Għandi aħbar tajba x’nagħtik


Il-Ħadd, 24 ta’ Jannar 2021: Quddiesa tat-Tielet Ħadd matul is-sena, Ħadd il-Kelma ta’ Alla, mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi. Knisja ta’ Santa Katarina, iż-Żejtun.

Għandi aħbar tajba x’nagħtik

Meta xi ħadd jiġi u jgħidilna “għandi aħbar tajba x’nagħtik”, aħna mhux biss inkunu kurjużi biex nisimgħu din l-aħbar, imma ġa jnissel fina ċertu ferħ. Ġesù, l-ewwel ħaġa li nsibu llum fl-Evanġelju skont San Mark, tkellem fuq l-Aħbar it-Tajba. Xandar l-Evanġelju ta’ Alla – ‘L-Evanġelju’ tfisser l-Aħbar it-Tajba. U lin-nies qalilhom: “Is-Saltna ta’ Alla waslet. Indmu u emmnu fl-Evanġelju”. Emmnu fl-Aħbar it-Tajba.

Kelma li hi l-Aħbar it-Tajba

Papa Franġisku xtaq li dan il-Ħadd partikulari aħna naħsbu aktar fuq il-kelma ta’ Alla, li jkun il-Ħadd tal-kelma ta’ Alla. Speċjalment illum fid-dawl ta’ din il-kelma li smajna, naraw il-kelma ta’ Alla li tfisser l-Aħbar it-Tajba. Hi l-Aħbar tal-akbar imħabba, li Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.

Din il-kelma tiġi f’ħajjitna u tagħtina l-Aħbar it-Tajba kultant qalb aħbarijiet ħżiena li nisimgħu; per eżempju, il-mard, il-weġgħat, il-ġlied, l-inġustizzji.  Qalb dawn l-aħbarijiet ħżiena li nisimgħu, tiġi l-Aħbar it-Tajba li Alla jrid iwasslilna. Illum nixtieq li naraw il-kelma ta’ Alla kif tidher f’din is-silta sabiħa li smajna, u naraw xi tfisser għal ħajjitna.

Kelma li tħallina fil-libertà

L-ewwelnett, il-kelma ta’ Alla tħallina fil-libertà. Alla jkellimna, fil-kelma hemm sejħa, imma tħallina fil-libertà. Ara x’għamel Ġesù meta dar ma’ xatt il-baħar tal-Galilija u lemaħ l-ewwel tnejn Xmun u Indrì, imbagħad tnejn oħra, Ġakbu u Ġwanni. Meta sejħilhom, Ġesù ma ġagħalhomx, ma ħoloqx xi obbligu, imma ħalliehom fil-libertà li jwieġbu. Setgħu qalulu: “grazzi, imma għandna ħafna xogħol”; jew inkella: “nisimgħuk darb’oħra”. Imma huma għażlu li jwieġbu u jimxu warajh. Kienet għażla libera li għamlu, għaliex Alla dejjem iħallina fil-libertà. Hu aħna li mmorru tajjeb meta nwieġbu għall-kelma ta’ Alla, imma Alla qatt ma jimponiha fuqna imma jħallina fil-libertà.

Kelma li tagħmilna liberi

Il-kelma ta’ Alla hi kelma li mhux biss tħallina liberi imma, jekk naċċettawha, tagħmilna liberi. Tagħmilna ħielsa. F’din is-silta, naraw dawn it-tnejn, imbagħad tnejn oħra, ilkoll sajjieda. L-ewwel tnejn kienu qed ikalaw ix-xbiek; ħallew ix-xbiek, u mxew wara Ġesù. It-tnejn l-oħra kienu qed isewwu x-xbiek; ħallew ix-xbiek, il-lavranti, lil missierhom fid-dgħajsa, u mxew wara Ġesù. Ma telqux ix-xogħol tagħhom għax kienu mdejqin bħala sajjieda, jew għax ma kellhomx suċċess fix-xogħol tagħhom, jew għax kienu miġġildin mal-lavranti. Telqu biex jimxu wara Ġesù, għax raw li biex jimxu wara Ġesù jridu jkunu tassew liberi, u l-kelma ta’ Alla tagħmilhom ħielsa.

Lilna wkoll Ġesù jsejħilna biex inkunu dixxipli tiegħu. Mhux bilfors biex inħallu x-xogħol li għandna; anzi, ħafna drabi jsejħilna biex nibqgħu fil-ħidma li għandna, u nkunu dixxipli tiegħu permezz tal-ħidma li għandna. Imma s-sejħa tkun li nitilqu minn dak li jfixkilna li nimxu warajh, minn dak li hu ta’ xkiel.  Dak iva, dak irridu nħalluh biex nimxu warajh, u hemm nindunaw kemm il-kelma ta’ Alla lilna tagħmilna tassew ħielsa.

Kelma li tibni l-komunità

Il-kelma ta’ Alla hi kelma wkoll li tibni l-komunità, il-Knisja li Alla jrid li aħna nagħtu lkoll is-sehem fiha biex tinbena skont il-qalb tiegħu. Innutaw f’din is-silta kif Ġesù jgħidilhom li jagħmilhom “sajjieda tal-bnedmin”, biex jużaw is-sengħa u t-talenti tagħhom issa b’mod differenti bħala “sajjieda tal-bnedmin”.  Innutaw kif ’il quddiem ix-xogħol li kienu qed jagħmlu meta sejħilhom Ġesu kienu se jużawh b’mod differenti.

Hawnhekk, tnejn minnhom kienu qed ikalaw ix-xbiek il-baħar, u tnejn kienu qed isewwu x-xbiek. U ż-żewġ affarijiet kienu importanti ħafna ’l quddiem f’sens differenti għal din il-komunità li bena Ġesù. ’Il quddiem kellhom jaraw kif kien hemm bżonn li “ikalaw ix-xbiek”, jiġifieri li l-Knisja toħroġ; ma tibqax fil-port kenni imma toħroġ biex tiltaqa’ ma dawk li ma jiġux, biex twassal l-Aħbar it-Tajba lil dawk li ma tarahomx. Imma wkoll “isewwu x-xbiek”, jiġifieri l-importanza tal-ħidma fil-komunità, ħidma ta’ fejqan biex tkun tassew komunità skont il-qalb ta’ Alla. Qegħdin fil-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda bejn l-Insara u proprju hemm bżonn ħafna din it-tiswija ta’ relazzjonijiet, dan il-fejqan  fil-komunità biex tkun tassew komunità skont il-qalb ta’ Alla. Għalhekk Ġesu riedhom li jużaw f’sens differenti l-ħidma li kienu qegħdin jagħmlu, u jużawha għas-Saltna ta’ Alla.

Kelma li qatt ma twassal aħbarijiet ħżiena

Il-kelma ta’ Alla hi dejjem aħbar tajba. Qatt ma twasslilna aħbarijiet ħżiena. Għalhekk hu importanti li aħna noqogħdu dejjem attenti fil-ħajja tagħna. Għax jekk dil-kelma tasal lilna bħala kelma mhux ta’ kompassjoni u ta’ mħabba, bħala kelma li toħloq il-biża’, jew bħala kelma li toħloq konflitt inutli, allura jkun hemm xi ħaġa ħażina. Jew aħna nkunu smajna ħażin, jew min wassal il-kelma jkun wassalha ħażin. Għax il-kelma ta’ Alla hi dejjem aħbar tajba li f’qalbna ġġib il-paċi u l-ferħ u li tmexxina ’l quddiem fil-ħajja tagħna. Tagħtina s-sens għall-ħajja tagħna u tgħinna biex f’qalbna nkunu tassew fil-paċi ma’ Alla.

Għalhekk din hi t-talba li nixtieq nagħmel għalina lkoll: li aħna nilqgħu dejjem il-kelma ta’ Alla, nilqgħuha b’qalb miftuħa, u li dejjem ngħożżuha bħala dik il-kelma li twasslilna f’ħajjitna l-Aħbar it-Tajba.

Joseph Galea-Curmi

Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.