Żwieġ u Familja fit-tagħlim tal-Papa Benedittu XVI

Print Friendly, PDF & Email

Il-Familja naturali, pedament tal-paċi dinjija. (l- 1 ta’ Jannar, 2008)

  • “Il-familja naturali, imwaqqfa fuq żwieġ bejn raġel u mara, hija l-benniena tal-ħajja u tal-imħabba u l-ewwel u l-aqwa għalliema tal-paċi.”
  • “F’familja soda nsibu l-elementi fundmentali tal-paċi…. ġustizzja u mħabba bejn l-aħwa; l-irwol ta’ awtorità min-naħa tal-ġenituri; interess mimli mħabba lejn il-membri tal-istess familja li huma x’aktarx dgħajfa minħabba ż-żgħorija, il-mard, jew ix-xjuħija; imħabba reċiproka li ġġegħlna ngħinu lil xulxin u li naħfru lil xulxin.”
  • “Dan kollu jgħin biex il-familja tkun l-ewwel u l-aqwa għalliema tal-paċi. Minħabba f’hekk, vjolenza fi ħdan familja, hija mistmerra bil-bosta, aktar u aktar meta l-familja hi meqjusa bħala ċellula fundamentali tas-soċjetà.”
  • “Fejn jistgħu ż-żgħar jibdew jitgħallmu igawdu bil-mod mit-‘togħma’ ġenwina tal-paċi jekk mhux minn ġol-“bejta” naturali li n-natura ħejjiet għalihom? L-ilsien tal-familja hu l-ilsien tal-paċi; minnu rridu nistgħanew inkella nitilfu t-tifsira tal-paċi.”
  • “Minkejja it-taħdit  żejjed li jingħad, is-soċjetà qatt ma tista’ tieqaf milli tirriferi għall-‘grammatika’ li t-tfal kollha jitgħallmu mill-bixriet u l-azzjonijiet ta’ ommijiethom u ta’ missirijiethom anki qabel ma dawn jitgħallmu jitkellmu.”
  • “Il-familja tinħtieġ li jkollha dar, xogħol, u għarfien ġust ta’ dak li jwettqu l-ġenituri f’darhom, il-possibbiltà ta’ skola għat-tfal, u kura tas-saħħa bażika għal kull membru. Meta s-soċjetà tonqos milli tonora dan, tkun qed iċċaħħad lilha nfisha minn sors tant importanti għall-paċi.”
  • “Il-media tal-komunikazzjonijiet soċjali,  b’mod speċjali minħabba il-potenzjal edukattiv tagħha, għandha r-responsabbiltà li tqanqal rispett lejn il-familja billi tkun ċara dwar l-aspettativi u d-drittijiet tagħha, u turi s-sbuħija tagħha.”
  • “Ma rridux ninsew li l-familja hi li hi minħabba l-‘iva’ ċara u responsabbli ta’ raġel u mara, u li din tkompli tgħix mill-‘iva’ rikonoxxentitat-tfal li bil-mod il-mod jibdew isiru parti minnha. Il-komunità tal-familja, biex timxi ‘l quddiem, trid il-kunsens qawwi tal-membri kollha tagħha.”

“Waqt li l-avvanzi xjentifiiċi u teknoloġiċi jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira, x’uħud minnhom jistgħu jtellfu l-identità tal-persuna umana u tal-familja. Inħeġġeġ lill-komunità internazzjonali timxi b’ġustizzja meta tiġi biex tħares id-drittijiet tal-bniedem.” (Il-Papa jindirizza lill-Ġnus Magħquda fit-18 ta’ April, 2008)

Ħeġġiġt lill-Isqfijiet biex jitkellmu dwar l-argumenti morali u soċjali li għaddejjin minnhom preżentament biex jwettqu lil-lajċi ħalli dawn ikunu l-ħmira qalb il-komunità ‘mma qabel kollox fi ħdan il-familja. Ħeġġiġthom biex jerġgħu jipproponu is-Sagrament taż-Żwieġ bħala rigal u mpenn li ma jistax jinħall bejn raġel u mara, bil-għan prinċipali li jilqgħu u jrabbu t-tfal. Il-Knisja u l-familja, flimkien mal-iskola, speċjalment skejjel b’ispirazzjonijiet Kristjani – għandhom jaħdmu flimkien biex joffru liż-żgħar edukazzjoni morali tajba, imma f’din il-ħidma dawk li jaħdmu fil-komunikazzjonijiet u  fid-divertiment għandhom ukoll responsabbiltà kbira”. (Pjazza San Pietru, l-Erbgħa, 30 ta’ April, 2008, wara l-mawra fl-Amerika)

Deus Caritas Est

L-ewwelnett niftakru fil-firxa l-aktar wiesgħa fit-tifsira tal-kelma “mħabba”: nitkellmu fuq l-imħabba ta’ pajjiżna, kif ukoll fuq l-imħabba għall-professjoni tagħna, l-imħabba bejn il-ħbieb, l-imħabba għax-xog˙ol, l-imħabba bejn ġenituri u wlied, bejn l-aħwa ul-familjari, l-imħabba lejn għajrna u l-imħabba lejn Alla. B’dankollu fost dawn it-tifsiriet kollha, tispikka tassew b’mod partikulari l-imħabba bejn raġel u mara, fejn ġisem u ruħ jingħaqdu biex ma jinfirdu qatt u fejn il-bnedmin ikollhom ħjiel ta’ wegħda ta’ hena li ma tistax tegħlibha. Din tista’ tidher bħala l-milja tal-imħabba u kull forma oħra ta’ mħabba  titbiel quddiemha. (Il-problema tal-ilsien/lingwa)

F’orjentament mibni fil-ħolqien, l-imħabba eros tmexxi l-bniedem lejn iż-żwieġ, jiġifieri lejn çerta rabta li hi mmarkata b’mod waħdieni u definit. Hekk, u hekk biss, iseħħ l-għan intimu tal-bniedem. Iż-żwieġ bejn raġel wieħed u mara waħda jaqbel max-xbieha ta’ Alla wieħed. Iż-żwieġ imsejjes fuq l-imħabba esklussiva u definita jsir ix-xbieha (ikona) tar-relazzjoni ta’ Alla mal-poplu Tiegħu u tal-poplu ma’ Alla; il-mod kif Alla jħobb isir il-kejl tal-imħabba umana. Din ir-rabta intimà bejn l-imħabba – eros u ż-żwieġ fil-Kotba Mqaddsa, wieħed, kważi jista’ jgħid, li ma jsibx bħalha f’ebda ktieb ieħor. (X’hemm ġdid fil-fidi Biblika)

“…kull ħaġa li sservi biex iddgħajjef lill-familja mibnija fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara, kull ħaġa li direttament jew indirettament tfixkel biex din b’responsabbiltà tkun lesta li taċċetta ħajja ġdida, kull ħaġa li xxekkel id-dritt tagħha li primarjament hi responsabbli għall-edukazzjoni tat-tfal tagħha, din toħloq ostaklu oġġettiv fit-triq lejn il-paċi” (mill-messaġġ fil-Jum Dinji tal-Paċi, 2008)

“ Il-Familja hi istituzzjoni unika fil-pjan t’Alla, u l-Knisja ma tistax tieqaf milli xxandarha u tippromwovi l-importanza fundamentali tagħha” (8 ta’ Lulju, 2006, fi Spanja, il-Papa favur il-Familja)

“ Skont  l-Evanġelji  ta’ San Mattew u San Luqa, ejjew inħarsu lejn Ġesù, Marija, u Ġużeppi, u naduraw il-misteru ta’ Alla li għażel li jitwieled minn mara, il-Verġni Mqaddsa, u ġie fid-dinja bħal kull bniedem ieħor. B’dan il-mod Hu qaddes ir-realtà tal-familja, imlieha bi grazzja divina, biex żvela il-vokazzjoni u l-missjoni tagħha.” (8 ta’ Lulju, 2006, fi Spanja, il-Papa favur il-Familja)

“Il-Familja Mqaddsa ta’ Nażaret hija il-veru  mudell ta’ kull familja Nisranija li, maqgħudha fis-Sagrament taż-Żwieġ u msoqqija bil-Kelma u bl-Ewkaristija, hija msejħa biex  taqdi il-vokazjoni u l-missjoni meraviljużi tagħha bħala ċellula ħajja mhux biss fis-soċjetà ‘mma wkoll fil-Knisja, sinjal u strument ta’ għaqda għall-umanità kollha.” (8 ta’ Lulju, 2006, fi Spanja, il-Papa favur il-Familja)

Minn Ħajr lil Harry Agius Ordway

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: