il-qaddis imbierek, u bil-perikli tal-ġisem u tar-ruħ li għoġbu jeħlisni minnhom. Jidher li l-Mulej mar jagħti lil qaddisin oħra l-grazzja li jgħinuna f’xi ħtieġa jew oħra, imma jien għandi l-esperjenza li dan il-glorjuż Qaddis jgħinna f’kull ħtieġa u li l-Mulej irid jgħallimna li kif Huwa nnifsu kien jgħix taħtu fuq din l-art, għax dan il-Qaddis bħala missier li kien iħarsu fuq l-art seta’ jikkmandah. Din kienet ukoll  l-esperjenza ta’ bnedmin oħra li jiena ħeġġiġt jitolbuh bil-ħerqa; u llum ħafna huma dawk li għandhom devozzjoni kbira lejh minħabba li huma nfushom jistgħu jixhdu din il-verità  ….

Nixtieq nagħmel minn kollox biex inħajjar lil kulħadd ħalli jkun devot ta’ dan il-Qaddis glorjuż, għax issa għandi esperjenza kbira tal-barkiet li jista’ jaqlgħalna mingħand Alla. Jiena ma naf b’ħadd li huwa tassew devot tiegħu u li jqimu b’qadi partikulari, li ma mexiex sewwa ‘l quddiem bil-virtù, għax dan il-Qaddis jagħti għajnuna tal-akbar fejda lil dawk l-erwieħ li jintelqu f’idejh. Jidhirli, għal xi snin, ta’ kull sena fil-festa tiegħu tlabtu xi ħaġa, u kull darba qalagħhieli. Jekk it-talba tiegħi ma tkunx tajba għal kollox, huwa jagħmilhieli sewwa għall-akbar ġid tiegħi.

Dawk li jitħarrġu fil-ħajja ta’ talb għandu dejjem ikollhom ġibda speċjali lejh. Ma nafx kif wieħed jista’ jaħseb fis-Sultana tal-Anġli fiż-żmien li hija hekk batiet mal-Bambin Ġesù mingħajr ma jiżżi ħajr lil San Ġużepp għall-għajnuna li ta lilhom it-tnejn. Jekk hemm xi ħadd li ma jistax isib surmast li jgħallmu kif jitlob, ħalli jieħu lil dan il-Qaddis glorjuż bħala għalliem tiegħu u żgur li ma joħroġx mit-triq it-tajba. Li kien il-Mulej jagħmel li jiena ma żbaljajtx meta azzardajt nitkellem minn dan il-Qaddis, għax għalkemm qed nagħmel stqarrija pubblika tad-devozzjoni tiegħi lejh, madankollu dejjem inqast li naqdih u nimitah sewwa. Huwa mexa miegħi kif jaf hu meta fejjaqni u tani l-qawwa li nqum u nimxi; u jiena qed nagħmel kif naf jien meta nuża din il-grazzja b’mod ħażin.

Dawn is-siltiet  fihom dawn il-punti prinċipali.

  1. Għandu jkollna mħabba speċjali lejn San Ġużepp. Nitolbuh dak li jkollna bżonn kemm materjali u kemm spiritwali.
  2. Billi San Ġużepp kien il-missier puttattiv ta’ Ġesù, huwa seta’ jikkmandah..
  3. Min huwa devot ta’ San Ġużepp jimxi  ‘l quddiem fil-virtù.
  4. San Ġużepp jgħallimna nitolbu.
  5. Fil-festa tiegħu nitolbuh xi grazzja.
  6. Wieħed ma jistax jaħseb fil-Verġni Marija mingħajr ma jaħseb f’ San Ġużepp.
  7. Waqt il-mard nitolbu lil San Ġużepp.

Riflessjoni

Forsi xħin tagħsar din is-silta ma ssibx li fiha ħafna tagħlim ġdid dwar San Ġużepp. Iżda din is-silta hija importanti ħafna peress li hija miktuba minn Duttura tal-Knisja u hija l-esperjenza persunali tagħha li hija profonda ħafna.

Biex din is-silta tħalli frott jeħtieġ li nqisu żewġ fatturi. Aħna qegħdin inġarrbu esperjenzi differenti minn dik ta’ Santa Tereża ta’ Avila iżda San Ġużepp huwa l-istess qaddis u l-qawwa tiegħu għadha l-istess. Hekk inkunu nimxu fuq il-passi tag]ha jekk fil-ħajja spiritwali tagħna nitolbu lil San Ġużepp u nimmeditaw il-ħajja tieg]u.

Għalhekk l-esperjenza ta’ San Tereża ta’ Avila nistgħu nagħmluha tagħna billi:

  1. nimmeditaw kemm San Ġużepp kien qrib ta’ Ġesù f’din id-dinja. Kemm kien iħobbu u kemm bata minħabba fih.
  2. Meta nġarrbu kull xorta ta’ problemi jew għawġ nitolbu lil San Ġużepp. Anki quddiem sitwazzjonijiet li jidher li donnu ma hemmx soluzzjoni għalihom inkomplu nitolbu. Huwa ser jgħinna żgur anki billi nirrassenjaw ruħna u naċċettaw is-salib bil-ferħ.
  3. Niċċelebraw il-festa tiegħu billi nersqu għat-tqarbin kif ukoll nitolbuh xi grazzja.
  4. Jekk nimmeditaw il-ħajja ta’ San Ġużepp u nitolbuh l-għajnuna biex nimxu fit-triq tal-virtù, huwa żgur ser jgħinna.
  5. Anki min huwa mbiegħed minn Alla għandu jitlob lil Patrijarka San Ġużepp ħalli jgħinu jikkonverti.
  6. Jekk niltaqgħu ma’ xi diffikultajiet fit-talb nitolbu lil San Ġużepp.

Forsi dawn il-ħsibijiet jidhru infantili. Iżda huma gwida biex nagħmlu esperjenza tagħhom.  Nagħti eżempju:  xi ]a[a tal-ikel tkun taf kemm hija tajba mhux billi toqgħod tħares lejha iżda jekk  idduqha.

Minn Angelo Xuereb

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.