Eluf ta’ migranti u refuġjati qegħdin jissieltu max-xitwa qalila li laqtgħet il-Balkani.
Is-silġ qed iġib aktar miżerja għal eluf ta’ refuġjati u migranti ddisprati li jaħarbu mid-diffikultajiet. Xi wħud minnhom jimxu bis-sandlijiet fix-xitwa kiefra tal-Balkani u jippruvaw isibu kenn. Madwar 2,500 ruħ qed ibatu bil-kesħa minħabba li qed jistkennu f’tined mhux imsaħħna ħdejn il-belt tat-tramuntana ta’ Bihac. L-awtoritajiet lokali rrifjutaw li jerġgħu jiftħu ċ-ċentru t’akkoljenza li hu mhux il-bogħod minn fejn jinsabu.
Ħafna issa jinsabu mwaħħla għal ġranet sħaħ f’kamp maħruq u nieqes mill-faċilitajiet meħtieġa. Fil-kampeġġ ta’ Lipa, biex jisħnu ftit, qed iqabdu nar u jduru miegħu. Filwaqt li minn naħa l-oħra, l-awtoritajiet u l-armata qed jitħabtu biex ilestu xi 20 tinda militari biex ikunu jistgħu jakkomodaw lil dawn in-nies.
Tara diversi migranti jistennew biex jirċievu pakketti tal-ikel minn gruppi ta’ għajnuna u li dawn ikunu mingħajr kalzetti jew ġkieket tax-xitwa. Mohammad Jasar, li ġej minn pajjiż sħun tal-Pakistan stqarr li ma jistax ilaħħaq mat-temp xitwi. “Hawn wisq kesħa, għandna wisq inkwiet fil-Kamp ta’ Lipa”. Ħdejh kien hemm raġel ieħor mill-Pakistan, Mohammad Afsal, li kien qiegħed għas-sħana tan-nar. Huwa beda jibki għall-għajnuna mill-komunità internazzjonali. “Għal ħafna ġranet ma stajx nieħu doċċa. M’għandniex elettriku. It-talba tagħna lill-Unjoni Ewropea u lin-nies ta’ Bihac, il-ġirien tagħna, hija: ‘Kunu qrib tagħna u għinuna. Aħna ninsabu f’kundizzjoni ħażina ħafna’,” huwa spjega.
Ħafna mir-refuġjati huma mill-Asja t’isfel, mill-Afrika u mill-Lvant Nofsani. Il-ġimgħa li għaddiet, il-forzi armati tal-Bosnja għamlu t-tined il-ġodda, iżda xorta ma humiex lesti għall-użu meta t-temp fit-tmiem il-ġimgħa ser immur għall-agħar.
L-Organizzazzjoni Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Migrazzjoni saħqet li l-Bosnja għandha tiżgura li ċ-ċentri t’akkoljenza jkunu xierqa. Ħafna refuġjati jittamaw li jilħqu nazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea li jilqugħhom. Iżda l-puluzija tal-fruntiera fl-istat membru tal-Unjoni Ewropea, l-Kroazja qed jimbuttawhom lura, xi drabi b’mod vjolenti. It-tamiet ta’ dawn in-nies għal ħajja aħjar jibqgħu ħolma u l-bogħod.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/world/news/2021-01/migrants-bosnia-herzegovina-lipa-camp-winter.html