Marija u l-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

Jekk inħarsu lejn l-istorja tal-Knisja naraw li l-Knisja dejjem tat il-qima ta’ kult Iperdulija lil Verġni Marija.  Hemm rabta fil-fond bejnha u l-Knisja.

Kemm Marija u kemm il-Knisja huma Ommijiet

L-ewwelnett nispjegaw ftit il-maternità ta’ Marija. Permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu, Sidna Ġesù Kristu tnissel fiha u hija tatu tid-dinja. Meta nsemmu dan il-miraklu tal-għaġeb ta’ l-Inkarnazzjoni, ma nistgħu ma nsemmux il-fidi mill-aktar kbira ta’ Marija. Hija aċċettat il-pjan ta’ Alla permezz ta’ ubbidjenza kbira. Il-Konċilju Vatikan II jgħidilna:

Għaliex bil-fidi u l-ubbidjenza tagħha ġġenerat fuq l-art l-istess Iben tal-Missier, mingħajr ma għarfet raġel, imma taħt id-dell ta’ l-Ispirtu s-Santu, bħal Eva ġdida, emmnet mhux lis-serpent il-qadim iżda lill-ħabbar ta’ Alla, u emmnitu b’fidi mhux mittiefsa b’xi dubju. Hija mbagħad wildet Iben, li Alla għamlu l-kbir fost ħafna aħwa (Rum 8, 29), jiġifieri fost il-fidili, li għat-twelid mill-ġdid, u l-formazzjoni, tagħhom hija tikkoopera b’imħabba ta’ Omm.” (Lumen Gentium  63)

Bħal Marija, il-Knisja hija Omm. Hija tagħti twelid spiritwali permezz tal-magħmudija u permezz ta’ tal-predikazzjoni. Infatti l-magħmudija hija s-sagrament per eċċellenza tal-maternità tal-Knisja. Infatti permezz ta’ dan is-sagrament, il-Knisja ssir omm ta’ membri ġodda.

Ir-rabta bejn Marija u l-Knisja  hija tant kbar li s-Santi Padri jxebbhu l-battisteru, jiġifieri l-post fejn kienet issir il-Magħmudija, mal-ġuf ta’ Marija. Infatti San Iljun il-Kbir jgħidilna: “Għal kull bniedem li jitwieled mill-ġdid, l-ilma tal-magħmudija huwa xbieha tal-ġuf ta’ Marija: l-istess Spirtu s-Santu, li għamel fertili lil Verġni, jagħmilna wkoll għammiela fil-fonti tal-magħmudija.”

Kemm Marija u l-Knisja huma Verġni

Marija hija Verġni għax it-tnissil ta’ Kristu ma sarx b’intervent ta’ raġel iżda permezz tal-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu. Marija hija wkoll Verġni f’qalbha billi kienet marbuta totalment mar-rieda ta’ Alla. Hija kienet imbierka “għax żammet il-kelma ta’ Alla: mhux għaliex fiha l-Kelma saret laħam u għammret fostna; imma billi żammet l-istess Kelma ta’ Alla li biha kienet magħmula, u li fiha saret laħam.”

Il-Knisja hija wkoll verġni. Il-Konċilju Vatikan II jgħidilna: “Il-Knisja hi wkoll verġni li tħares sħiħa u safja l-kelma li tat lill-Għarus tagħha u, waqt li timita l-Omm tal-Mulej tagħha, tħares verġinalment sħiħa l-fidi, qawwija t-tama, sinċiera l-karità” (Lumen Gentium, 64).

Il-Knisja hija verġni minkejja li matul is-sekli bosta minn uliedha ma kinux ta’ eżempju. Il-Konċilju Vatikan II jgħidilna: “Għad li l-Knisja, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, baqgħet għarusa fidili tal-Mulej tagħha u qatt ma waqfet li tkun sinjal ta’ salvazzjoni fid-dinja, b’danakollu hija taf li fost il-membri tagħha, sew kjeriċi sew lajċi, matul il-ħafna mijiet ta’ snin li għaddew ma naqsux uħud li kienu infidili lejn l-Ispirtu ta’ Alla” (Gaudium et Spes, 43).

Marija tieħu ħsieb il-Knisja

Wara li Ġesù tela’ s-sema, Marija waqfet bit-talb tagħha mal-Knisja. Narawha titlob id-don ta’ l-Ispirtu s-Santu ma’ l-Appostli, li fit-tħabbira tal-Mulej kien diġà tefa’ d-dell tiegħu fuqha. Imbagħad, permezz tat-tlugħ tagħha fis-sema hija issieħbet b’mod speċjali ma’ Sidna Ġesù Kristu, rebbieħ fuq il-mewt u fuq id-dnub. Barra minn hekk, it-tlugħ ta’ Marija fis-sema huwa tħabbira minn qabel tal-qawmien mill-imwiet ta’ l-insara l-oħra.

Marija hija Ommna fl-ordni tal-grazzja. Il-Konċilju Vatikan II jgħidilna: “b’hekk hi kellha sehem speċjali fil-ħidma tas-Salvatur, u bl-ubbidjenza tagħha, bil-fidi, it-tama u l-ħeġġa tal-karità, hi kkoperat miegħu biex l-erwieħ jiksbu mill-ġdid il-ħajja sopranaturali. Minħabba f’hekk, hija kienet għalina omm fl-ordni tal-grazzja.” (Lumen Gentium, 61).

Il-Konċilju Vatikan II, fl-istess dokument jgħidilna:

Din il-maternità ta’ Marija fl-ordni tal-grazzja baqgħet dejjem, mill-mument li tat il-kunsens tagħha b’fedeltà sħiħa fit-tħabbira ta’ l-anġlu, bil-qawwa kollha żammitha ħdejn is-salib u tibqa’ żżommha sal-mument meta l-magħżulin kollha jaslu għall-milja sħiħa tagħhom. Imtellgħa fis-sema, ma warrbitx minnha dan id-dmir tagħha ta’ salvazzjoni, imma, bl-interċessjoni dejjem sejra tagħha għadha taqlgħalna l-grazzji kollha li neħtieġu għas-salvazzjoni ta’ dejjem. Hu għalhekk li fil-Knisja aħna, lill-Verġni Marija nitolbuha u nsejħulha bit-titoli ta’ avukata, ta’ awżiljatriċi, ta’ sokkorritriċi, u ta’ medjatriċi.” (Lumen Gentium, 62).

Il-ħidma ta’ Marija ma ċċajpar bl-ebda mod il-medjazzjoni waħdanija ta’ Kristu. Infatti din il-ħidma ta’ Marija tiddependi għalkollox fuq il-medjazzjoni waħdanija ta’ Kristu li kisbilna l-grazzja permezz tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Iżda, kif is-saċerdozju ministerjali ma jeskludix dak tal-fidili, hekk ukoll il-medjazzjoni unika ta’ Kristu ma teskludix il-ħidma ta’ Marija.

Il-kult tal-Verġni Marija

Il-kult li nagħtu lil Marija, kif għedna jissejjaħ Iperdulija. Jiġifieri ma tingħatax adorazzjoni li hija biss ta’ Alla, iżda nagħtuha qima aktar mill-qaddisin. U bir-raġun kollu. L-insara, sa minn żminijiet imbegħdin, qiemu lil Marija bħala Omm Alla u rrikorrew għandha fil-ħtiġijiet kollha tagħhom kemm materjali u kemm spiritwali. Meta nagħtu din il-qima lil Marija, inkunu nfaħħru lil Alla għaliex inkunu qegħdin nuru l-fidi tagħna li Kristu twieled minn mara u għalhekk huwa bniedem bħalna f’kollox, minbarra d-dnub. Ta’ min isemmi  li l-privileġġi ta’ Marija huma dejjem f’kuntest kristoloġiku. Infissru aktar. Hekk it-Tnissil bla Tebgħa ta’ Marija jfisser li Kristu twieled minn mara li lanqas għall-waqt wieħed ma kienet ilsira tax-xitan. Il-maternità divina tfakkarna li Kristu huwa t-tieni persuna tat-Trinità u l-Assunzjoni tagħha tfakkarna li saret aktar qrib ta’ Binha b’qawmien li jixbah lil tiegħu.

Il-kult lejn Marija jġib ‘il quddiem il-kult lejn Alla. Dan nistgħu narawh mit-talba tar-Rużarju, li huwa l-Evanġelju kollu miġbur fil-qosor, kif jistqarr il-Kardinal John Henry Newman.

Marija – Ikona eskatoloġika tal-Knisja

Ser nikkwota parti mill-Katekiżmu tal-Knisja  Kattolika sabiex naraw kif il-Knisja tħares lejn Marija sakemm tasal fil-milja eskatoloġika tagħha:

Wara li tkellimna fuq il-Knisja, fuq il-bidu tagħha, il-missjoni tagħha u d-destin tagħha, tajjeb li nagħlqu b’ħarsa lejn Marija biex fiha nikkontemplaw x’inhi l-Knisja fil-Misteru tagħha, fil-“mixja tagħha tal-fidi”, f’dak li għad tkun, wara li ttemm il-mixja tagħha, u tasal f’pajjiżha fejn hemm tistennieha “fil-glorja tat-Trinità Qaddisa”, “fix-xirka tal-qaddisin kollha”, u dik li l-Knisja tqim bħala Omm il-Mulej u Omm tagħha wkoll.

Il-Konċilju Vatikan II jispjega l-istess idea b’dan il-mod:

Kif fis-sema, Omm Ġesù, ġa fil-glorja bir-ruħ u l-ġisem, hi xbieha u bidu ta’ dak li l-Knisja għad tkun fiż-żmien li jrid jiġi, hekk hawn fuq l-art, sa ma jseħħ Jum il-Mulej, Omm Alla hi sinjal jiddi ta’ tama żgura u ta’ faraġ għall-Poplu ta’ Alla fil-mixi tiegħu lejn is-sema.

(mill-’Assenjatur’, il-laqgħat ta’ kuljum għas-Soċji tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, M.U.S.E.U.M)

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: