Ippublikata bil-Malti l-Enċiklika Fratelli tutti

Print Friendly, PDF & Email

Id-Dar Editiriċi ta’ kotba reliġjużi Reliġjon u Ħajja (RuĦ) għadha kif ippublikat l-aħħar Enċiklika tal-Papa Franġisku, Fratelli tutti.

L-Enċiklika, li hi ittra twila tal-Kap tal-Knisja Kattolika, tinkuraġġixxi lil dawk kollha ta’ rieda tajba biex ifittxu x’inhuma r-responsabbiltajiet tagħhom, kemm individwali u kemm kollettivi, quddiem it-tendenzi u l-ħtiġijiet ġodda li għandha d-dinja llum, aktar u aktar fil-qalba ta’ kriżi bħalma hi din tal-pandemija. Minkejja d-differenzi ta’ bejniethom, u permezz tal-għana tal-kulturi u t-tradizzjonijiet reliġjużi, il-bnedmin kollha jistgħu jfittxu s-solidarjetà bejniethom għax iħossuhom “ilkoll aħwa” u wlied l-istess Missier.

Tista’ tinxtara minn EMMAUS (Birkirkara u Ghawdex) jew minn www.ruhmalta.com

Fil-qalba tad-dokument soċjali ta’ Franġisku, magħmul minn tmien kapitli li jagħlqu b’żewġ talbiet sbieħ, waħda lill-Ħallieq u oħra Kristjana ekumenika, hemm it-tieni kapitlu dwar “Il-Barrani fit-Triq” li jippreżenta l-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb bħala mudell għall-fraternità vera kif jipproponiha l-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu.

Ta’ min jinnota li li kemm il-Messaġġ tal-Papa għar-Randan u kemm l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet Maltin iħeġġuna naqraw il-Fratelli tutti.

Id-Dar Editriċi RuĦ kienet twaqqfet mill-Franġiskani Konventwali fl-1967 minn Patri Alexander Bonnici filwaqt li fis-sena ta’ mewtu fl-2006 din għaddiet f’idejn iċ-ĊAK. Sa mit-twaqqif tagħha RuĦ ippubblikat 320 ktieb

Fl-ewwel xahrejn tal-2021 biss diġà ħarġu tliet titli ġodda: ‘Alla hu Sbuħija’ ta’ Patri Josef Pace OFMConv.; ‘Naqraw, nistudjaw u nitolbu bil-Kelma ta’ Alla’ ta’ Patri Martin Micallef OFMCap.; u llum stess, l-Enċiklika Fratelli tutti bil-Malti.

Għax xhur li ġejjin qed jitħejjew diversi pubblikazzjonijiet interessanti oħra fosthom ġabra tad-dokumenti tal-maġisteru tal-Knisja dwar San Ġużepp u ktieb-rigal ta’ Oliver Friggieri dwar is-Salib bi studju fuq l-istess poeżija.

Minbarra dettalji dwar il-kotba nfushom, is-sit joffri wkoll il-possibiltà ta’ xiri ta’ kotba online li wara jitwasslu lix-xerrej sa daru stess.  

Aktar dettalji fis-sit, www.ruhmalta.com.

Tista’ ssib ukoll l-Enċiklika Fratelli tutti online fil-Laikos …

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d