Quddiesa bl-għoti tal-Ministeru tal-Lettorat


Il-Ħadd, 24 ta’ Jannar 2021: Quddiesa mill-Isqof Anton Teuma bl-għoti tal-Ministeru tal-Lettorat fit-Tielet Ħadd matul is-sena, Ħadd il-Kelma ta’ Alla. Knisja Parrokkjali, Kristu Ewkaristiku Salvatur, l-Għasri.

NINBIDLU FIL-KELMA

Liema kelma hemm iddur ġo moħħok dalgħodu? Ma nafx jekk ninnutawx, kieku jkollna nħarsu ftit lura… hekk kif qomna dalgħodu, sakemm ġejna hawn fil-knisja, miġburin flimkien – saċerdoti, il-familja tas-Seminarju, il-familjari tas-seminaristi, saċerdoti oħra li huma fil-formazzjoni, flimkien man-nies tal-Parroċċa ta’ Ġesù Ewkaristija, fl-Għasri.

Kieku jkollna nirriflettu ftit, il-kelma li hemm tberren f’moħħna dalgħodu, imlietna iktar bil-ferħ, jew dejqitna iktar? Kieku jkollna nieqfu nirriflettu bis-serjetà fuq il-ħajja tagħna, nagħrfu illi, ħafna drabi jekk mhux dejjem, aħna kkundizzjonati jew ngħixu bil-kliem li nisimgħu. Kelma tista’ ttellagħna l-ġenna u kelma tista’ tniżżilna fl-infern u iktar ’l isfel. Imma jekk il-kliem tal-bnedmin jista’ jtellagħna ’l fuq jew iniżżilna ’l isfel, hemm kelma waħda li lilna tista’ ssalvana. Għax anki l-kliem tal-bnedmin li jerfgħek ’il fuq, kultant iniżżlek ’l isfel, u meta tiġri din, iktar tħossha, għax ma tistennihiex. Hija l-Kelma ta’ Alla biss illi ssalvana: għandha din il-kwalità, din il-prerogattiva, li tagħtina salvazzjoni.

Il-Kelma ta’ Alla hija dejjem kelma ta’ ħniena u mħabba. Anki meta twissina, meta ċċanfarna, qisha l-kelma ta’ dik l-omm, ta’ dak il-missier, illi ffissat fuq ibnu jew fuq bintu u jixtieqlu l-ogħla ġid. Allura, billi jixtieqlu l-aqwa ġid, ma jistax ma jwissihx, ma jistax ma jurihx jew ma jurihiex lil dik il-bint fejn qed tiżbalja, fejn qed tagħmel ħsara lilha nfisha l-ewwel u qabel kollox. Kemm nisimgħu kliem! Tiftaħ ir-radju, tisma’ kliem; kompjuter, tisma’ kliem; mowbajl, tisma’ kliem; tiltaqa’ fit-triq ma’ xi ħadd, tisma’ kliem. Imma l-Kelma ta’ Alla biss, minn fost il-kliem kollu li nisimgħu, li lilna ssalvana, tagħtina l-ħelsien.

Imma din bħall-ikel… għalxejn ngħidlek jien li dak l-ikel jew dak il-platt jew l-ieħor huwa tajjeb, qabel ma int tibda dduqu u tagħmel int ukoll l-esperjenza tiegħu. Imbagħad f’qalbek u bil-konvinzjoni kollha tiegħek tgħid: “Iva, veru, dan l-ikel tajjeb”. U l-istess il-Kelma ta’ Alla, irridu nagħmlu esperjenza tagħha biex verament nikkonvinċu rwieħna li hi l-unika Kelma li ssalvana, li teħlisna.

Jien ma nafx x’għadkom tiftakru mill-Qari li smajna. L-Ewwel Qari (Ġona 3:1-5,10) kif beda? Il-Kelma ta’ Alla waslet lill-Profeta Ġona u mexxietu biex imur u jxandar kelma ta’ twissija, kelma kemxejn iebsa lin-nies ta’ Ninwè. Imma x’ġara? Dan Ġona ma sottomettiex ruħu għal din il-Kelma, ma ċediex għal din il-Kelma, ma obdiex din il-Kelma, u waħħal f’moħħu li kien sejjer Ninwè għalxejn. U bidel id-direzzjoni, fettillu f’rasu li jmur xi mkien ieħor. Dan hu eżempju ċar ta’ meta l-Kelma ta’ Alla, għalkemm hija Kelma li ssalva, ma tiġix milqugħa. U x’jiġri meta din il-Kelma ma tiġix aċċettata? Negħrqu. Ma hemmx triq oħra. Noqorbu lejn il-mewt tagħna, u mhux tagħna biss, anki ta’ dawk ta’ madwarna. Ma’ Ġona kienu ser jegħrqu l-baħrin kollha, l-ekwipaġġ kollu li kien hemm fuq il-ġifen. Din hija r-realtà, l-esperjenza li għaddejjin minnha fi żminijietna. Meta l-Kelma ta’ Alla hija ttraskurata, nagħtuha l-ġenb, għax rasna hi mimlija b’ħafna kelmiet oħra – bil-kelma tal-proprjetà, tal-ħbieb, tas-suċċess, tal-pjaċir, rasna mimlija b’elf kelma oħra.

Tiftakru x’qalilna San Pawl fit-Tieni Qari (1 Kor 7:29-31) tant sabiħ tal-lum, mill-Ittra lill-Korintin? “Ħalli dawk li għandhom mara, dawk li għandhom dar, dawk li għandhom raġel, dawk li għandhom it-tfal, dawk li għandhom professjoni, dawk li għandhom proprjetà, bħallikieku ma għandhomx”. Tiġi sewwa wkoll! Daqshekk taħbit… daqskemm stinkajt, daqskemm kissirt rasi! Imma San Pawl għandu raġun. Għax ser jasal il-mument meta noqorbu lejn il-mewt, meta t-tfal, il-mara, ir-raġel, il-proprjetà, is-suċċess, dak li għamilt fil-ħajja, dak li bnejt, kemm kbirt fil-ħajja, jiġi bla valur.

Xi jkollu valur? Ħaġa waħda biss: kemm ħabbejt u kemm inqast milli nħobb. Jiena naħseb li ħafna minna kellna esperjenza li nkunu ħdejn nies f’dawn il-mumenti hekk delikati, li jkunu għaddejjin minn din id-dinja għad-dinja l-oħra. X’jiġik f’rasek int? X’ġiek f’rasek int li kont ħdejhom? X’jiġihom f’rashom huma li jkunu qegħdin bil-mod il-mod jitilqu din id-dinja, biex jidħlu fil-ħajja ta’ dejjem? Jgħixu mument ta’ libertà kbira. La jimpurtak kemm baqagħlek ġid, u la jimpurtak kemm għandek flus il-bank. Dak il-ħin f’moħħok tiġik ħaġa waħda: kemm ħabbejt, u kemm inqast milli nħobb. Dak li jiġik f’rasek: il-Kelma ta’ Alla, “l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù Kristu”, qalilna San Mark (1:1). Il-Vanġelu ta’ Alla, dak li jiġik f’rasek. Il-bqija, kollu bla valur. U allura dak hu l-iktar importanti. U allura n-nies, kulħadd, għandu bżonn tal-Kelma ta’ Alla.

Il-Kelma ta’ Alla mhix fissazzjoni tal-Knisja, jew tas-saċerdoti li jridu jdeffsuha fl-imħuħ tan-nies. Il-Kelma ta’ Alla hija bżonn ta’ kulħadd, b’mod speċjali ta’ min hu fil-Galilija. Ġesù jmur iwassal il-Bxara t-Tajba fil-Galilija, jiġifieri għand min qed jgħix fil-kunfużjoni, ma għandux direzzjoni, hu meħud mill-ġirja tal-ħajja. Il-Galilija kienet post fejn jiltaqgħu ħafna kulturi, ħafna reliġjonijiet, ħafna tipi ta’ soċjetà, ħafna tipi ta’ razez flimkien. Ftit jew wisq qisu ż-żmien tagħna, dak li għaddejjin aħna minnu bħalissa. Ġesù jmur hemm, mhux biex jimponi l-Kelma tiegħu fuq in-nies tal-Galilija, imma għax konvint li n-nies tal-Galilija għandhom bżonn tal-Kelma li ssalva u tagħti l-ħelsien.

Il-profeta Ġona huwa eżempju ta’ bniedem li għalih il-Kelma ta’ Alla kienet professjoni. Il-Kelma ta’ Alla ma kinitx il-ħajja tiegħu ta’ veru, imma kienet sempliċiment biċċa xogħol, impjieg li ġie mqabbad jagħmel. Uħud mill-profeti tat-Testment il-Qadim xogħolhom ta’ profeti kien l-uniku sors ta’ kif jgħixu, kienu jitħallsu. U fil-fatt, minħabba f’hekk, kien ikun hemm ħafna profeti foloz. Għax, biex tagħqad, dawn kienu jitħallsu skond kemm kienet tkun pożittiva jew negattiva l-profezija. Jekk il-profezija li l-profeta jagħmel tħabbar suċċess, rikkezza qalb il-poplu, allura kien jitħallas tajjeb. Jekk, min-naħa l-oħra, il-profeta jħabbar tbatija, qerda, xi diżgrazzja, kien jitħallas, imma b’xi xebgħa, kif ġralu kemm-il darba Ġeremija.

Għal uħud minnhom il-profezija kienet impjieg, imma għal oħrajn il-profezija kienet il-ħajja: ma kienx hemm differenza bejn il-kelma li jgħidu u l-ħajja li jgħixu. Għandna l-eżempju ta’ Ġwanni l-Battista msemmi fil-Vanġelu tal-lum (Mk 1:14-20). U l-Battista “ġie mogħti” – il-Vanġelu jgħidilna “ġie arrestat”, imma hu “ġie mogħti u maqtul”. Dak li qal Ġwanni kien jgħixu b’ħajtu. Ma kienx hemm differenza bejn il-kelma u l-ħajja. L-istess il-persuna ta’ Ġesù. Fil-fatt Ġesù huwa msejjaħ il-Kelma ta’ Alla. L-esperjenza ta’ ħajtu u l-kliem li jgħid huma ħaġa waħda. Ġesù huwa l-Kelma tal-Missier, il-Kelma ta’ Alla.

Allura f’dan il-Ħadd iddedikat lill-Kelma ta’ Alla, dan kollu jistimulana u jimbuttana, mhux biss biex nisimgħu l-Kelma, imma biex nirriflettu fuqha; mhux biss biex nifhmuha, imma biex inħalluha tmiss il-qalb tagħna u tbiddilna minn ġewwa. Ilkoll kemm aħna għandna xi tip ta’ esperjenza ta’ dan kollu. Dik id-darba, jew dawk id-drabi, li int smajt il-Kelma ta’ Alla fil-quddiesa, jew forsi f’xi grupp fejn tmur, u din il-Kelma ħassejtha tmissek fil-fond ta’ qalbek, dik il-Kelma ta’ Alla lilek bidlitek ħafna drabi mingħajr ma ndunajt. Għax il-Kelma għandha din il-qawwa li ssalvana. U aħna u nisimgħuha, bil-mod il-mod, ninbidlu fiha, ninbidlu fl-istess Kelma li nisimgħu.

Din hi s-sbuħija u l-kobor tal-Kelma ta’ Alla. Dan hu li qed niċċelebraw dalgħodu, bl-istituzzjoni ta’ dan il-Ministeru. Hekk, b’mod uffiċjali, Matthew qed jiġi msejjaħ biex il-Kelma li jxandar, ma jxandarhiex biss b’xofftejh, imma jxandarha fuq kollox bl-esperjenza ta’ ħajtu, bil-persuna tiegħu. Għal Ġesù, dawk li kienu jisimgħuh, kienu jgħidu: “Dan jitkellem b’awtorità”, dak li jgħid mhux għax semgħu mingħand ħaddieħor, dak li jgħid mhux għax tgħallmu bl-amment, dak li jgħid mhux għax imqabbad minn ħaddieħor biex jgħidu; dak li jgħid huwa hu, jgħixu. U din hi l-libertà, dan hu l-ħelsien, din hi s-sbuħija tal-ħajja: meta aħna l-ulied ngħixu u nagħmlu tagħna l-Kelma tal-Missier, il-Kelma ta’ min ħalaqna.

Ejjew inħossuna xxurtjati, destinatarji ta’ rigal hekk kbir, ta’ din il-Kelma ta’ Alla. Kemm hi xi ħaġa kbira illi Alla jdur lejna u jkellimna. Kemm hi xi ħaġa kbira illi Alla mill-għoli tal-kobor tiegħu, mill-Misteru li aħna nifhmu u ma nifhmux, jiġi f’nofsna bħala bniedem u jkellimna, kif nagħmlu aħna bejnietna: Kelma ta’ salvazzjoni, Kelma ta’ ħelsien, Kelma ta’ mħabba, Kelma ta’ tama, Kelma ta’ fiduċja. Ejjew nitolbuh lill-Mulej biex kull wieħed u kull waħda minna ma narmux dan id-don, ma naħluhx, imma nilqgħuh, ngħożżuh, inħalluh jikber fina, tant li aħna, bil-mod il-mod, bil-qawwa tal-Ispirtu Qaddis, ninbidlu f’din il-Kelma.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.