Mibnija fuq blata

It-Tnejn, 22 ta’ Frar 2021: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Festa tal-Kattedra ta’ San Pietru. Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Floriana.

Mibnija fuq blata

Minn fost l-appostli kollha li Ġesù bagħat biex ixandru l-Bxara t-Tajba, għażel lil Pietru biex ikun dak li jmexxi l-Knisja taħt il-mexxej il-kbir, li hu Kristu nnifsu. Il-Papa San Ljun il-Kbir, hu u jirrifletti fuq ir-rakkont li għadna kemm smajna fl-Evanġelju, jgħid: “Kemm hu kbir u tal-għaġeb is-sehem li Kristu għoġbu jagħti lil dan ir-raġel mis-setgħa tiegħu stess!”

Rajna lil Ġesù jistaqsi lill-appostli n-nies min jgħidu li hu. U meta jkellmuh l-appostli, jgħidulu li n-nies jaħsbu li hu dak, jew li hu l-ieħor. Innutaw: m’hemmx waħda tajba f’li jaħsbu n-nies! Aħna nafu li mhux bilfors dak li jaħsbu l-parti l-kbira tan-nies ikun korrett. Imbagħad Ġesù jistaqsi lilhom “Intom min tgħidu li jien?”, u jwieġbu Pietru: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj”. U Ġesù jurih kif din hi t-tweġiba eżatta, imnebbħa minn Alla. Ma qalhiex biss minn moħħu,  imma tweġiba mnebbħa minn Alla.

Imbagħad Ġesù jgħidlu: “Inti Pietru”. Minn Xmun jibdlu f’Pietru. Inti l-blata. Din l-istqarrija tal-fidi ta’ Pietru tagħmlu l-blata li fuqha Ġesù jibni l-Knisja tiegħu. Fl-Iskrittura nsibu li Ġesù hu l-ġebla tax-xewka li torbot il-bini kollu flimkien; ġieli nsibu wkoll li Ġesù hu l-pedament, u fis-salmi nsibu: “Il-Mulej hu l-blata tiegħi”. Hawnhekk Ġesù ried jurih li qed jagħtih sehem minn din it-tmexxija, minnu li hu l-blata, biex ikun blata bil-qawwa ta’ Ġesù, mhux bil-qawwa ta’ Pietru stess.

Fil-fatt, tolqotna kif jekk naraw lil Pietru fl-Evanġelju, narawh li hu kollox minbarra blata, fis-sens li s-soltu nifhmu bi blata li hi xi ħaġa soda. Pietru kien bniedem ġeneruż, onest, entużjast, jieħu l-iniżjattiva, bniedem li jħobb; imma fil-mument tal-prova, ċaħad li jaf lil Ġesù. U din nibqgħu nfakkruhielu kull darba meta nirrakkontaw il-ġrajja tal-Passjoni! Imma Ġesù lilu għażel biex hu, midneb ittrasformat mill-ħniena ta’ Alla, ikun il-blata li fuqha jibni l-Knisja tiegħu. Mhux bil-qawwa ta’ Pietru, bil-ħila tiegħu, imma bil-qawwa li jagħtih Alla. Aħna nafu li Ġesù l-Knisja ma bnihiex fuq l-anġli, jew il-membri tagħha huma anġli, imma huma midinba ttrasformati mill-ħniena ta’ Alla.

Illum, fil-festa tal-Kattedra ta’ San Pietru, niftakru ħafna fis-suċċessur ta’ Pietru li hu l-Papa Franġisku. Illum inġeddu l-lealtà tagħna lejn il-Papa. Aħna fih naraw il-blata, fih naraw dak li bit-tagħlim tiegħu jmexxina fit-triq tas-sewwa. Nafu kemm il-Papa Franġisku jagħmel ġid, nafu wkoll kemm jiltaqa’ ma’ ostakli fil-ħidma tiegħu. Għalhekk illum irridu nġeddu r-rabta tagħna mal-Papa, li hu s-suċċessur ta’ Pietru. Fih naraw dak li jmexxi l-Knisja ta’ Kristu.

Ġesù jgħid kelma ta’ konsolazzjoni fl-Evanġelju llum: “…is-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex.” Għall-Knisja qed jgħid. Meta jgħid hekk, mhux qed jgħid biss għal min jostakola jew jopponi l-ħidma ta’ ġid li tagħmel il-Knisja. Qed jgħid ukoll kultant għal ġewwa. “Is-setgħat tal-infern” jistgħu jkunu kultant ġewwa: min bil-kelma jew bl-azzjoni jagħmel ħsara lill-Knisja, jew anke minn ġewwa jostakola l-ħidma tal-Knisja jew tal-Papa stess. Aħna llum tlabna lill-Mulej biex ikun ir-ragħaj li jmexxina. Imqar jekk nimxu f’wied mudlam, ma nibżgħux għax hu magħna. Permezz tal-Papa, għandna wkoll dan is-sinjal li hu magħna u jmexxina fit-triq tas-sewwa. Nitolbu llum b’mod speċjali għall-Papa Franġisku biex il-Mulej ikompli jgħinu fil-missjoni li fdalu ħalli hu jkun il-blata permezz tat-tagħlim tiegħu u tax-xhieda sabiħa li jagħti, il-blata li fuqha jkompli jibni l-Knisja tiegħu; u aħna wkoll illum inġeddu l-fedeltà tagħna lejn il-Papa Franġisku.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply