Hekk jirraġuna!

Spiss niltaqa’ ma’ persuni li jilmentaw fuq il-fidi. U, ngħid is-sewwa, mill-mument li nibda’ nitħaddet magħhom, jew aħjar nismagħhom, sal-waqt li l-Mulej jerġa’ jdaħħalni fis-skiet aqta’ kemm inħoss toqol fija!

U, nistħajlek tistaqsini: L-għaliex Patri? Għax il-bniedem jagħtik minn dak li jkollu fih. Ġieli jkun hawn min jirraġuna kif jiraġġuna u tirraġuna kif tirraġuna, minħabba l-frustrazzjonijiet kbar li jkollu jbaqbqu fih u fiha! U, jaħasra, dawn il-frustrazzjonijiet joħorġu fit-taħdiet li persuna jkollha ma’ dawn in-nies. Fis-skiet, l-Ispirtu s-Santu, jew għal min isejjaħlu ukoll Ruħ il-Qdusija, jgħallini li l-vera ruħ ta’ qdusija f’din l-esperjenza morra ma’ dawn in-nies hi waħda: li nitolbu kemm nifilħu għalihom! U din it-tagħlima l-ħajja għallmithieli tafux! L-għaliex meta l-istess nies sibthom kalmi kemm irraġunaw mod ieħor! U, ir-raġuni wieħed jifhimha għal kollox: bil-grazzja tal-Mulej ma baqgħux aktar fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt (Lq 1:79)! It-talb tahom nifs! Jew aħjar offrielhom in-nifs li kellhom bżonn!

Ħbieb, illum ma trid xejn biex jinqatagħlek nifsek! Mhux l-għaliex tmur għal xi ġirja u ma tkunx tiflaħ tieħu nifs daqskemm il-qalb tkun ħabtet fuq li ħabtet! Xejn minn dan! Iżda illum, minħabba b’dak li nisimgħu, jgħidulna, iġagħluna naħsbu jew naħsbu aħna wkoll minn rajna, malajr nafu nidħlu fi sqaq ta’ l-aqwa griefex! Kos hux kemm bejnietna jeżiżtu sqaqien! U kemm sirna kapaċi noħolquh sqaq! Biżżejjed dik il-misħuta riġidità! Kemm tagħmel ħsara! Għax ir-riġidità hi arma mill-aqwa f’idejn ix-xitan biex mas-sikrana iġagħlna narmu l-qamħ (Mt 13:29)! Mela, ejjew nieqfulu sħaħ fil-fidi (ara 1 Pt 5:9)!

U kien, sewwa sew, wieħed minn dawn l-isqaqien imxajtnin ta’ tehwdin u qtiegħ il-qalb li darba għaddejt minnu matul illejl. Bejn is-siegħa u l-ħamsa u nofs ta’ filgħodu. Kien sqaq fejn, illum ngħid, kissirni. Kien sqaq mimli tilja xitel ta’ xewk il-qtiegħ il-qalb li jnikket u jobrox il-qalb mimlija ħeġġa għall-Mulej. Kien sqaq li tappanli u ċajparli d-dehra sabiħa li l-grazzja tal-Mulej waħedha taf toħloq!

Meta ngħaddi minn dawn il-waqtiet ma nkunx nista’ noqgħod kwiet jekk ma niftaħx qalbi mal-Mulej! Fil-fatt, u f’dak is-skiet kollu tallejl, l-ewwel kwotazzjoni li ġietni f’qalbi kienet dik mid-Djarju ta’ Santa Fawstina. Fid-Djarju tagħha l-qaddisa Pollakka kienet kitbet hekk lil Ġesù: O Ġesu’, Mgħallem u Direttur tiegħi, jiena miegħek biss nista’ nitkellem. Ma ħadd iżjed m’hu daqshekk faċli li nitkellem bħalma nitkellem miegħek, O Alla (nru.670).

U jien, ta’ bniedem li minn qaddisi nħobb nitgħallem fuq kollox u minn kulħadd, nistaqsi: L-għaliex dan? Għax, meta nitħaddet mal-bniedem, dan, anki jekk ikun ‘spiritwali’, ‘razzjonali’, ‘ibbilanċjat’, inkella ‘uman’, lejh dejjem se jiġbed. U, meta qed inkellmu, inħossu jikkarga l-vleġġa tat-tweġiba tiegħu għalija li, f’xi waqt jew ieħor, se jisparaha lejja. Abbli għalhekk meta nitħaddet mal-bnedmin, u bnedmin aktar minn oħrajn, ġewwa fija malajr inħoss dik it-tensjoni kbira li lili tnikkittni bil-bosta. L-għaliex, fil-profond ta’ dak li jien, naf diġà li ma’ dik il-persuna mhux taħdita sinċiera se jkun hemm iżda konfront fis-skiet. Li jaf jinbidel jew fi gwerra ta’ skiet inkella fi gwerra ta’ skużi li jsiru akkużi.

Iżda meta nitħaddet mal-Mulej kemm l-istorja tkun xorta oħra! L-ewwel nett, meta qed nitħaddet mal-Mulej inħossni mħaddan minn ħdanU stess! Dak ħdanU qaddis, intimu u ħelsien minnu nnifsu! Dak ħdanU li fih nista’ nisfoga r-rabja tiegħi, kbira kemm hi kbira, u minn hemm ġew kif noħroġ jekk mhux fil-paċi u fl-akbar sliem? Għax Hu biss il-paċi tagħna! Hu biss il-ħniena tagħna! Hu biss il-ħajja tagħna!

U mbagħad hemm ħaġa oħra: ħadd daqs il-Mulej ma jaf iżomm sigriet. Nista’ ngħidlu x’ngħidlu. U bl-akbar kunfidenzjalità iżommu. U qatt m’hu se jparla x’għedtlu! Qatt m’hu ħa jfarfar minn fuq spalltu! Għax responsabbiltà kapaċi jidħlilha! Għalhekk ma naqbilx bil-qawwa kollha ma’ dawk li jirraġunaw li l-Mulej ma jsejjaħx iżda wieħed jidħol f’sejħa għax jixtieq! Il-ħasra hi li min jirraġuna hekk ma jafx il-Bibbja, li hi kollha kemm hi xhieda waħda tas-sejħiet li jagħmel il-Mulej! Barra minn hekk, min, bi frustrazzjoni personali, jibqa’ jirrifjuta li l-Mulej ma jsejjaħx għax, skont hu, din hi kwistjoni biss li l-bniedem kellu xewqa mhux qed jifhem li l-Bibbja titlaħħam f’ħajti u f’ħajtek! U xi tkun ir-raġuni aħħarija meta titħaddet ma’ dawn it-tip ta’ nies? Xi tkun il-mażżra li msieken qed iġorru abbli għal ħafna snin? In-nuqqas ta’ fidi! Eh jaħasra kemm niket u mrar toħloq in-nuqqas ta’ fidi, l-aktar meta tmiss il-knejjes u l-kunventi tagħna!

Imbagħad hemm raġuni oħra li ma rridux lanqas ninsew f’dan id-diskors daqshekk meħtieġ: il-Mulej ikompli fik u fija dak li hemm fil-Bibbja. Hu għalhekk li lilek u lili jsejħilna billi jagħtina sejħa. U jekk tassew ikollna sejħa ma joqgħodx kwiet qabel ngħidulu IVA! Għax Hu, aktar milli x’kapaċi nagħmlu jew ma nagħmlux, LILNA JRID! U xejn aktar! Kien għalhekk li Santa Tereża minn Kalkutta kienet tgħid: Il-Mulej ma sejjaħlix biex nagħmel suċċess iżda sejjaħli biex inkun fidila lejH. Anki hawn ħarġet l-idea qawwija li l-Mulej hu li isejjaħ u mhux kwistjoni li xi ħadd jagħmel xi ħaġa l-għaliex għandu xewqa mingħajr l-ebda riferiment lejn minn poġġhielu f’qalbu dik ix-xewqa.

U mbagħad, l-għaliex il-Mulej hu umli, anzi l-umiltà innifisha, jirreferina għand l-oħrajn! X’taħsbu li wara dak illejl ta’ tehwdin kien il-waqt tal-faraġ tiegħi? Li fuq il-bank ta’ quddiemi, fil-kamra tal-kappillan, rajt pastina mgeżwra sewwa fil-plastik. U, il-Mulej, u mhux xi ħsieb tiegħi, qalli: Qabel il-quddiesa mur fit-tali sala u agħtiha lil persuna li illum tagħlaq sninha. U mbagħad berikha.

Il-ferħ li ħassejt biex inwettaq din il-missjoni li l-Mulej afdali f’idejha, fis-sigħat bikrin ta’ dak il-jum, kien tassew kbir għalija. Tant kemm kont ferħan li, wara li tlabt it-talb ta’ meta nqum, ħsilt wiċċi, ilbist il-labtu, il-maskra u l-visor, u irħejtilha lejn dik is-sala ferħan ferħan. Kemm ferħet dik il-persuna! L-għaliex dik iż-żjara għodu għodu ma stennithiex f’mitt sena! Imma hekk ħbieb jaħdem il-Mulej li JSEJJAĦ!

Tgħid mhux Hu kien li ġabli ftit pastizzi permezz ta’ xi ħadd f’dik l-għodwa? Mhux Hu kien li tani kelma ta’ kuraġġ b’persuni oħra? U, mhux Hu kien li tani d-dawl ta’ kif għandi nimxi f’għadd ta’ sitwazzjonijiet li ninsab imdawwar bihom? Għax dan Huwa HU! U mhux moħħi! Għalhekk ma nħossnix frustrat! Għax għandi fuq min indur! U ndur lejH bħal tifel żgħir li jaqbeż u jogħla! Li jiftaħ qalbu beraħ u jibki bikja fi ħdanU biex wara joħroġ aktar b’saħħtu, għax ikun ferħan aktar milli kien!

Ħbieb, għax miegħU mhux x’għandi f’moħħi jien jgħodd imma x’inhu HU! Kif jara l-affarijiet Hu! Għax hu … Hekk jirraġuna!

Patri Mario Attard OFM Cap