Ħarġa ta’ Jannar 2021, Nru 1024
Il-ħarġa ta’ dan ix-xahar tista’ tqabbilha ma’ kamera tas-CCTV li tirrekordja kulma jkun għaddej f’din il-gżira fejn ġurnata qatt mhi bħall-oħra. Tant hi għanja u varjata fil-kontenut li hi verament kronaka, imqar jekk qasira, ta’ komunità ħabrieka li kapaċi tipproduċi ħafna iżjed mid-daqs fiżiku jew demografiku tagħha.
Iktar minn hekk, din il-ħarġa tmur lura fl-istorja biex tagħmel dan il-punt. Xi tifkiriet tal-ewwel Żjara Papali f’Malta fl-1990 jirrakkuntaw kif dan seħħ fi żmien meta l-President ta’ Malta, l-Arċisqof, l-Isqof ta’ Għawdex u l-Kummissarju tal-Pulizija kollha nzertaw kienu Għawdxin, u forsi setgħu – min jaf – imma forsi setgħu eżerċitaw xi influwenza fuq il-fatt li l-Papa l-ewwel li ġie kien Ta’ Pinu. F’paġni oħra wieħed jista’ jaqra fuq xi wħud mill-158 Għawdxi u Għawdxija li ħallew ħajjithom fit-Tieni Gwerra Dinjija, rakkont drammatiku tan-nawfraġju tal-vapur Il-Banċinu fl-1957, riflessjonijiet spiritwali, riċensjonijiet ta’ kotba, obitwarji, arti sagra, poeżiji, il-popolarità dejjem tikber taċ-ċikliżmu kompetittiv, u iva, il-futbol lokali issa streamed direttament f’darek!