M’aħniex b’kumbinazzjoni!

Print Friendly, PDF & Email

Jgħidu li Frar ifawwar il-bjar. U r-raġuni hi ovvja: Fix-xahar ta’ Frar tagħmel ħafna xita! U, ix-xita, insibha fix-xhur sħan u xotti tas-sajf li artna tafhom biżżejjed!

Madankollu, f’dan ix-xahar ta’ Frar, l-Ispirtu tal-Mulej laqqagħni ma’ biċċa ħsieb li lili għamilli ħemel ġid. Qed nirreferi għall-ħsieb li kiteb il-Papa Emeritu Benedittu XVI fl-omelija tal-quddiesa solenni li ċċelebra meta ġie installat bħala Papa. Interessanti li dan il-kumment kien jirrigwarda l-evoluzzjoni! Min fejn ġie l-bniedem u kif żviluppa f’relazzjoni ma’ speċi oħra u beda’ jinbidel mal-medda taż-żmien. Isimgħu x’qal Papa Ratzinger dakinnhar: Aħna m’aħniex xi prodott ta’ kumbinazzjoni jew mingħajr tisfira. Kull wieħed u waħda minna hu r-riżultat tal-ħsieb ta’ Alla. Kull wieħed u waħda minna ġie mixtieq u mixtieqa, maħbub u maħbuba, kull wieħed u waħda minna hu u hi neċessarju.

Jaħasra li kieku dan il-kliem jitwaħħal ftit fuq kull dar, kunvent, Knisja, presbiterju, post tax-xogħol, u, illum ngħid, għaliex ma jitwaħħalx ukoll fuq il-menu tar-ristoranti! U, fuq kollox, online! Kemm hawn nies imweġġa’ l-għaliex ħaddieħor għamilhom iħossu li huma proprju prodott ta’ kumbinazzjoni! Li huma ma kienux le fil-pjan tal-ġenituri tagħhom biex jiġu fid-dinja! U allura ġew fid-dinja veru bi żball! Għidli ftit x’jibqa’ fik meta issib lil xi ħadd li jiġi u jgħidlek hekk! Dan biex ma nsemmix fl-appartenenza ta’ komunitajiet fejn il-klikka tant qed teskludi nies u tagħmel ħsara li l-membri l-oħra li jħossuhom ma jappartjenux għaliha iġġagħlhom iħossu li huma qiegħdin hemm bi żball. Meta, u bir-raġun kollu, il-kankru ta’ dik il-komunità hi l-klikka mxajtna li qed taħkem fiha!

Imma ħbieb, u għall-grazzja tal-Mulej, din hi parti mill-istorja. Anzi! Frazzjoni tant żgħira li, u grazzi Mulej, għadd titfarrak u ssir irmied. U miskin hu min għadu jaħlef biha u jagħti ħajtu għaliha għax jinqered magħha żgur. L-għaliex il-verità hi waħda: aħna m’aħniex le prodott ta’ kumbinazzjoni. Ma ġejniex bi żball! Aħna m’aħniex ir-riżultat ta’ xi ħaġa li marret ħażin. Aħna ġejna MIXTIEQA minn xi Ħadd! U dan ix-xi ħadd hu l-Mulej! Aħna mixtieqa eternament minnu!

Dan il-fatt hu tant sabiħ li, minnu nnifsu, inessina kull niket u weġgħa li jagħmlilna min mhux f’kuntatt miegħu innifsu. Aħseb u ara mela kemm hu f’kuntatt mal-Mulej li ħalqu u ħalaqha! Għax, u fil-verità, aħna MAĦBUBA mill-Missier tagħna tas-Sema. U MAĦBUBA għal dak li aħna. Ma nafx għaliex gruppi settarji din il-ħaġa ma tinżlilhomx! Il-Mulej dejjem jibda’ minn fejn il-bniedem ikun. U, proprju, ikun minn hemm li jibda’ jmexxi lill-persuna ‘il quddiem. Minn hemm li jibda’ juri lill-persuna kif għandha timxi. Mela, ejjew qatt ma nagħmlu l-iżball u naqbdu t-test bibliku u nsegwu l-proċedura tal-figolli. Jiġifieri, niftħu l-għaġina u inpoġġu l-forma fuqha. U dak li hu tajjeb jidħol fil-forma filwaqt li l-bqija jintrema’ barra. Le ħbieb! Aħna m’aħniex fundamentalisti! Aħna nemmnu fl-Ispirtu s-Santu! Fil-Mulej li jagħti l-ħajja u li jaħdem bil-mod tiegħu fl-affarijiet li aħna mhux dejjem nifhmu! Naħseb li l-Mulej, permezz ta’ Papa Franġisku, dan il-fatt qed ifissirhulna sewwa ħafna u fid-dettall ukoll.

Il-Mulej ĦASEB fija! Hemm kelma aktar sabiħa minn din? Personalment, meta l-Mulej jagħtini l-grazzja li nżur jew inċempel lil xi ħadd, inkella nibgħat xi barka f’għeluq snin xi ħadd, kemm il-persuna tifraħ! Emmnuni li ma nistax inġerraħ il-fatt li, “l-għerf”(?), għal uħud ifisser qtugħ totali minn kulħadd. Jiġifieri, li wieħed joqgħod imsakkar f’kamra, ħajtu kollha, u jara li minn hemm ġew ma joħroġx! Għax jibża’ li iniġġes ruħu għax jiltaqa’ ma’ ħaddieħor. Kemm dan il-ħsieb ma jreġix ħbieb! Għall-kuntrarju, l-għerf ifisser li tiltaqa’ mal-persuna l-oħra. L-għerf ifisser titgħallem mill-persuna l-oħra. L-għerf ifisser tidħol fi djalogu ma’ persuna l-oħra. Liema persuna hi ktieb, tad-demm u l-laħam. Hi ktieb li tieħu n-nifs u li tista’ taqbad diskussjoni miegħu u magħha. Jaħasra! Għaliex uħud, imxammra kemm tridhom, dan il-fatt daqshekk bażiku ma jagħrfuhx? Hi daqshekk bi kbira biex dan id-diskors tat-tfal jinftiehem jew jien qed nibża’ għan-naqra poter li, moħħi, ipasparli li għandi?

U għal din it-tip ta’ attitudni ta’ mġieba li għaliha tifsira m’hemmx! Għax qatt ma jistgħu jixxarpnaw, jirfinaw jew, għaliex le, iwaqqgħu l-idejat tagħhom dawn l-aħwa. Imma meta nidħlu f’relazzjoni l-istorja hi xorta oħra. L-għaliex, fit-taħdit tagħna, nistgħu iva fl-aħħar nikbru! U nikbru flimkien! Almenu nibdew nindunaw kemm il-Mulej iħobbna. U jħobbna tassew! Li tana lil xulxin ħa napprezzawh f’xulxin!

Għalhekk, meta tħossok li warrbuk għax ma tappartjeni għall-ebda klikka, ftakar fil-kliem tad-deheb tal-Papa Benedittu XVI: Int riżultat tal-ħsieb ta’ Alla! Int mixtieq u mixtieqa minnu! Int, għalih, tfisser ħafna! Int għalih il-maħbub u l-maħbuba tiegħu! Int neċessarju u neċessarja! Għax int irrepetibbli! Għax dak li tista’, bil-grazzja tiegħu, tagħmel int ma jista’ jagħmlu ħadd fuq wiċċ id-dinja! Int, f’din id-dinja, hawn tassew bżonnok! Bik u mingħajrek mhux xorta le! Int, il-Mulej, investa fik billi tak qalb li biha int tista’ ixxerred l-imħabba! Tista’ tiżra’ il-ħniena u l-mogħdrija! Tista’ tkun promutur u promutriċi tas-sliem tiegħu! Għax int m’intix ħaddieħor għajr int! Mela ifraħ li int dak li int! U ħalli lilu jissokta jibdlek fiH! Bil-valuri u l-imġibiet tiegħU. Ħalli fiH tkun aktar int! Għax minnu int ħriġt. U għandu għad trid terġa’ tmur!

Altru mela li m’intix b’kumbinazzjoni! Li ma ġejtx b’kumbinazzjoni! Int ġejt għax IPPJANAT U IPPJANATA! Ġejt l-għaliex kont MAGĦŻUL U MAGĦŻULA! Tgħidlix biex infissirlek. Għax ma nafx. Li naf hu li int bi ĦSIEB qiegħed u qiegħedha hawn! U li l-missjoni tiegħek hemm bżonn li twettaqha! Ħalli d-dinja tieħu r-ruħ b’dak li titfa’ fiha INT li immexxi u immexxija MINNU!

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading