DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. GEORGE ABELA, PRESIDENT TA’ MALTA WAQT IL-KONFERENZA NAZZJONALI FUQ ‘IL-FAMILJA: ILBIERAĦ, ILLUM, GĦADA’. ID-DOLMEN HOTEL, BUĠIBBA. IS-SIBT 23 TA’ JANNAR 2010.
It-tema magħżula għal din il-konferenza hijaIl-Familja: Ilbieraħ, Illum u Għada. Qabel nibdew nikkunsidraw il-passat, il-preżent u l-futur, tajjeb li nistabbilixxu dak li huwa permanenti u immutabbli u jittraxxendi ż-żmien u l-ispazju dwar x’nifhmu b’familja, jew, tal-inqas, x’inhi l-fehma tiegħi. Il-familja hija impenn għat-tul tal-ħajja bejn raġel u mara, li jista’ jirriżulta fil-prokreazzjoni ta’ individwi ġodda li jagħmlu parti mis-soċjeta’, impenn ċentrali u fondamentali għall-ħajja soċjali. Fil-kulturi kollha, l-iktar idea fondamentali tal-familja hija li kull wild għandu bżonn ta’ missier u omm. Iż-żwieġ u l-familja għandhom ikunu mwieżna u sostenuti u mhux imminati u mdgħajfa. Kull persuna għandha d-dritt li tieħu sehem sħiħ fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika tal-pajjiż u għandha fl-istess ħin id-dmir li taħdem għat-tkabbir tal-ġid komuni u t-tisħiħ tas-soċjeta’ kollha li tagħha l-familja hija l-pedament. Kull persuna għandha d-dritt għall-ħajja familjari li permezz tagħha tista’ tiżviluppa l-kapaċitajiet fiżiċi, intellettwali, psikoloġiċi u soċjali li mbgħad tista’ tinqeda bihom għall-ġid tagħha nfisha u tas-soċjeta’ li tgħix fiha.
Id-deċizjoni ta’ koppja li tiżżewweġ hija waħda libera u privata iżda l-effetti tagħha m’humiex limitati għall-isfera privata biss, imma jidħlu wkoll fid-dominju pubbliku u soċjali. Il-familja, mela, mhix sempliċi kuntratt matrimonjali għalkemm il-kunċett ta’ familja li writna tul sekli ta’ esperjenza huwa rifless fil-liġijiet tagħna dwar il-familja. Il-liġijiet ukoll evolvew matul iż-żmien u llum il-ġerarkija familjari patrijarkali nbidlet għal waħda fejn l-awtorita’ u r-responsabilitajiet jirriflettu aktar l-ugwaljanza bejn il-miżżewġin. Il-futur tal-familja jista’ jkun jiddependi fuq kemm il-kunċett ta’ familja li writna se jiġi kontrobilanċjat ma’ kunċetti ġodda li żviluppaw fl-aħħar snin fl-Ewropa u bnadi oħra tad-dinja bħal l-Istati Uniti.
Il-familja eżistiet qabel l-Istat għax hija naturali: Id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Dwar id-Drittijiet Umani tiddefinixi l-familja bħala the natural and fundamental group unit of society. L-Istat jista’ biss jirregola ċerti aspetti tagħha u joffrilha protezzjoni – l-istess dikjarazzjoni tkompli tgħid li l-familja is entitled to protection by society and the State. Il-familja, madankollu, hija indipendenti mill-Istat fejn tidħol it-trażmissjoni ta’ valuri lill-ulied għax dan jibqa’ prerogattiva tal-ġenituri u l-ebda Stat demokratiku m’għandu d-dritt jindaħal f’dan. Il-Kodiċi Ċivili tagħna jillimita ruħu li jimponi l-obbligu fuq il-ġenituri li jieħdu ħsieb, imantnu, jgħallmu u jedukaw lil uliedhom mingħajr ma jispeċifika kif u x’tagħlim u valuri għandhom jgħaddulhom.
Karatteristika vitali ta’ familja soda hija l-istabilita’, is-sikurezza psikoloġika għall-membri tagħha li jafu li, jiġri x’jiġri, fil-hena jew fin-niket, meta għandhom raġun u meta għandhom tort, se jsibu l-wens tal-għeżież tagħhom. Din il-protezzjoni reċiproka hija essenzjali mhux biss għall-koppja imma wkoll għall-ulied li waqt it-trobbija tagħhom, fil-mixja kultant skabruża u avventuruża, mill-infanzja għall-adolexxenza sal-eta’ adulta, anki meta jħossu li jridu jirribellaw kontra t-tradizzjoni u l-konformita’, naħseb li kollha jixtiequ jsibu, biex nissellef frażi ta’ Franco Battiato, “ċentru ta’ gravita’ permanenti” li huwa rappreżentat bil-mod l-aktar stupend mill-familja.
Il-liġijiet ċivili tagħna ma jagħtux definizzjoni espliċita ta’ x’inhu żwieġ. Din il-lakuna qiegħda hemm biex tħalli t-triq miftuħa għal interpretazzjoni wiesgħa tal-kelma “żwieġ” sabiex fil-futur tinkludi unjonijiet diversi minn dawk bejn mara u raġel jew għax it-tifsira tal-kelma kienet tant evidenti li ma kellhiex bżonn ta’ definizzjoni? Sa issa, il-kunċett u l-prattika soċjali li fuqhom għadhom ibbażati l-liġijiet tagħna dwar iż-żwieġ, partikolarment in-neċessita’ li l-unjoni matrimonjali tkun bejn mara u raġel, għandhom l-għeruq tagħhom fl-għarfien realistiku tan-natura umana u d-differenzi bejn is-sessi. Dan jinkludi inevitabilment li l-unjoni bejn is-sessi differenti biss tista’ tirriżulta fil-prokreazzjoni. Il-familja kif fhimnieha s’issa hija fuq kollox ta’ natura bioloġika għax għandha rabta intrinsika mal-prokreazzjoni u r-responsabilita’ tat-trobbija tal-ulied. Il-liġi tista’ tippermetti unjoni differenti minn dik bejn mara u raġel u ssejħilha “żwieġ”, għax iż-żwieġ hu kunċett regolat mid-dritt, imma żwieġ bħal dan jista’ jagħti lok għal familja? Fi kliem ieħor, unjonijiet li m’humiex bejn mara u raġel, jistgħu jissejħu familja?
Dan ma jfissirx li ma jistgħux isiru liġijiet li jipprovdu għal ċerti drittijiet reċiproċi fejn jidħlu koppji tal-istess sess f’relazzjoni stabbli, imma dan jista’ jissejjaħ żwieġ?
F’ċerti pajjiżi, fuq l-iskorta ta’ interpretazzjoni ta’ unjonijiet bħal dawn bħala “żwieġ”, ingħata d-dritt tal-adozzjoni. L-adozzjoni kif hija mifhuma fil-liġi tagħna, hija istituzzjoni sabiħa intiża prinċipalment għall-ġid tal-adottat bil-ħsieb li dan jintegra ruħu ġo familja bħal kwalsiasi wild ieħor u mingħajr ebda distinzjoni mal-ulied naturali, jekk ikun hemm. Jiena nistaqsi jekk adozzjoni minn koppji tal-istess sess tistax tipprovdi mudell ta’ familja naturali u jekk l-adottat jistax ikun diżorjentat psikoloġikament u soċjalment minn sitwazzjonijiet bħal dawn.
Fl-imgħoddi, il-mudell tal-familja kien dak patrijarkali u l-liġijet tagħna, imsejsa fuq id-dritt Ruman tal-paterfamilias, kienu jirriflettu din it-tradizzjoni marbuta aktarx mal-ambjent rurali fejn il-ġid kien jiddependi mill-art. Il-kap tal-familja kien ir-raġel – missier li kellu awtorita’ paternali u kien l-amministratur patrimonjali waħdieni tal-komunjoni tal-akkwisti. Kien “padre padrone”, l-awtorita’ tiegħu indiskussa. Il-mara kienet tiddependi kważi totalment minn żewġha għax ma kellha ebda fonti ta’ gwadann personali minħabba li ma kinitx taħdem għall-qliegħ. Is-servizzi soċjali jew kienu ineżistenti jew inkella inadegwati.
Hawnhekk wieħed jistaqsi jekk il-familji tal-passat kinux aktar stabbli u feliċi minn dawk tal-lum. Mhux faċli tirrispondi għal din id-domanda. Hemm il-periklu li wieħed jirromantiċizza l-passat u jinsa l-kundizzjonijiet ta’ ħajja li kienu jgħixu żmien ilu. Anki kieku kellna statistika għal dak iż-żmien, kienet tkun ta’ ftit utilita’ għax wara l-istatistika jistgħu jinħbew ħafna affarijiet li kienu jiġru wara l-bibien magħluqa. Fil-fehma tiegħi, l-inkwiet familjari minn dejjem kien jeżisti imma forsi mhux daqshekk fil-miftuħ bħall-lum. Fis-sitwazzjoni li ddeskrivejt, kien diffiċli għall-mara li taċċetta separazzjoni għax ma kellhiex il-mezzi biex tgħix jew tgħajjex lil uliedha magħha. Jekk kienet infeliċi, anki b’mod serju bħal f’każ ta’ vjolenza domestika, naħseb li kien ikollha tieħu paċenzja u tissaporti anki l-intollerabbli. Is-soċjeta’ kienet ukoll aktar tolleranti mal-irġiel milli man-nisa li kienu mistennija jaċċettaw is-sagrifiċċju aktar mill-irġiel. Il-familji kienu wkoll wisq aktar numerużi u sas-snin ħamsin familji b’sitt ulied u aktar, kienu għadhom komuni. Familji ta’ dan id-daqs kienu, sa ċertu punt, ta’ deterrent għal separazzjonijiet minħabba li l-ġenituri kienu jħossu responsabilita’ akbar lejn it-tfal u kienu jippreferu jibqgħu flimkien għall-ġid tat-tfal. Illum, meta l-medja hija ta’ żewġ ulied biss jew inqas, huwa inqas diffiċli li koppja tissepara għax il-piż huwa iżgħar u ġaladarba ż-żewġt itfal ikunu tfarfru ma jkunx hemm oħrajn iżgħar biex jeħdulhom posthom.
Il-mudell tal-familja tal-lum spiss għandu arranġament ekonomiku differenti minn dak ta’ dari, għax hemm żewġ fonti ta’ introjtu minħabba li l-ġenituri jaħdmu t-tnejn u kull wieħed minnhom huwa, sa ċertu punt, ekonomikament indipendenti mill-ieħor. L-awtorita’ paternali illum hija sostitwita mill-awtorita’ konġunta mhux biss fuq l-ulied imma wkoll fuq l-assi matrimonjali. Il-mara llum drat tiġġestixxi l-affarijiet tagħha u s-separazzjoni mhix trawmatika daqs kemm kienet qabel minn dan il-punto di vista.
Mill-banda l-oħra, il-piżijiet ekonomiċi fuq il-koppja żdiedu ħafna għax l-aspettativi huma akbar. Il-livell tal-ħajja tela’ ħafna u ħadd m’għadu jikkuntenta ruħu bil-ftit kumditajiet tal-ħajja l-antika. Il-koppja jridu karozza kull wieħed, ħafna affarijiet tad-dar, u fuq kollox hemm il-piż ta’ self mill-banek għax fejn qabel kienu jinkrew id-djar b’kera aktarx baxxa, illum dan huwa impossibbli u wieħed hu kostrett jissellef ħalli jixtri. Dan il-konsumiżmu li, fil-ħajja tal-lum sar inevitabbli, ħalla impatt fuq il-familji u, f’xi każi, jikkawża tensjonijiet li jistgħu jimpinġu fuq l-armonija tal-koppja.
Is-soċjeta’ industrijalizzata li tiddependi fuq is-suċċess tas-suq għall-ekonomija tagħha tinkoraġġixxi l-konsumiżmu u l-koppji, bħall-bqija tas-soċjeta’, m’għandhomx għażla wisq ħlief illi jċedu għall-pressjoni soċjali u jitgħabbew bil-piżijiet. Dan spiss iwassal ukoll sabiex tiġi rimandata d-data meta jaslu t-tfal u l-familja tibqa’ tikkonsisti biss fil-koppja miżżewġa għal żmien itwal minn dari.
Fejn żmien ilu l-miżżewġin kienu lesti għal ċertu sagrifiċċju, l-atteġġjament edonistiku tal-lum jeskludi din l-idea. Ma nafx hux għaqli li wieħed isemmi l-kelma “sagrifiċċju” għax inkella wieħed jista’ jimplika li, jekk iż-żwieġ jitlob is-sagrifiċċju, ikun bluha li tidħol għalih.
Ċertament li l-aċċess għal edukazzjoni għolja minn numru dejjem jiżdied ta’ żgħażagħ biddel mill-qiegħ il-filosofija dwar il-ħajja. Fejn qabel wieħed kien lest jieħu parir, illum ħafna saru individwalisti u jemmnu li kapaċi jaħsbu għalihom infushom mingħajr ma jfittxu l-opinjoni tal-oħrajn. Il-mudelli tal-familja tradizzjonali mhux dejjem għadhom attraenti għal kulħadd. Il-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa jippreżentaw stil ta’ ħajja kompletament differenti minn dik Maltija ta’ dari u jpinġuha bħala antika u sorpassata.
It-taħlit inevitabbli mal-barranin u żwiġijiet ma’ persuni ta’ nazzjonalitajiet u kulturi differenti wkoll ħalla l-impatt tiegħu. Fil-pajjiżi Ewropej u ta’ bnadi oħra, l-idea tradizzjonali tal-familja Maltija mhux dejjem issibha. Id-divorzju ilu jeżisti għal żmien twil fl-Istati Uniti, Franza u l-Iskandinavja u daħal fl-Italja ħamsa u tletin sena ilu. L-ideat ġodda li daħlu fis-snin sittin biddlu radikalment ir-rapport tal-koppja u dawn l-influwenzi bdew jinħassu f’Malta wkoll għalkemm damu xi ftit ma waslu fostna.
Iż-żwieġ għandu jibqa’ l-benniena tal-familja. Huwa fatt, madankollu, li n-numru ta’ familji b’ġenitur wieħed żdiedu, it-twelid ta’ trabi barra ż-żwieġ żdiet kif żdiedet il-koabitazzjoni. It-tabu’ tas-separazzjoni u l-koabitazzjoni spiċċa u l-impenn lejn familja għat-tul tal-ħajja qed jitnaqqar. Wieħed irid jikkonsidra sew u mingħajr ħafna telf ta’ żmien x’jista’ jsir biex din it-tendenza ma tkomplix tikber. Illum it-tibdil hu mgħaġġel u ma naħsbux li ideat differenti minn tagħna jeħtieġu żmien twil ħafna biex jidħlu. Nemmen li rridu naħsbu f’soluzzjonijiet ġodda. Jekk ma jsir xejn, qegħdin fil-periklu li ġenerazzjonijiet futuri ma jkunux ċerti għaliex ta’ qabilhom kienu jagħtu daqshekk importanza lill-familja.
Wieħed ma jridx ikun pessimist. Minkejja li l-familja ġarrbet tibdil, il-maġġoranza tal-familji għadhom b’saħħithom u l-ideal familjari għadu xewqa predominanti. Il-familja għadha l-istituzzjoni kardinali li fuqha hi organizzata s-soċjeta’ u għad għandha flessibilta’ suffiċjenti sabiex tadatta ruħha għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu. Jekk tistaqsi ħafna nies x’inhi l-aktar ħaġa importanti għalihom, aktarx jirrispondu li hi l-familja.
Il-familja teħtieġ aktar sostenn sabiex tkompli tissaħħaħ. Familja li tisfaxxa dejjem iġġib riperkussjonijiet serji fuq it-tfal, speċjalment dawk iżgħar fl-eta’. Il-firda li jġibu s-separazzjoni jew id-divorzju twassal għal inċertezza fit-tfal u ħafna minnhom imorru ħażin anki fl-istudji tagħhom. Tista’ tnissel ukoll sens ta’ ħtija fit-tfal żgħar li ma jifhmux eżatt x’ikun qed jiġri bejn il-ġenituri tagħhom. L-effetti emozzjonali fuq il-koppja separata jistgħu wkoll ikunu serji u jdumu tul ta’ żmien. Hemm ukoll effetti ekonomiċi u jidher li persuni separati huma aktar vulnerabbli ekonomikament.
L-Istat, flimkien ma’ istituzzjonijiet oħra, għandu dover li jagħmel li jista’ sabiex isaħħaħ il-familji permezz ta’ liġijiet u miżuri amministrattivi adegwati. Hu fl-interess tas-soċjeta’ li jkollna familji b’saħħithom għax il-futur tagħna jiddependi minn dan. L-Istat Malti diġa’ għandu strutturi bħall-Kummissjoni Nazzjonali tal-Familja li għandha rwol konsultattiv. Kien suġġerit ukoll li jinħoloq Kummissarju Għall-Familja u kumitat inter-ministerjali biex jippjana strateġija favur iż-żwieġ u l-familja. L-Agenzija Appoġġ toffri servizz ta’ terapija lill-familja u dan jista’ jissaħħaħ iżjed.
Il-familji għandhom bżonn ukoll sostenn finanzjarju skond ma jiflaħ il-pajjiż għaliex diffikultajiet ekonomiċi li jiltaqgħu magħhom ċerti familji jistgħu jkunu kawża ta’ tifrik fil-familja.
Il-Knisja tgħin ukoll permezz tal-Kummissjoni Djoċesana Familja u l-Moviment ta’ Kana. Iċ-Ċentru għall-Istudji tal-Familja li nfetaħ m’ilux fl-Universita’ jista’ wkoll joħroġ b’ideat favur il-familji.
L-Istat jista’ wkoll jgħin permezz tal-edukazzjoni fl-iskejjel. Hu essenzjali li, mill-eta’ tal-adolexxenza, iż-żgħażagħ jiġu edukati fuq ir-relazzjoni bejn is-sessi, il-vera familja u ż-żwieġ. Il-mudell tar-relazzjoni bejn is-sessi li jaraw iż-żgħażagħ hu spiss dak offrut mill mezzi ta’ komunikazzjoni li ġejjin mill-Ewropa jew mill-Istati Uniti. Dawn spiss juru jew sitwazzjoni ta’ relazzjoni romantika żżejjed li ma tikkorrispondix mar-realta’ jew inkella relazzjonijiet fejn l-infedelta’ u r-relazzjonijiet mingħjar impenn huma l-istil modern tal-ħajja. L-edukazzjoni trid tfisser liż-żgħażagħ li r-relazzjonijiet sesswali u l-ħajja familjari jeħtieġu responsabilita’ u impenn aktar minn ħaġa oħra.
Fl-istess ħin, ma rridux ninjoraw il-fatt li numru li qed jikber ta’ individwi qed jagħżlu, għax iridu jew għax kostretti miċ-ċirkostanzi, li jgħixu f’mudelli differenti mill-familja tradizzjonali fiż-żwieġ. Ma naħsibx li hu sew li ninjoraw din il-minoranza sinifikanti u nqisuha bħala eċċezzjoni li mhux ta’ min iħabbel rasu dwarha. Dawn il-persuni għandhom id-dritt li jagħmlu għażla ħielsa u jixraqilhom li d-drittijiet tagħhom jiġu tutelati daqs ta’ ħaddieħor għax jagħmlu parti integrali mis-soċjeta’.
Ma naħsibx li hawn xi ħadd li mhux favur familji sħaħ, stabbli u permanenti u kull miżura mill-Istat jew minn istituzzjonijiet oħrajn biex nassiguraw dan, hija neċessarja u ta’ min ifaħħarha. Imma nagħmlu x’nagħmlu, se jibqa jkollna żwiġijiet li jfallu u r-realta’ hi li hawn nies li lesti jibnu familja ġdida ma’ persuna oħra. Numru mhux żgħir diġa’ qed jgħixu f’relazzjonijiet li jridu jiġu regolarizzati.
Għalhekk, fil-fehma tiegħi, id-deċiżjoni għandha tittieħed bla dewmien sabiex il-policy nazzjonali tal-familja tiġi ippubblikata u l-liġi tal-familja tiġi aġġornata, bil-għan li jirriflettu r-realtajiet tal-lum u tal-ġejjieni, u dan wara li jiġu definiti u nkunu ċari x’qed nifhmu sew meta nirreferu għal ‘familja’ u għaż-‘żwieġ’.
Grazzi.