Lectio Divina tat-3 Ħadd. Sena “B”

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Mk 1, 14-20):  Is-silta tal-lum tibda bl-arrest ta’ Ġwanni.  Meta jqum xi ħadd li jhedded l-idejat fissi tad-dinja l-antika, din tarrestah u tieħdu għand xi awtorita biex twaqqfu b’kull mod. Hekk Ġwanni jtemm il-missjoni tiegħu u fix-xena jidħol Ġesu.  Telaq lejn il-Galilija u, minn kull fejn jgħaddi, “jxandar il-Bxara t-Tajba”, i.e. jipproponi dinja ġdida ta’ mħabba tal-ħaruf mans.  Kif għedna l-Ħadd li għadda, min iħaddan dil-proposta ikun qed jirriskja bil-kbir u, quddiem id-dinja, ikun għamel għażla ta’ tellief.

  1. Il-Galilija kien meqjuż impur, għax il-Lhud t’hemm ġew influwenzati minn ħafna pagani ta’ dawk l-inħawi.  Fl-Antik Testment tissemma’ ħames darbiet biss.  Ġesu kien trabba u ħadem hawn, u ried joffri l-Aħbar tiegħu l-ewwel lill-Galilin, i.e. bnedmin fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.  Din l-Aħbar m’hiex xi devozzjoni – titlob impenn li int tbiddel ħajtek u l-mod kif taħsibha fuq it-tbatija, l-inġustizzja, eċċ.  Ħafna jaħsbu li (a) “ħajja spiritwali” tfisser tgħix ‘il bogħod min-nies, f’xi kunvent, issum u titlob il-ħin kollu f’intimita’ mal-Mulej; u (b) “ħajja materjali” hi dik ta’ kuljum, tax-xogħol, tal-familja, maniġġar ta’ flus, eċċ.  Mhux hekk. Il-ħajja spiritwali hija l-ħajja ta’ kuljum li ngħixuha mhux skont fejn jiġbduna l-istinti, imma skont kif imexxina l-Ispirtu Divin, i.e. il-forza li Ġesu ġie biex jintroduċi fid-dinja.  Min iħalli l-qawwa tal-Ispirtu tmexxih, kull jum għalih ikun jum spiritwali.   
  2. “Iż-żmien huwa mitmum.” Dan mhux żmien immarkat bl-arloġġ – kronos imma kairos, il-mument deċiżiv, l-opportunita li ma tistax taffordja titlef, għax jekk titlifha tkun tlift iċ-ċans biex tibni ħajja awtentika.  Iż-żmien laħaq il-milja tiegħu, i.e. waslet is-siegħa fejn Ġesu ta’ Nażaret se jipproponi ħajja ġdida għall-dinja ġdida. Wara preparazzjoni twila, issa s-saltna t’Alla resqet tant viċin li tista’ tmissha b’idejk.  Meta l-poplu Lhudi talbu biex imexxihom re u mhux profeta, kien żmien ikrah, ħlief għal xi ftit snin taħt ir-re David.  Ir-rejiet l-oħra abbużaw mill-poter u selħu l-poplu.  Telqu l-preċetti t’Alla, żebilħu l-profeti u żvijaw il-poplu mit-triq it-tajba.  Għalhekk kibret l-istennija bil-ħerqa ta’ re differenti minn dawn.  Il-profeti kienu ħabbru l-miġja ta’ dan ir-renju fejn Alla stess se jieħu t-treġija tal-poplu f’idejh.  Illum Ġesu jħabbar: “Tistennewx aktar. Is-saltna t’Alla waslet.” Is-Sadduċej kienu kuntenti bil-ħajja sinjura tagħhom, u ma riedu ebda saltna oħra.  Il-Fariżej kienu jistennew is-Saltna t’Alla bħala osservanza stretta tat-tradizzjonijiet u tat-Torah.  Il-fanatiċi riedu renju konkret, bidla fir-reġim. In-nies tad-dinja xtaqu saltna aktar ġusta fejn il-fqar ikollhom identita’ fis-soċjeta.  Bis-saltna Alla, Ġesu kellu f’moħħu dinja fejn il-bniedem ikun tassew bniedem għax fid-dinja l-antika ma kienx qed iwettaq il-vera identita’ tiegħu.  Anki dawk li kienu jiksbu suċċess, kienu jaħsbu li biex tkun bniedem trid tiddomina fuq l-oħrajn.  Ġesu jgħid l-oppost: il-bniedem ta’ veru hu dak li jħobb u jservi.  Is-Saltna t’Alla waslet fil-persuna ta’ Ġesu, għax Hu kien il-bniedem 100% awtentiku, fejn il-bniedem jasal għall-milja tal-vokazzjoni tiegħu.
  3. Din l-istqarrija ta’ Ġesu tasal f’dinja mimlija idejat antiki.  Mela l-ewwel ħaġa li hemm bżonn li ssir hi: “Indmu, ikkonvertu,” i.e. ibdlu l-mod kif taħsbuha fuq il-ħajja.  Ġona hedded lin-nies ta’ Ninwe li, jekk ma jikkonvertux, il-belt issir ħerba. Ġesu ma jheddidx, imma jistieden (lilna wkoll) biex nibdlu l-mentalita’ l-antika (p.e. li Alla jikkastiga u jpattiha lill-ħżiena.  Din kienet idea ta’ dawk li riedu li Alla jagħmel bħalhom, għax kienu jipproġettaw il-ħażen taghom fuq Alla.) Ġesu jgħinna niksbu l-konverżjoni (metanoia) billi jġib terrimot fir-raġunar tagħna, taqliba ta’ taħt fuq tal-iskala tal-valuri.  P.e. Jekk fl-ewwel post jien inpoġġi il-pjaċir u naqta’ kull xewqa li jkolli, nagħmel minn kollox biex inwettaq dan l-iskop. Nibdel il-mara, nigdeb, nisraq, inqarraq, eċċ isiru ħwejjeġ tajbin għalija.  Biex naċċetta s-Saltna t’Alla, irrid inpoġġi l-proxxmu u l-kuntentizza tiegħu l-ewwel, u lili l-aħħar. B’hekk nagħmel suċċess ta’ veru minn ħajti.  “Emmnu fil-Bxara t-Tajba”. Din mhiex xi pakkett veritajiet.  Nemmen ifisser li naċċetta din l-istedina ta’ Ġesu , u nafda ħajti b’impenn għal din il-proposta ġdida Tiegħu.
  4. Mal-ewwel Ġesu joffri din l-istedina lil żewġ aħwa.  La kienu saċerdoti u l-anqas skribi.  Ma kinux qegħdin jitolbu fis-sinagoga imma kienu fuq il-lant tax-xogħol tagħhom, is-sajd.  Hekk se tidħol is-Saltna t’Alla. Kif ġa għidna, l-ispiritwalita’ hija l-ħajja ta’ kuljum li ngħixuha b’dinamika ġdida, i.e. kif irid Alla.  Is-sejħa ta’ Abram bdiet bil-kliem: “Mur f’art li se nurik.” U ta’ Ġona: “Mur Ninwe.”  Tal-appostli (u tagħna wkoll) tibda bil-kelma: “Ejjew”. Se tibqgħu sajjieda, imma mill-baħar imdardar tad-dlamijiet se tiġbdu n-nies ħa jaraw id-dawl. Il-baħar hu d-dinja tal-ħajjen li joħnoq il-ħajja tal-bniedem uman.  “U minnufih ħallew ix-xbiek.” Ġesu mgħaġġel.  Min irid jimxi warajh m’għandux  żmien x’jitlef.  Ma jrid iħalli l-ebda xbiek iżommu lura.  Xbiek=ġibda għall-flus, għażż, mod antik kif nitlob (e.g. bil-wegħdi), eċċ.   Ġesu qed jipproponi lil kull bniedem mod ġdid kif jaħseb, jitlob u jirraġuna.  Biex naċċetta dan jiħtieġ nagħmel hekk fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum b’loġika ġdida – dik ta’ Ġesu.
  5. Ġesu jkompli jimxi u joffri dil-proposta ma’ kull min jiltaqa’.  Wasal f’xatt il-baħar u sejjaħ lill-aħwa Ġwanni u Ġakbu. Ġesu jista’ jagħżel lili, b’isem ieħor u b’xogħol differenti, imma s-sejħa tibqa’ l-istess.  Dawn l-aħwa ħallew lil missierhom. Il-missier kien il-kustodju tat-tradizzjonijiet, u kellu d-dover li jgħaddihom lil uliedu. Meta ħallew lill-missier ifisser ukoll li nqatgħu mit-tradizzjonijiet antiki u idejat mgħawġa fuq Alla. Aħna wkoll illum jiħtieġ neżaminaw it-tradizzjonijiet reliġjużi tagħna, u naraw fejn qed nesaġeraw, fejn xellifnihom biex jogħġbu lil kotra, u kemm qed ibegħduna mill-Vanġelu. Fil-każ hemm bżonn nerġgħu nippurifikawhom jew naqtgħuhom.
  6. “Ħallew il-lavranti.” Min jimxi wara Ġesu m’għandux sefturi, imma hu jsir lavrant għall-oħrajn. Ġwanni u Ġakbu fehmu l-proposta affaxxinanti ta’ Ġesu u telqu warajh.  Jiħtieġ li aħna wkoll nifhmu sew x’inhi dis-sejħa, u nkunu ċerti li qed nimxu wara Ġesu għal dan l-iskop, u għall-ebda skop ieħor.

Sors:  lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading