Mulej, ħenn għalina


Il-Ħamis, 31 ta’ Diċembru 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-Papa Silvestru approva d-deċiżjonijiet tal-Konċilju ta’ Niċea (325 WK), li mingħajr tlaqliq stqarr li l-Iben ta’ Alla sar bniedem, li mhux Ġesù kien bniedem imbagħad Alla għamlu ibnu, għażlu, u adotttah bħala ibnu, imma li Ġesù ta’ Nazaret minn dejjem kien l-Iben ta’ Alla minn dejjem, il-Verb fi ħdan il-Missier li sar bniedem “u l-Verb sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1:14).

“Lil Alla għadu ħadd ma rah,” jgħid San Ġwann fl-Evanġelju li għadna kemm qrajna, “imma għarrrafulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla li hu fi ħdan il-Missier” (Ġw 1:18). L-espressjoni “li hu fi ħdan l-Missier” tfisser li hu Alla minn Alla, dawl minn dawl. Fil-fatt, dan l-ewwel kapitlu ta’ San Ġwann juża x-xbieha sabiħa tal-Iben ta’ Alla li huwa fi ħdan il-Missier, Alla minn Alla, imma wkoll juża t-tixbiha sabiħa tad-dawl. “Hu li kien fil-bidu ma’ Alla” (Ġw 1:2), huwa d-dawl li jiġi fid-dinja.

“Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul, natura waħda mal-Missier u bih sar kollox” (Kredu). Din hija l-fidi li twieldet fis-sena 325 f’Niċea f’dan il-konċilju kbir li tana l-Kredu li aħna nitolbu kull nhar ta’ Ħadd u fis-solennitajiet il-kbar u li kien approvat ukoll mill-Papa San Silvestru.

San Silvestru ma kienx imur għall-konċilji. Kellu din l-idea li hu, bħala Isqof ta’ Ruma, irid jibqa’ Ruma, tagħlima kbira għalina l-isqfijiet. Niftakar darba minnhom, ftit tas-snin ilu, kont mort il-kors li jagħmlu lill-isqfijiet il-ġodda u l-Papa Franġisku kien qalilna biex ma nkunux isqfijiet tal-ajruport, li moħħna biss biex nitilqu minn fejn aħna isqfijiet. Ovvjament, hu mbagħad laħaq batni xi mkien għal xi qadja, imma dan għamiltu b’ubbidjenza lejh. L-isqof irid jibqa’ mal-merħla tiegħu, mal-poplu tiegħu.

Il-Papa Silvestru tant kemm kien jieħu bis-serjetà l-missjoni tiegħu li kien jgħid li hu mhux se jiċċaqlaq minn ħdejn il-poplu tiegħu u f’każ li waqt il-konċilju kienet tittieħed deċiżjoni, hu bħala Isqof ta’ Ruma, imbagħad kien jagħti l-approvazzjoni tiegħu. U proprju waqt il-Konċilju ta’ Niċea l-Papa Silvestru approva d-deċiżjoni importanti.

Il-Konċilju ta’ Arles (314 WK), konċilju li ma tantx hu magħruf, bl-approvazzjoni tal-Papa Silvestru stabilixxa t-tagħlim importanti tal-Knisja li s-sagramenti li aħna s-saċerdoti nagħtu lill-poplu ma jiddependux mill-qdusija tagħna — allaħares — imma jiddependu mill-qawwa ta’ Ġesù. Jiġifieri l-isqof jew is-saċerdot jista’ jkun għandu bżonn jagħmel qrara tajba, imma s-sagrament li jagħtik xorta jwassal il-grazzja ta’ Ġesù. Alla qed juża lilna qaddejja dgħajfa, bla ħila, mingħajr ma jistħoqqilna, biex iwassal il-grazzja tiegħu. U din kienet tagħlima importanti li approva l-Papa Silvestru: li l-qawwa ta’ Ġesù hija dik li taħdem fl-Ewkaristija, fil-qrar, fil-magħmudija, fiż-żwieġ, fis-sagrament tal-griżma tal-morda, u fis-sagramenti l-oħra, u mhux il-qdusija tal-qassis. Il-qdusija tas-saċerdot tgħin ħafna imma mhijiex hi l-essenza tal-grazzja li tingħata.

Nirringrazzjaw lil Alla ta’ dawn il-qaddisin li fost sofferenzi kbar għażlu jkunu fidili lejn it-tagħlim tal-Evanġelju u b’mod speċjali lejn il-ħniena kbira ta’ Alla. Aħna u nispiċċaw sena u nibdew oħra, għandna bżonn din il-ħniena u nitolbu ’l Mulej biex tassew iħenn għalina.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Ġw 2, 18-21
Salm: 95 (96), 1-2.11-12.13
Evanġelju: Ġw 1, 1-18

Sors: www.knisja.mt