Iftħu qalbkom għall-fqir – L-Arċisqof lill-istudenti universitarji

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 25 ta’ Frar 2021: Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna f’għeluq il-120 anniversarju tal-Kunsill Studenti Universitarji. Knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt Valletta.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù juża żewġ elementi min-natura u jgħid min aħna. L-identità tagħna tinġabar f’dawn iż-żewġ elementi li jsemmi Ġesù: il-melħ. Mhux se nidħol f’polemika mat-tobba li jgħidulna tiħux ħafna melħ. Wara kollox, fl-università jekk titgħallem xi ħaġa hija li tirrispetta x-xjenza. Jekk trid ikun bniedem tassew ta’ fidi, qatt m’għandek tiddisprezza l-għerf li hemm fil-ħolqien. Min huwa tassew xjenzjat jogħxa bl-istraordinarjetà ta’ dak li hemm fil-ħolqien. Il-pass ta’ umiltà huwa li minn dik l-ammirazzjoni tiftakar li hemm imħabba li qed tidderiġi kollox. U la hija mħabba personali, aħna nagħtuha isem għax, wara kollox, Alla hu dak li hu: l-imħabba personali li tħalli l-marka tagħha f’dak kollu li nistgħu naraw u nesperimentaw, u li jekk ikollna naqra umiltà twassalna biex niltaqgħu miegħu, li huwa lil hemm minn kull esperimentazzjoni.

… qatt m’għandek tiddisprezza l-għerf li hemm fil-ħolqien.

Il-melħ fil-kultura tal-kontemporanji ta’ Ġesù kien element essenzjali ta’ konservazzjoni; ma kienx hemm refriġirazzjoni bħalma għandna aħna. Il-melħ kien essenzjali biex l-ikel ma jaqtax. Il-melħ kien u għadu dak li jagħti t-togħma.

L-irwol tal-Kunsill Studenti Universitarji

Xi tfisser li student universitarju jgħin biex il-kultura u x-xjenza, l-akkademja, jiġu ppreżervati? Il-melħ kien jevita l-korruzjoni. Il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) jirrappreżenta lill-istudent fl-entużjażmu tiegħu, fid-djalettika kontinwa tal-ħsibijiet u tal-fehmiet li għandu jkun xprun għall-inizjattiva. Il-KSU għandu jifhem li jrid ikun bħal melħ: preżenza li tgħin lill-ispirtu universitarju biex ma jikkorrompi qatt ruħu bit-tellieqa għal min jiġi l-ewwel għad-degree bħala xi ħaġa li hija l-ikbar għan tal-esperjenza universitarja. Jekk l-esperjenza universitarja ssir tellieqa biex tasal li ngħaddi, ikolli karta mwaħħla mal-ħajt u daqshekk, allura ssir esperjenza fqira wisq. L-esperjenza tal-università trid tkun esperjenza li lil bniedem tkabbru fis-sentimenti nobbli tas-solidarjetà, tal-għerf u l-għaqal fis-sens tal-Istat, l-altruwiżmu ta’ min jagħti ħajtu fil-professjoni li jkun imsejjaħ għaliha, u li juża l-għerf għall-ġid tal-bnedmin. Iżda jekk ma jkunx hemm dan il-melħ, l-università ssir esperjenza utilitarja, titlef ir-ruħ tagħha.

Il-KSU għandu jifhem li jrid ikun bħal melħ: preżenza li tgħin lill-ispirtu universitarju biex ma jikkorrompi qatt ruħu bit-tellieqa għal min jiġi l-ewwel …

Nifhem li din l-esperjenza meta għandek korp studentesk li jilħaq l-għaxart elef student mhux dejjem huwa faċli u jiena nixtieq nirringrazzja lil dawk li fost ħafna affarijiet oħra l-istudent għandu jagħmel, jiddedika wkoll l-esperenza tagħhom fl-università għas-servizz tal-ġid komuni tal-istudenti u tas-soċjetà. Bla ma rridu nħarsu lejn l-istudenti tal-università, ħafna drabi anke l-membri tal-KSU, u nistaqsu l-mistoqsija: kif se jkunu lmexxejja ta’ għada? Dawn qegħdin magħna. L-esperjenza professjonali ta’ wara l-università mhix kapaċi tgħaġġnek daqskemm kapaċi tgħaġġnek esperjenza pożittiva ta’ kollaborazzjoni u ta’ impenn f’dawn is-snin formattivi.    

…kif se jkunu lmexxejja ta’ għada?

Ġesù jitkellem fuq id-dawl u ħin minnhom jurina li d-dawl huma l-għemejjel tajba tagħkom. “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5:16). X’inhuma dawn l-għemejjel tajba? Huma għemejjel li jgħinuna noħorġu minna nfusna u nkunu għotja lill-oħrajn.

Fl-enċiklika soċjali l-iżjed reċenti tiegħu, Fratelli Tutti, meta l-Papa Franġisku jitkellem fuq il-fratellanza, il-fatt li aħna lkoll aħwa u wlied Missier wieħed, jgħid li jekk il-bniedem jingħalaq fih innifsu, ma jkunx jista’ jikber, imma jekk jingħata allura qiegħed jimmatura u jasal għall-milja tad-don li hemm fih. L-università trid tkun dan il-proċess fejn l-istudent mhux biss jirċievi formazzjoni akkademika mill-aqwa. U ta’ dan għandna għaliex inkunu grati lejn l-università. Mhux biżżejjed li jkun iffaċilitat l-istudju u ffaċilitata r-riċerka tagħna. U ta’ dan hemm bżonn inkunu grati lejn l-istituzzjonijiet. Imma hemm bżonn ukoll li b’mod speċjali l-KSU jkun ir-ruħ fil-qalb tal-korp studentesk, li jimpenja ruħu għall-għanijiet li jmorru lil hemm, li jħarsu iktar ’il bogħod.

L-università trid tkun dan il-proċess fejn l-istudent mhux biss jirċievi formazzjoni akkademika mill-aqwa.

Kif għandu jkun student universitarju?

Ippermettuli nissuġġerixxi ftit elementi li nħosshom ta’ attwalità.    

L-istudent universitarju għandu bżonn jagħmel spazju f’qalbu u f’ħajtu għal min hu fqir. Il-faqar mhuwiex biss materjali imma huwa psikoloġiku, huwa spiritwali.Il-faqar huwa l-fatt li wieħed ma jkollux mezzi biżżejjed biex dak li hemm fih jiżviluppah u jimmaturah. Il-faqar jista’ jkun dipendenza jew mis-sustanza jew minn xi ħaġa li minflok tgħinek tikber, teqirdek.

L-istudent universitarju għandu bżonn jagħmel spazju f’qalbu u f’ħajtu għal min hu fqir.

L-istudent universitarju, hu u jikber u jagħti ħajtu, irid jiftakar li jrid ikun ta’ servizz. L-istudent universitarju jrid ikun ukoll persuna li jkollha sens tal-Istat. Xi tfisser din? Aħna ormaj qegħdin inħarsu lejn ġenerazzjonijiet ta’ studenti li lil Malta kolonjali ma jiftakruhiex, jaqraw dwarha fil-kotba, jekk jaqraw. Imma iżjed urġenti li kull wieħed u waħda minna nrabbu fina din ir-responsabbiltà soċjali. Fi żmien il-kolonjaliżmu konna nwaħħlu fir-re jew fir-reġina; qabel konna nwaħħlu fil-granmastru. Illum m’għandna ’l ħadd f’min inwaħħlu għax jew rajna f’idejna u allura aħna responsabbli, jew inkella għadna bil-mentalità pwerili ta’ gvern jikkmanda u jiena nagħmel li jfettili. Is-sens tal-Istat huwa li ’l quddiem ikollna mhux professjonisti imma studenti li jinkwetaw għad-demokrazija tal-pajjiż, li jinkwetaw li t-treġija tkun treġija nadifa, trasparenti, integra, u leali. Il-KSU huwa b’xi mod arena fejn dawn il-virtujiet u l-ideali jitħaddmu.

L-aħħar kelma tiegħi hija din: fittxu li tkunu bnedmin ta’ xjenza, ta’ tagħlim…

Illum, jiena u dieħel hawnhekk, ilqajt mas-suċċessuri tiegħi fil-KSU. Jiena għamilt sena bħala segretarju ġenerali tal-KSU u sena oħra bħala segretarju internazzjonali. Kienu żminijiet oħra; żmien fit-tmeninijiet meta l-Fakultà tat-Teoloġija kienet imqaċċta mill-università. Nixtieq insellem lill-istudenti ta’ żmieni li rrifjutaw id-diktat tal-awtoritajiet u integraw l-istudenti tal-Fakultà tat-Teoloġija fil-KSU. Permezz ta’ din id-deċiżjoni tal-istudenti — li kienet tmur kontra d-diktat ta’ min kien fil-poter —aħna l-istudenti tat-teoloġija kellna vuċi u rwol. Kienet profezija importanti, statement ta’ libertà, statement ta’ inklużjoni u demokrazija. Illum intom għandkom  sfidi ġodda. M’iniex qiegħed hawn biex ngħidilkom x’għandkom tagħmlu, iżda qiegħed hawn biex nitlob għalikom ħalli l-Mulej jgħinkom tagħmlu dak li huwa sewwa.  

L-aħħar kelma tiegħi hija din: fittxu li tkunu bnedmin ta’ xjenza, ta’ tagħlim, anke f’dawk li huma x-xjenzi umanistiċi u mhux biss fiżiċi. Kunu nies li teċċellaw fil-materja li qed tistudjaw imma qatt tinsew li hemm it-tagħrif u hemm l-għerf. Jiena nitlob għalikom sabiex mal-ħafna tagħrif li qed tieħdu u li jgħinkom tiżviluppaw, tħaddmu u tikbru fl-għerf.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Sir 50, 22-24
Salm: 102 (103), 1-2.3-4.6-7.8.10
Qari II: I Kor 1-9
Evanġelju: Mt 5, 13-16

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply