Il-Papa Franġisku jiltaqa’ mas-superstita ta’ Auschwitz

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa nnifu talab li jmur iżurha f”darha stess

Wara li l-Papa qara l-intervista ta’ Edith Bruck, li kienet tiddeskrivi l-kruhat li hi u l-familja tagħha esperjenzaw matul il-persekuzzjoni Nażista, hu ħassu kommos u talab biex jiltaqa’ magħha u għamilha żjara f’darha. Din iż-żjara seħħet nhar is-Sibt li għadda wara nofsinhar fejn il-Papa vvjaġġa lejn iċ-ċentru ta’ Ruma għal żjara privata fid-dar ta’ Edith Bruck, kittieba Lhudija t’oriġini Ungeriża li qattgħet żewġ terzi ta’ ħajjitha l-Italja.

“Ġejt hawn biex nirringrazzjak tax-xhieda tiegħek u biex nagħti ġieħ lin-nies martri mill-ġenn tal-populiżmu Nażista,” qalilha l-Papa Franġisku. “U b’sinċerità nirrepeti l-kliem li tennejt minn qalbi f’Yad Vashem u li ngħid lil kull persuna li, bħalek, sofriet tant minħabba dan: [nitlob] maħfra, O Mulej, f’isem l-umanità.”

Preżenti għall-laqgħa kien hemm ukoll id-direttur ta’ L’Osservatore Romano, Andrea Monda, li fis-26 ta’ Jannar ippubblika l-intervista emozzjonali ta’ Bruck lil Francesca Romana de’ Angelis.

Fi stqarrija, s-Santa Sede nnutat li, l-konversazzjoni mal-Papa reġgħet qanqlet dawk il-mumenti ta’ dawl li bihom ġiet aċċentwata l-esperjenza tal-infern tal-kampijiet u fakret il-biżgħat u t-tamiet għaż-żmien li ngħixu fih, u enfasizzat il-valur tal-memorja u r-rwol tal-anzjani biex jikkultivawha u jgħadduha liż-żgħażagħ.

Edith Bruck iddedikat ħajjitha biex tagħti xhieda ta’ dak li rat. Hija ġiet mitluba tagħmel dan minn żewġ barranin, li tkellmu magħha fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Bergen-Belsen: “Għid l-istorja. Mhumiex se jemmnuk. Imma jekk tibqa’ ħajja, għid l-istorja, għalina wkoll.” U żammet il-fidi u t-tama.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-02/pope-francis-meets-with-auschwitz-survivor.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: