Niċċelebraw il-bidu ta’ sena ġdida ma’ Marija Omm Alla

Print Friendly, PDF & Email

Fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena, meta d-dinja tkun qed tiffesteġja l-bidu ta’ sena kalendarja oħra, il-Knisja Kattolika mad-dinja kollha tiċċelebra s-solennità tal-Imqaddsa Marija Omm Alla, it-Theotokos, l-ewwel domma Marjana tal-Knisja, dikjarata formalment bħala verità tal-fidi mill-Konċilju ta’ Nicea fis-sena 431 wK.

F’din l-okkażjoni qed nippublikaw silta mill-’Assenjatur’, il-laqgħat ta’ kuljum għas-Soċji tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, M.U.S.E.U.M.

Marija, bint, omm u għarusa

Marija għandha rabta mill-iżjed qawwija mat-Trinità, hekk li t-tradizzjoni nisranija ssejħilha – Bint il-Missier, Omm l-Iben ta’ Alla u Għarusa tal-Ispirtu s-Santu. San Ġorġ Preca għandu s-Salve Filia Patris, (Sliem għalik Bint il-Missier),  li tesprimi dawn ir-rabtiet f’talba:

“Sliem għalik, Bint il-Missier,
Sliem għalik, Omm l-ben t’Alla,
Sliem għalik, Għarusa tal-Ispirtu wisq qaddis.
Marija Verġni, tassew li inti kbira
għaliex Dak li jista’ kollox
għamel miegħek ħwejjeġ kbar.
Ismu kbir u wisq setgħani
tal-għaġeb u qaddis.”

Il-Konċilju Vatikan II jgħidilna: “Infatti l-Verġni Marija, li mat-tħabbira tal-anġlu laqgħet f’qalbha u f’ġisimha l-Verb ta’ Alla u tat il-Ħajja lid-dinja, hija magħrufa u meqjuma bħala vera omm ta’ Alla u tal-Feddej. Mifdija b’mod sublimi minħabba l-merti ta’ Binha u magħquda miegħu b’rabta qawwija li ma tinħallx, il-Verġni Marija kienet mogħnija bir-responsabbiltà u bid-dinjità ta’ Omm l-Iben ta’ Alla. Għalhekk hija l-bint l-aktar maħbuba tal-Missier u santwarju tal-Ispirtu s-Santu” (Lumen Gentium Nru. 53).

BINT IL-MISSIER

Il-Missier għandu Iben wieħed biss. Dan huwa Sidna Ġesù Kristu. Dan bl-ebda mod ma jfisser li l-Missier huwa akbar minn Kristu jew li Kristu huwa anqas mill-Missier. Permezz tal-magħmudija l-Missier għamilna wlied adottivi u minn fost il-bnedmin kollha għażel lil Marija bħala bintu. L-ewwelnett Alla ma ħalliex lil Marija tiċċappas bid-dnub tan-nisel kif ukoll reħa lil Ibnu f’idejha. Kien bl-‘Iva’ tagħha li Sidna Ġesù Kristu tnissel permezz ta’ ndħil speċjali tal-Ispirtu s-Santu. Hija tissejjaħ ukoll “Bint il-Missier” għax ħadd fid-dinja ma għoġob lil Alla daqsha.

Tissejjaħ “Bint il-Missier” għax hija “Eva l-Ġdida”. Kif tat l-“Iva” tagħha sabiex Sidna Ġesù Kristu jitnissel fil-ġuf tagħha, hija tat l-“Iva” tagħha sabiex Kristu jmut bħala vittma fuq il-Kalvarju. Hekk ħadd daqsha ma kien qribu. Ħadd ma kien mimli bil-grazzja daqsha. Il-Papa Pawlu VI jgħallem fl-Eżortazzjoni Appostolika Marialis Cultus:

Il-kobor waħdieni ta’ Marija, ‘Omm l-Iben ta’ Alla u għalhekk Bint l-aktar maħbuba tal-Missier, u l-għamara tal-Ispirtu s-Santu; għaliha dan ir-rigal ta’ grazzja speċjali kien bil-bosta qabel kull ħlejqa oħra, kemm tas-sema kif ukoll tal-art’; is-sehem tagħha fil-ħinijiet l-aktar importanti fil-ġrajja tal-fidwa, imwettqa mill-Iben, il-qdusija tagħha, sħiħa fit-tnissil bla tebgħa u li żdied kull meta ngħaqdet mar-rieda tal-Missier u għaddiet mit-triq tat-tbatija (Lq 2, 34-35; 2, 41-52; Ġw 19, 25-27), tikber il-ħin kollu fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba (Marialis Cultus, Nru. 56).

OMM L-IBEN TA’ ALLA

Il-Missier reħa f’idejn Marija l-missjoni li tkun Omm Ibnu. Għalhekk la l-Iben huwa Alla daqs il-Missier, hija Omm l-Iben ta’ Alla. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħidilna: “Għall-ewwel darba fil-pjan tas-salvazzjoni, il-Missier sab, għax ħejjieha l-Ispirtu s-Santu, għamara fejn Ibnu u l-Ispirtu s-Santu setgħu jgħammru fost il-bnedmin” (KKK 721).

Sidna Ġesù Kristu huwa l-iben naturali ta’ Marija iżda li tnissel permezz tal-Ispirtu s-Santu. Kull bniedem li hawn fid-dinja tnissel mill-partijiet tar-raġel u tal-mara. Sidna Ġesù Kristu kellu wkoll missieru li huwa l-Missier etern u ommu fil-veru sens tal-kelma li hija Marija. It-tnissil ta’ Ġesù sar b’miraklu, kif għedna, tal-Ispirtu s-Santu. Iżda l-Ispirtu s-Santu ma jissejjaħx missier Ġesù, peress li  għandu Missier wieħed li huwa l-Missier etern.

Marija ma kinitx  biss dik il-persuna li permezz tal-‘Iva’ tagħha tnissel Ġesù u tatu t-twelid, iżda kompliet trabbih sakemm offrietu bħala vittma għas-sagrifiċċju fuq il-Kalvarju. Mhux biss rabbietu iżda kienet kontinwament taħseb fuqu. L-Evanġelju ta’ San Luqa jesprimi din ir-realtà: “Marija min-naħa tagħha baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2, 19).

GĦARUSA TAL-ISPIRTU S-SANTU

Ir-rabta ta’ Marija mal-Ispirtu s-Santu hija waħda mill-iżjed intima. Ta’ min jinnota li l-Ispirtu s-Santu niżel għal tliet darbiet fuqha b’mod speċjali.

  1. Fit-tnissil immakulat tagħha, fejn Huwa għamilha tempju tiegħu u santwarju li fih kellu jilqa’ lil Ġesù fih. Din kienet missjoni inviżibbli tal-Ispirtu s-Santu.
  2. Fit-tħabbira tal-Mulej, l-Ispirtu s-Santu dellel lil Marija u għamilha l-Arka l-ġdida tal-patt. Kif l-Arka tat-Testment il-Qadim kellha bosta ħwejjeġ għeżież għall-poplu lhudi fiha, hekk Marija l-Arka tat-Testment il-Ġdid kellha tilqa’ lil Ġesù fiha. Din kienet missjoni viżibbli tal-Ispirtu s-Santu.
  3. Fil-Pentekoste, Marija kienet preżenti għall-inżul tal-Ispirtu s-Santu taħt ix-xbieha tal-ilsna tan-nar flimkien mal-appostli. Din ukoll kienet missjoni viżibbli tal-Ispirtu s-Santu.

Marija hija sinjal ħaj tal-Ispirtu s-Santu, peress li Kristu tnissel f’ġufha permezz tal-ħidma divina tiegħu. Marija ma kinitx strument passiv tal-Ispirtu s-Santu, iżda qabel tefa’ l-azzjoni divina tiegħu, Alla ried l-‘Iva’ tagħha.

Marija hija qrib tal-Ispirtu s-Santu billi kkooperat fl-opra tas-salvazzjoni u għall-qdusija eċċezzjonali tagħha. Sabiex ruħha tkun imħejjija biex tilqa’ u twettaq l-ispirazzjonijiet kollha tal-grazzja, l-Ispirtu Qaddis ta’ Alla sawwab fiha bil-kotra d-doni tiegħu.

(mill-’Assenjatur’, il-laqgħat ta’ kuljum għas-Soċji tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, M.U.S.E.U.M.)

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading