Ċelebrazzjonijiet liturġiċi mill-Arċisqof f’Marzu 2021

Matul ix‑xahar ta’ Marzu, l‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ser ikompli jiċċelebra quddies matul il‑ġimgħa kif ukoll nhar ta’ Ħadd. Dawn iċ‑ċelebrazzjonijiet liturġiċi qed jixxandru fuq TVM2, Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Il‑quddies organizzat mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed jixxandar:

  • Mit‑Tnejn sas‑Sibt fid‑9:30 a.m. mill‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa, fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana. Wara l‑quddiesa tingħad it‑talba tar‑Rużarju. Dan il‑ħin ta’ talb jiġi mtenni fuq TVM2 fil‑5:30 p.m. mit‑Tnejn sal‑Ġimgħa.
  • Kull nhar ta’ Ħadd fid‑9:30 a.m. tiġi ċċelebrata quddiesa fuq TVM2, Facebook u YouTube. Din tiġi mtennija fuq TVM2 fis‑6:30 p.m.

F’dawn il‑ġranet Monsinjur Arċisqof se jiċċelebra l‑quddies f’dawn il‑knejjes:

Il‑Ħadd 7 ta’ Marzu, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil‑Kappella tal‑Bon Pastur, Ħal Balzan. Matul din il‑quddiesa l‑Arċisqof jagħmel l‑iskrutinji lill‑katekumeni li se jirċievu s‑Sagramenti tal‑Bidu tal‑Ħajja Nisranija fil‑Vġili tal‑Għid. Din tixxandar fuq TVM2.

Il‑Ġimgħa 12 ta’ Marzu, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil‑Bażilika Minuri ta’ Marija Bambina, l‑Isla. Din tixxandar fuq TVM2.

Il‑Ħadd 14 ta’ Marzu, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil‑Kappella taċ‑Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas, Ħaż‑Żebbuġ. Matul din il‑quddiesa l‑Arċisqof jagħmel l‑iskrutinji lill‑katekumeni li se jirċievu s‑Sagramenti tal‑Bidu tal‑Ħajja Nisranija fil‑Vġili tal‑Għid. Din tixxandar fuq TVM2.

Il‑Ħamis 18 ta’ Marzu, fis‑6:00 p.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa mat‑tim tal‑adozzjoni fi ħdan il‑Fondazzjoni għas‑Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), fil‑Knisja tal‑Immakulata Kunċizzjoni (Ta’ Sarria), il‑Furjana.

Il‑Ġimgħa 19 ta’ Marzu, Solennità ta’ San Ġużepp, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Pontifikali fil‑Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù (Ta’ Ġieżu), ir‑Rabat. Din tixxandar fuq TVM2.

Il‑Ħadd 21 ta’ Marzu, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil‑Kappella tal‑Ospizju ta’ San Ġużepp, Ħaż‑Żebbuġ, b’radd ta’ ħajr lil Alla għas‑sitt anniversarju tal‑Ingress Solenni tiegħu, u b’suffragju għal ruħ l‑Arċisqof Ġuzeppi Mercieca. Matul din il‑quddiesa l‑Arċisqof jagħmel l‑iskrutinji lill‑katekumeni li se jirċievu s‑Sagramenti tal‑Bidu tal‑Ħajja Nisranija fil‑Vġili tal‑Għid. Din tixxandar fuq TVM2.

Il‑Ġimgħa 26 ta’ Marzu, festa tal‑Imqaddsa Verġni Marija tad‑Duluri, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil‑Kappella tar‑Residenza San Vinċenz de Paul, il‑Marsa. Din tixxandar fuq TVM2. Fil‑5:30 p.m., l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil‑Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù (Ta’ Ġieżu), il‑Belt Valletta. Din tixxandar fuq TVM2.

Il‑Ħadd 28 ta’ Marzu, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof imexxi ċ‑ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il‑Palm bit‑tberik tal‑friegħi taż‑żebbuġ u l‑palm, u wara jkompli bil‑Passjoni tal‑Mulej fil‑Katidral ta’ San Pawl, l‑Imdina. Din tixxandar fuq TVM2.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply