Ittra mill-Isqof Anton Teuma

Print Friendly, PDF & Email

Ittra Miftuħa
tal-E.T. Mons. Anton Teuma
Isqof ta’ Għawdex
2 ta’ Marzu 2021

AE 07/2021

Għeżież ħuti saċerdoti, reliġjużi u lajċi,

Dawn l-aħħar ġimgħat, l-aħbar tal-allegati abbużi sesswali fid-Djoċesi tagħna qanqlet f’ħafna minna uġigħ, rabja, inċertezza u sentimenti oħra.

1. Mhux kompitu tagħna li nidħlu fil-merti ta’ każijiet partikolari. Inħallu l-Qorti tagħmel l-istħarriġ tagħha bir-reqqa, bit-tama li tasal għall-verità tal-fatti. U sakemm din il-verità toħroġ, il-ġudizzji personali li nagħmlu jkunu azzardati, u flok jgħinu jistgħu jxekklu t-tiftix tal-verità.

Imma nħossu dmir tiegħi, bħala ragħaj u missier, li nirrifletti u nistaqsi dwar xi jrid Alla minna, f’din is-sitwazzjoni li qed ngħixu. Fid-dawl tal-Misteru tal-Għid, jien ċert li minn din it-tbatija u mewt Alla jrid jagħtina qawmien u ħajja ġdida.

2. Huma ħafna dawk is-saċerdoti u r-reliġjużi li jaqdu l-ministeru tagħhom b’fedeltà u dedikazzjoni. Imma jista’ jiġri li wħud, minflok ikunu tassew qaddejja għas-servizz tal-bnedmin, jispiċċaw biex jabbużaw minn persuni vulnerabbli. Għad li konxju li kull persuna hija responsabbli għal għemilha u għall-konsegwenzi li ġġib fuqha, bħala saċerdot u ragħaj, b’qalb muġugħa nitlob maħfra lil dawk fostkom li xi darba jew oħra batew abbużi ta’ kull xorta fil-kuntest tal-Knisja, lilhom u lill-familjari tagħhom.

3. Flimkien mal-Papa Franġisku ntenni bil-qawwa li ebda tip ta’ abbuż ma għandu jiġi ttollerat fis-soċjetà, inqas u inqas fil-Knisja! Ħażin għalih min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin (ara Mt 18:6). Għalhekk neżortakom biex jekk tafu b’xi tip ta’ abbuż tirrappurtaw lill-Pulizija. Jekk l-abbuż sar fil-kuntest ekkleżjali jew minn membri li għandhom rwol fil-Knisja, għandu jsir ukoll rapport lill-Kummissjoni tas-Safeguarding.[i] Fejn hemm l-abbuż, is-skiet mhux virtù iżda l-aktar arma adattata għal min irid ikompli jabbuża.

Il-mixja tal-fejqan tal-vittma titlob li ssir ġustizzja u li min jabbuża jpatti għall-għemil ħażin tiegħu. Il-proċess tal-fejqan jitlob ukoll li min jiġi abbużat jidħol f’mixja ta’ terapija u sapport psikoloġiku. Għal dan il-għan ġie mniedi helpline konness mas-Safeguarding of Minors – Gozo,[ii] biex il-vittmi u l-familjari tagħhom jistgħu jsibu s-sapport psikoloġiku li għandhom bżonn.

4. Is-Safeguarding of Minors – Gozo, fid-Djoċesi tagħna, qed tagħmel xogħol siewi ħafna u permezz ta’ korsijiet u inizjattivi oħra tissensibilizza u tgħarraf lill-pubbliku dwar din il-pjaga fis-soċjetà u fil-Knisja. Fost l-oħrajn qed jitħejja programm ta’ formazzjoni u edukazzjoni lit-tfal biex jagħrfu jindunaw minn qabel u jiddefendu lilhom infushom kmieni minn vjolentaturi possibbli.

Kull meta tinstema’ l-aħbar ta’ xi tip ta’ abbuż fil-Knisja, bir-raġun jibdew ġejjin fil-moħħ ta’ ħafna minnkom mistoqsijiet bħal: “Għandi nibgħathom lil ibni jew lil binti biex iservu bħala abbatini? Għandi nafdahom b’moħħi mistrieħ għal-lezzjonijiet tal-katekiżmu? Nista’ nserraħ rasi li ma jiġri xejn jekk nibgħathom għall-ħarġa mal-parroċċa?”; u ħafna mistoqsijiet oħra.

5. Jiena ċert li f’din is-sitwazzjoni, Alla jrid li aħna s-saċerdoti, reliġjużi u operaturi pastorali nieħdu aktar bis-serjetà l-formazzjoni kontinwa tagħna. Diġà f’dawn l-aħħar xhur, il-Kummissjoni Djoċesana għall-Kleru ħadet ħsieb tħejji programm ta’ formazzjoni kontinwa biex aħna s-saċerdoti nkomplu nikbru umanament, spiritwalment u pastoralment. Barra minn hekk, bl-għajnuna tas-Safeguarding of Minors – Gozo qed jiġu fformulati policies ċari biex il-familji li jibagħtu lil uliedhom fl-inizjattivi ekkleżjali jkunu jistgħu jserrħu aktar moħħhom, kemm mill-ambjenti fejn imorru u kemm mill-persuni.

6. Alla jrid li kulħadd isalva (ara 1 Tim 2:4). Filwaqt li hija ċara l-kundanna tal-abbuż, jeħtieġ noqogħdu attenti biex dejjem nibqgħu nirrispettaw il-persuna anki ta’ min jabbuża. Dan jgħodd aktar jekk niftakru li spiss il-persuni li jwettqu abbuż kienu huma stess vittmi ta’ xi abbuż. Nifhem ir-rabja li tista’ tinħoloq lejn min jagħmel azzjoni hekk kerha. Iżda rridu noqogħdu attenti biex filwaqt li nkunu nippruvaw insalvaw il-vittma tal-abbuż li jkun sar fil-moħbi minn individwu wieħed, ma noħolqux vittma oħra din id-darba frott ta’ abbuż li jsir bil-miftuħ u b’mod kollettiv. Għalhekk, bħal kull bniedem, anki min jabbuża għandu d-dmir li jħallas għall-għemil ħażin li għamel, imma għandu wkoll id-dritt li jingħatalu s-sapport meħtieġ biex jidħol fi proċess ta’ konverżjoni u fejqan. Alla ma jridx il-mewt tal-midneb, imma li jikkonverti u jgħix (ara Eżek 18:23).

7. Ir-riċerka turi li l-fejqan tal-vittma jkun aktar sħiħ meta min jabbuża, wara li jkun għaraf il-ħażen tiegħu, mhux biss jieħu li ħaqqu iżda fuq kollox jibda proċess ta’ konverżjoni u ta’ bidla. Jekk lil min jabbuża ma nagħtuhx iċ-ċans li jikkonverti, jaf inkunu qed nirrepetu fuqu dak li għamel hu fuq ħaddieħor!

8. Fil-kuntest ta’ każi bħal dawn, jiġini li nistaqsi jekk l-ossessjoni tal-pubbliċizzazzjoni tas-seduti tal-Qorti, aktarx iġġustifikata mill-bżonn ambigwu tat-trasparenza, tkunx tassew ta’ ġid, mhux biss għas-soċjetà b’mod ġenerali, imma fuq kollox għall-vittmi u għall-familjari tagħhom. Biex il-verità tkun tassew ħelliesa (ara Ġw 8:32), anki fir-rigward tal-vittma, trid tiġi mwettqa bil-prudenza u bil-karità (ara Efes 4:15). Min jaf ikunx aħjar jekk f’każi simili, l-awtorità assoluta tal-Qorti u l-manija li kollox u dejjem għandu jiġi kkomunikat fil-midja, jiġu ggwidati mill-esperjenza tax-xjenzi psikoloġiċi, biex tiġi mħarsa l-ewwel u qabel kollox l-integrità tal-persuna umana?

9. Fl-aħħar nett, kelma minn qalbi lilkom il-ġenituri. Kemm xtaqtu u stennejtu t-twelid ta’ wliedkom! Kemm ħadtu ħsiebhom u ħabbejtuhom bi mħabba eċċezzjonali sa mill-ewwel ġimgħat ta’ ħajjithom! Dik l-istess ħeġġa u mħabba tal-bidu komplu ħaddmuha magħhom sakemm jibqgħu jgħixu taħt is-saqaf ta’ darkom. Stinkaw biex ikollkom relazzjoni tajba magħhom. Agħmlu l-ħin, oħolqu klima ta’ akkoljenza mingħajr kundizzjoni, u ibnu komunikazzjoni tajba magħhom.

10. Ix-xena ta’ Ġesù li jbierek lit-tfal (Mk 10:13-16) hija programm għalina lkoll – saċerdoti, reliġjużi u lajċi. Inwegħedkom li l-Knisja fid-Djoċesi tagħna ser tkompli timpenja ruħha b’aktar qawwa biex kull tifel u tifla li jgħixu fil-gżira tagħna jista’ jkollhom esperjenza pożittiva li tgħinhom jikbru u jiżviluppaw fi bnedmin u Nsara maturi.

Nitlob fuqkom il-barka ta’ Alla.

✠ Anton Teuma
    Isqof ta’ Għawdex


Kuntatti importanti

[i] Kummissjoni Interdjoċesana tas-Safeguarding, tel. 22470950.

[ii] Safeguarding of Minors – Gozo, mob. 79553492.

Ara wkoll …

il-verżjoni pdf bil-Malti …

il-verżjoni pdf bl-Ingliż …

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.